Periklu li tintefa l-fjamma tal-fidi.

Vatikan, 27 Jannar 2012:

“F’partijiet kbar tad-dinja l-fidi għaddejja mill-periklu li tintefa bħal fjamma li qed jispiċċalha il-fjuwil. Qegħdin niffaċċjaw kriżi profonda ta’ fidi u telfien tas-sens reliġjuż, u dan huwa l-akbar sfida għall-Knisja llum.

“Għalhekk it-tiġdid tal-fidi irid ikun il-prijorità fl-impenn tal-Knisja kollha fi żminijietna.  Nittama li s-Sena tal-Fidi, bil-kollaborazzjoni mill-qalb ta’ dawk kollha li jiffurmaw il-Poplu ta’ Alla,  tkun tista’ tikkontribwixxi biex terġa tagħmel lil Alla preżenti mill-ġdid f’din id-dinja u biex tiftaħ għall-bnedmin l-aċċess għall-fidi u għall-fiduċja f’dak Alla li ħabbna sa l-aħħar, f’Ġesù Kristu msallab u rxoxt.”

Minn diskors li l-Papa Benedittu XVI għamel lill-parteċipanti fil-laqgħa plenarja tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi.  Ġimgħa 27 ta’ Jannar 2012.

Taħseb li bħala nisrani/ja, inti tista’ tagħmel xi ħaġa biex din il-fjamma tal-fidi ma tintefiex?

  • Fil-familja tiegħek…
  • Fuq il-post tax-xogħol…
  • Fil-ħanut mnejn tixtri…
  • Mal-ġirien u mal-ħbieb…
  • Fil-parroċċa jew fl-għaqda li tattendi…
  • Fil-Knisja, mhux biss dik tal-ġebel, imma wkoll dik ħajja…

Iktbilna …>

Il-Knisja u l-2012

Is-Sena 2012 – Lejn it-tmiem jew lejn bidu ġdid?

Is-sena li għadna kif bdejna, ilha fuq fomm bosta, l-aktar fil-mezzi tal-media sa minn bosta xhur ilu. Kien hemm min interpreta kitbiet antiki biex wasal għall-konklużjoni li tmiem id-dinja hu fil-qrib, eżattament fil-21 ta’ Diċembru 2012.  Oħrajn ma qablux u insistew li l-istess kitbiet ma jħabbrux it-tmiem, imma propju il-bidu ta’ żmien ġdid.

Personalment naħseb li lil bosta persuni, il-logħob bin-numri jimmeraviljhom.  Forsi għaliex fin-numri ta’ din id-data, 20.12.2012,  jilmħu ċertu faxxinu, allura ħasbu li bilfors irid ikun fihom tifsira speċjali, xi kataklażmu straordinarja jew it-twelid ta’ era ġdida. Minn jaf x’għad iridu jivvintaw għad-data 21.12.2112.  Imma sa dakinhar ħafna minna ma jkunux hawn.

Dan kollu, lil uħud iffakkarhom f’dak li suppost kellu jseħħ fil-bidu tas-sena 2000. Imbagħad qalulna li mhux fil-bidu tagħha, imma fi tmiemha.  Għal dawk li bħali għandhom ċerta età, jfakkarhom ukoll fit-tliet ijiem tad-dlam, li kellu jkollna fl-1960.

Continue reading Il-Knisja u l-2012

Twemmin u Fidi l-istess?

Twemmin u Fidi l-istess?

Meta nitkellmu jew nisemgħu oħrajn jitkellmu dwar dan is-suġġett spiss nintebħu li aktarx ma nagħmlux differenza bejn “twemmin” u “fidi”; dak li bl-Ingliż insejħulhom “belief and faith”.

Jista’ jkun …

  • li meta nużaw il-kelma “fidi” aktarx inkunu rridu nfissru “twemmin”?
  • li b’fidi spiss nifhmu dik il-lista ta’ dawk il-veritajiet li li tgħallimna fil-klassijiet tar-reliġjon?
  • li t-twemmin tagħna huwa biss att intelletwali u xejn aktar minn hekk?
  • li f’dan is-sens it-twemmin jista’ jwassal jew forsi ġieli wassal għal ideoloġiji li jkunu wkoll il-kawża ta’ firda, ġlied u gwerrer.

Mill-banda l-oħra, fid-dokument Porta Fidei il-Papa Benedittu XVI jitkellem dwar …

  • il-ferħ tal-fidi u l-entużjażmu biex wieħed jikkomunikha lill-oħrajn;
  • fidi li tikber meta ngħixuha bħala esperjenza ta’ l-imħabba li rċevejna u meta nikkomunikawha bħala esperjenza ta’ grazzja u ferħ;
  • fidi li twassalna biex nagħtu l-frott, għax twessa` ‘l qalbna bit-tama u tagħmilna kapaċi nagħtu xhieda li tagħti l-ħajja;
  • fidi li tiftaħ il-qalb u l-moħħ ta’ dawk li jisimgħu u jwieġbu għal-istedina tal-Mulej biex jisimgħu kelmtu u jsiru dixxipli tiegħu.

Madankollu il-Papa jitkellem ukoll dwar l-importanza tat-twemmin u l-verità tal-fidi u jgħid li l-fidi tikber u tissaħħaħ biss billi nemmnu. Jikteb li ma hemmx possibiltà oħra biex inkunu ċerti għajr dik li nintelqu dejjem aktar f’idejn l-imħabba li l-għajn tagħha hu Alla.

U inti x’taħseb li huwa meħtieġ fil-Knisja f’Malta biex it-twemmin tagħna jimmatura f’fidi vera?

X’hemm bżonn biex minflok jiddeġenera f’ideoloġija, it-twemmin ikun dak li jwassal li min jemmen f’relazzjoni, mhux ma’ sett ta’ veritajiet imma mal-persuna ta’ Ġesù Kristu?

Wara kollox il-fidi tiegħna mhix f’lista ta’ dommi imma fil-persuna ta’ dak li fih nilmħu l-istess Alla.

Iktbilna.  Napprezzaw ħafna l-kummenti tiegħek.

Ambjent morali kontaminat.

Silta minn Diskors ta’ Vaclav Havel

waqt xandira lill-poplu taċ-Ċekoslovakkja

fil-ħatra tiegħu bħala President

1 ta’ Jannar 1990

 

 (Tradott għall-Maltin minn Dun Hector Scerri)

Aħna ngħixu f’ambjent morali kontaminat. Aħna mradna moralment għaliex drajna nitkellmu b’manjiera differenti mill-mod kif konna naħsbu. Drajna ma nemmnu f’xejn, drajna ninjuraw lil xulxin, drajna nagħtu każ tagħna nfusna biss. Kunċetti bħall-imħabba, il-ħbiberija, il-kompassjoni, l-umilta’ u l-maħfra tilfu l-profondita’ tagħhom u d-dimensjonijiet tagħhom, u għal ħafna minna kienu jew saru jirrapreżentaw biss stramberiji psikoloġiċi, jew kienu jixbħu tislimiet antiki li tlifna. Kienu saru xi ftit ridikoli fi żmien tal-kompjuters u tal-vetturi spazjali.

Continue reading Ambjent morali kontaminat.

Bdiet it-tellieqa għall-Milied!

AGĦŻEL IL-FIDI TIEGĦEK L-EWWEL

L-Avvent huwa iktar minn tellieqa għall-Milied

L-Avvent huwa l-bidu tas-sena liturġika tal-Knisja, u huwa iż-żmien speċifiku fejn aħna niġu msejjħa biex nippreparaw lilna nfusna għall-miġja ta’ Kristu, Emmanuel, Alla magħna. Fil-qari tal-Quddiesa, nisimgħu lil Ġwanni l-għammiedi jsejħilna ‘Ħejju t-triq tal-Mulej!’ Iżda meta naħsbu ftit kemm ikollna x’nagħmlu f’dan iż-żmien tal-Avvent u fiż-żmien ta’ Diċembru, li nippreparaw ruħna spiritwalment jidher li jintilef xi daqxejn. L-iktar f’din is-sena li l-ewwel Ħadd tal-Avvent se jiġi fl-aħħar Ħadd ta’ Novembru fejn il-ġirja tax-xiri jkun diġà beda mhux ħażin.

Continue reading Bdiet it-tellieqa għall-Milied!

Titkellem ma’ uliedek dwar Alla?

KIF TKELLEM LILL-ULIEDEK ŻGĦAR FUQ ALLA

Huwa suġġett ferm interessanti imma xi kultant skabruż. Fl-istess ħin huwa importanti ħafna biex ngħinu lill-uliedna jifhmu ftit aħjar min hu dan Alla inviżibbli li ħalaq l-univers u li huwa l-ikbar ħabib tal-umanità. Il-Knisja Kattolika tgħallem li l-ġenituri huma l-ewwel u l-iktar għalliema importanti għall-uliedhom (ara l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, nu. 2225). Bħala ġenituri, huwa importanti ħafna li l-ewwel nikkultivaw relazzjoni tajba ma’ Alla biex nassiguraw ruħna li aħna veru l-aqwa għalliema għall-uliedna biex nintroduċuh lilhom.

Continue reading Titkellem ma’ uliedek dwar Alla?