Organiżmu ġdid għall-evanġelizzazzjoni ġdida.

BL-EVANĠELIZZAZZJONI ĠDIDA L-KNISJA TIĠĠEDDED U TIKBER


“Flimkien mal-isqfijiet kollha se nfittxu nqanqlu organiżmu ġdid li jkun jista’ jaħdem għall-evanġelizzazzjoni ġdida. Kif jeżisti wieħed għall-katekeżi, ieħor għall-karità, l-istess għandu jsir wieħed għall-evanġelizzazzjoni ġdida.”  Dan qalu l-Arċisqof Rino Fisichella, President tal-Kunsill Pontifiċju għall-promozjoni  tal-evanġelizzazzjoni ġdida, f’intervista li ta lill-aġenzija tal-aħbarijiet kattoliċi, Zenit.

L-Arċisqof Fisichella qal li l-ewwel evanġelizzaturi huma l-Isqfijiet u għalhekk  wieħed mill-ħidmiet li l-Papa fdalna f’idejna hu eżattament dak li nagħmlu  kuntatt partikulari mal-konferenzi tal-isqfijiet propju biex jinħoloq dan l-organu.

Huwa qal li l-Evanġelizzazzjoni Ġdida …

  • ma ssirx għax qed ngħixu fi żminijiet ta’ kriżi….
  • tfisser li nġeddu fina l-ispirtu missjunarju li għandu jkollu kull nisrani għax teħtieġ missjunarji ġodda …
  • ma ssirx billi noqogħdu madwar mejda biex nippjanaw …
  • hija intuwizzjoni profetika li ġġegħelna naħsbu bis-serjetà fuq żminijietna …
  • iġġegħelna nifhmu l-mard tas-sekolarizzazzjoni li welled din il-kundizzjoni …
  • u naħsbu fuq x’qed iwassal il-bniedem tallum li ma jimpurtah xejn mill-verità …
  • twassalna nuru li l-laqgħa u l-esperjenza t’Alla hija kundizzjoni meħtieġa biex il-bnedmin tallum jerġgħu jsibu tassew is-sens ta’ ħajjithom …
  • hija d-dmir li inwasslu mill-ġdid il-Vanġelu. …
  • tridna nibdlu l-mod kif nitkellmu, waqt li l-kontenut jibqa’ dejjem dak li hu.

Jekk naħsbu jew nimmaġinaw li l-Knisja hi biss dik li tiġi ppreżentata lilna minn xi mezzi ta’ komunikazzjoni tal-massa, joħroġ ċar li se jkollna dejjem dehra parzjali u mgħawġa. Imma l-Knisja mhijiex hekk. Il-Knisja hi ta’ kobor li tibdel in-nies billi twasslilhom u tkunilhom xiehda tal-Vanġelu.

Ara l-intervista kollha bil-Malti, li Monsinjur Fisichella ta liż-Zenit.  Ikklikkja hawn …>

Ħafna li jagħmlu lilhom infushom allat.

ĊEREMONJA TA’ MERĦBA MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ – DISKORS TAL-Q.T. L-PAPA BENEDITTU XVI

Plaza de Cibeles, Madrid  – Il-Ħamis, 18 t’Awwissu 2011

Għeżież Ħbieb,

Grazzi tal-kliem sbieħ indirizzati lili miż-żgħażagħ li qed jirrappreżentaw il-ħames kontinenti.  U nsellem bi mħabba lilkom ilkoll miġbura hawn, żgħażagħ mill-Oċeanja, l-Afrika, l-Amerka, l-Asja u l-Ewropa; u wkoll lil dak li ma setgħux ikunu hawn.  Jien dejjem inżommkom ħafna f’qalbi u nitlob għalikom.  Alla tani l-grazzja li narakom u nismagħkom mill-qrib u, waqt li miġburin flimkien, nisimgħu kelmtu. Continue reading Ħafna li jagħmlu lilhom infushom allat.

“Il-Fidi ma tmurx kontra l-ideali għolja tagħkom.” Benedittu XVI

VELJA TA’ TALB MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ – L-OMELIJA TAL-Q.T. L-PAPA BENEDITTU XVI

Cuatro Vientos Air Base, Madrid  – Is-Sibt, 20 t’Awwissu 2011

 Għeżież Żgħażagħ,

Insellmilkom ilkoll, speċjalment liż-żgħażagħ li staqsewni l-mistoqsijiet tagħhom, u nirringrazzjahom tas-sinċerità li biha wasslu t-tħassib tagħhom, li juri x-xenqa li intom ilkoll għandkom li tagħmlu xi ħaġa kbira f’ħajjitkom, xi ħaġa li ġġibilkom il-milja tagħkom u ferħ. Continue reading “Il-Fidi ma tmurx kontra l-ideali għolja tagħkom.” Benedittu XVI

Is-soċjetà tagħna għandha bżonnkom.

ŻJARA LILL-FONDAZZJONI SAN JOSÉ – TISLIMA TAL-Q.T. L-PAPA BENEDITTU XVI

Madrid, Is-Sibt, 20 t’Awwissu 2011

Eminenza, Għeżież Ħuti fl-Episkopat, Għeżież Saċerdoti u Reliġjużi tal-Ordni Ospitalier ta’  San Ġwann t’Alla, Awtoritajiet Distinti, Għeżież Żgħażagħ, Membri tal-Familja u Voluntieri, 

Nirringrazzjakom minnqalbi għat-tislima ġentili tagħkom u l-merħba mill-qalb.

Illejla, propju qabel il-Velja ta’ Talb maż-żgħażagħ li mid-dinja kollha nġabru f’Madrid għal dan il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, għandna dan iċ-ċans li nqattgħu ħin flimkien bħala mod li juri l-qrubija u l-istima li l-Papa għandu għal kull wieħed minnkom, għall-familji tagħkom u għal dawk kollha li jgħinukom u jieħdu ħsiebkom fil-Fondazzjoni tal-Istitut ta’ San Ġużepp.

Iż-żgħożija, kif għedt aktar minn darba, hi l-età fejn il-ħajja tinkixef quddiemna bl-għana tal-possibilitajiet li toffri, u b’hekk tnebbaħna li nfittxu dawk l-għanijiet għolja li jagħtuha tifsira.  Għalhekk meta t-tbatija tixref fix-xefaq ta’ ħajja żagħżugħa, nixxukkjaw ruħna; għandna mnejn nistaqsu lilna nfusna: “Tista’ l-ħajja tibqa’ xi ħaġa sublimi, ukoll meta t-tbatija tidħol fiha bla mistenni?”  Fl-Enċiklika tiegħi dwar il-Tama Nisranija, ikkumentajt li “il-qies  tabilħaqq tal-umanità hu essenzjalment determinat fir-relazzjoni mat-tbatija u ma’ min qed ibati… Soċjetà li m’għandhiex ħila tilqa’ lill-membri tagħha li qed  ibatu u ma tafx kif tgħin biex taqsam it-tbatija tagħhom u ġġorrha fil-ġewwieni tagħha permezz tal-‘kom-passjoni’, hi soċjetà, kiefra u inumana” (Spe Salvi, 38).  Dawn il-kliem jixhdu tradizzjoni twila ta’ umanità li toħroġ mill-għotja tiegħu nnifsu ta’ Kristu fuq is-Salib għalina u għall-fidwa tagħna.   Ġesù u, fuq  il-passi tiegħu, Maria Addolorata u l-qaddisin, huma xhieda li juruna kif ngħixu t-traġedja tat-tbatija għall-ġid tagħna u għall-fidwa tad-dinja.

Dawn ix-xhieda jkellmuna, l-ewwel u qabel kollox, dwar id-dinjità tal-ħajja umana kollha kemm hi, maħluqa fuq ix-xbieha t’Alla.  L-ebda tbatija ma tista’ qatt tħassar ix-xbieha divina minquxa fil-fond tal-bniedem. Imma hemm aktar minn hekk: għaliex l-Iben t’Alla ried li, b’rieda ħielsa, iħaddan it-tbatija u l-mewt, aħna nistgħu wkoll naraw ix-xbieha t’Alla f’wiċċ min qed ibati.  Din l-imħabba t’Alla li tagħti preferenza lill-batut tgħinna naraw lill-oħrajn b’mod aktar ċar u  nagħtuhom, lil hinn mill-ħtiġijiet materjali tagħhom, il-ħarsa ta’ mħabba li jeħtieġu.  Imma dan jista’ jsir biss bħala frott ta’ laqgħa personali ma’ Kristu.  Intom stess, bħala reliġjużi, membri tal-familja, ħaddiema fil-kura tas-saħħa u voluntiera li kuljum tgħixu u taħdmu ma’ dawn iż-żgħażagħ – tafuha tajjeb din il-ħaġa.  Ħajjitkom u l-impenn ta’ qadi tagħkom ixandru l-kobor li għalih hu msejjaħ kull bniedem: li juri ħniena u attenzjoni mimlija mħabba lil min qed ibati, hekk kif għamel Alla nnifsu.  Fil-ħidma nobbli tagħkom nisimgħu jidwu l-kliem tal-Evanġelju: “dak li tagħmlu mal-iżgħar fost dawn ħuti, tkunu qed tagħmluh miegħi” (Mt. 25,40).

Fl-istess ħin, intom ukoll xhieda tat-tjubija mill-akbar li l-ħajja ta’ dawn iż-żgħażagħ tirrappreżenta għal dawk li jħobbuhom, u għall-bnedmin kollha.  B’mod misterjuż imma reali, il-preżenza tagħhom tqajjem fil-qlub, sikwit iebsa tagħna, ħlewwa li tiftaħna għall-fidwa.  Il-ħajja ta’ dawn iż-żgħażagħ bla dubju tmiss qalb il-bniedem u għaldaqstant aħna grati lejn Alla li nafuhom.

Għeżież ħbieb, is-soċjetà tagħna, li sikwit tiddubita l-valur bla qies tal-ħajja, ta’ kull ħajja, għandha bżonnkom: b’mod deċiżiv intom tibnu ċ-ċiviltà tal-imħabba.  Aktar minn hekk, intom għandkom irwol ewlieni f’dik iċ-ċiviltà.  Bħala wlied il-Knisja, intom toffru ħajjitkom lil Alla, bit-tlajja u l-inżul tagħha, filwaqt li taħdmu miegħu u b’xi mod issiru “sehem mill-ġabra ta’ ħniena li hi tant meħtieġa għall-bnedmin” (Spe Salvi, 40).

Bi mħabba kbira, u bl-interċessjoni ta’ San Ġużepp, San Ġwann t’Alla u San Benito Menni, jien noffrikom lill-Mulej Alla tagħna: jalla jkun hu is-saħħa u l-premju tagħkom.  Bħala rahan ta’ din l-imħabba, jien bil-qalb nagħti lilkom, u lill-familji u l-ħbieb tagħkom, il-Barka Appostolika tiegħi.

Grazzi ħafna.

Ħajr lis-Ms Maria Pia Gauci li għamlet din it-traduzzjoni ta’ dan id-diskors.

Ħajr lill-Catholic Press Photo ta’ Ruma għar-ritratti.

It-Triq tas-Salib.

IT-TRIQ TAS-SALIB – DISKORS TAL-Q.T. L-PAPA BENEDITTU XVI

Plaza de Cibeles, Madrid – Il-Ġimgħa, 19 t’Awwissu 2011

  

Għeżież Żgħażagħ,

Iċċelebrajna t-Triq  tas-Salib b’ħeġġa u devozzjoni, hekk kif imxejna wara Kristu matul  it-triq tal-passjoni u l-mewt tiegħu.  Il-kummentarji tal-Aħwa Ċkejkna tas-Salib, li jaqdu lill-fqar u lil dawk l-aktar fil-bżonn, għenuna nidħlu fil-misteru tas-salib glorjuż ta’ Kristu, li fih jinsab l-għerf tassew t’Alla li jiġġudika d-dinja u lil dawk li jqisu lilhom infushom għorrief (ara 1Kor 1,17-19).  Konna wkoll mgħejjunin f’dan il-vjaġġ għall-Kalvarju mill-kontemplazzjoni tagħna tax-xbihat mill-isbaħ meħuda mill-wirt reliġjuż tad-djoċesijiet ta’ Spanja.  F’dawn ix-xbihat, il-fidi u l-arti jingħaqdu flimkien biex jinfdu lil qalbna u jsejħulna għall-konverżjoni.  Meta  l-ħarsa tal-fidi hi bla mittiefsa u awtentika, il-ġmiel joffri ruħu għas-servizz tagħha, u jkollha l-ħila tpinġi l-misteri tal-fidwa tagħna b’tali mod li jqanqluna bis-sħiħ u jibdlulna qalbna, bħalma Sta. Tereża ta’ Ġesù nnifisha għexet waqt li kienet tikkontempla x-xbieha ta’ Kristu miġrugħ (ara L-Awtobijografija, 9:1)

Aħna u mixjin ma’ Ġesù lejn il-lok tas-sagrifiċċju tiegħu fuq l-Għolja tal-Kalvarju, jiġuna f’moħħna kliem San Pawl: “Kristu ħabbni u ta lilu nnifsu għalija”  (Gal. 2, 20).  Quddiem imħabba hekk altruista, insibu ruħna nistaqsu, mimlijin b’għaġeb u radd il-ħajr: X’nistgħu nagħmlu għalih? Xi tweġiba nistgħu nagħtuh? San Ġwann jagħtina tweġiba qasira u diretta: “B’dan naslu biex nagħrfu x’inhi l-imħabba: li Ġesù Kristu ta ħajtu għalina.  Aħna wkoll mela għandna nagħtu ħajjitna għall-aħwa” (1Ġw. 3,16).  Il-passjoni ta’ Kristu tħeġġiġna li nerfgħu fuq spallejna t-tbatijiet tad-dinja, għax nafu fiż-żgur li Alla mhux qiegħed  ‘il bogħod, jew imbiegħed mill-bniedem u t-twegħir tiegħu.  Bil-maqlub, hu sar wieħed minna “biex ibati mall-bniedem b’mod għal kollox reali – bil-ġisem u d-demm … għalhekk f’kull tbatija umana aħna għandna magħna wieħed li jgħix u jġorr dik it-tbatija magħna; hekk con-solatio hi preżenti f’kull  tbatija, il-wens tal-imħabba ħanina t’Alla – u għalhekk titla’ l-kewkba tat-tama” (Spe Salvi, 39)

Għeżież żgħażagħ, jalla l-imħabba ta’ Kristu għalina tkattrilkom is-sliem u tħeġġiġkom tfittxu lil min hu inqas ixxurtjat.  Intom miftuħin għall-ħsieb li taqsmu ħajjitkom mal-oħrajn, mela kunu żguri li ma tgħaddux min-naħa l-oħra quddiem it-tbatija, għax hu hawnhekk fejn Alla jistenniekom li tagħtu l-aħjar  tagħkom: il-ħila tagħkom li tħobbu u tħennu. Il-forom kollha ta’ tbatija li nfirxu quddiem għajejna matul din it-Triq tas-Salib huma l-mezz li Alla qed juża biex isejħilna ħalli ngħaddu ħajjitna nimxu fil-passi tiegħu u nsiru sinjali tal-ħniena u l-fidwa tiegħu.  “Li tbati ma’ ħaddieħor u għal ħaddieħor; li tbati għall-verità u l-ġustizzja; li tbati mqanqal mill-imħabba u biex issir bniedem li jħobb tabilħaqq – dawn huma s-sisien tal-umanità, u li jitwarrbu jwassal għall-qerda tal-bniedem innifsu” (ibid.).

Ejjew nilqgħu bil-ferħ dan it-tagħlim u ngħixuh.  Ejjew inħarsu lejn Kristu, imdendel mal-għuda ħarxa tas-salib, u nitolbuh jgħallimna dan l-għerf misterjuż  tas-Salib, li bih jgħix il-bniedem.  Is-Salib ma kienx sinjal ta’ telfa, imma espressjoni ta’ għotja personali li tinfirex sal-ogħla għotja li wieħed jagħti ħajtu stess.  Il-Missier ried juri mħabbtu għalina permezz tat-tgħanniqa ta’ Ibnu mislub: mislub għax ħabb.  Is-Salib, fil-forma u t-tifsira tiegħu, juri din l-imħabba kemm tal-Missier u kemm tal-Iben għall-bnedmin.  Hawn nagħrfu l-ikona tal-ogħla mħabba, li tgħallimna nħobbu dak li jħobb Alla u bil-mod kif iħobb hu: Din hi l-Aħbar it-Tajba li tagħti tama lid-dinja.

Ejjew issa ndawru ħarsitna lejn il-Verġni Marija, li ngħatat lilna fuq il-Kalvarju biex tkun Ommna, u nitolbuha li tagħtina l-qawwa, bil-ħarsien tagħha, fit-triq tal-ħajja, aktar u aktar waqt il-lejl tat-tbatija, biex ikollna l-ħila nibqgħu sodi, bħalha, f’riġlejn is-Salib.

Grazzi ħafna.

Ħajr lis-Ms Maria Pia Gauci li għamlet din it-traduzzjoni ta’ dan id-diskors.

Ħajr lill-Catholic Press Photo ta’ Ruma għar-ritratti.

X’tfisser li tfittex lil Alla?

Ftit ħsibijiet qosra misluta mill-ktieb ta’ Thomas Merton, “The Silent Life”.

  • Li tfittex lil Alla!  Il-kunċett huwa wieħed familjari. Ir-realtà wara l-kunċett hija misteru.
  • Ħadd fid-dinja ma jaf eżattament xi tfisser, li tfittex lil Alla, sakemm huwa stess ma jkunx digà fi triqtu biex isibu.
  • Ħadd ma jista’ jgħid lil xi ħadd ieħor xi tfisser din it-tfitxija, jekk l-ieħor ma jkunx imdawwal, fl-istess waqt, mill-Ispirtu li jkun qed jitkellem f’qalbu stess.
  • Ħadd ma jista’ jfittex lil Alla, jekk huwa ma jkunx diġà beda jsibu.
  • Ħadd ma jista’ jsib lil Alla, jekk qabel Alla ma jkunx diġà sab lilu.
  • Il-bnedmin kollha kienu maħluqa minn Alla biex isibuH, allura l-bnedmin kollha huma msejħa biex ikun bnedmin ta’ Alla.
  • Għandna nfittux lil Alla?
  • L-aktar liġi profonda fil-bniedem hija l-bżonn tiegħu għal Alla. Għal ħajja.  Alla huwa l-Ħajja.  “Fih kienet il-ħajja, u l-ħajja kienet id-dawl tal-bniedem; id-dawl li jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma jifmhux. (Ġwanni 1:15)
  • Il-bżonn l-aktar profond tad-dlam tagħna huwa li d-dlam jifhem id-dawl li hemm jiddi f’nofsu.
  • Alla nnifsu tana l-kmandament, “Inti għandek tħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha.”
  • Imma min huwa, Alla?  Fejn qiegħed, Alla?
  • Alla nnifsu qal, “Ħa jiddi d-dawl mid-dlam”. Dak li idda fi qlubna biex jagħtina d-dawl tal-għarfien tal-glorja ta’ Alla, li tiddi f’wiċċ Kristu.” (2 Kor 4:6)
  • Il-Fidi hija d-dawl li tilluminana fil-misteru.
  • U din il-glieda bejn dawl u dlam, hija għaddejja propju fil-qalb ta’ dak li qiegħed ifittex lil Alla.

L-Evanġelzzazzjoni Ġdida – Ċanfira?

Bi tħejjia għas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar l-Evanġelizzazzjoni Ġdida, is-Segretarjat tas-Sinodu pprovdilna xi mistoqsijiet bil-għan li dawn jiġġeneraw diskussjoni f’kull livell tal-Knisja.  Uħud minn dawn id-domandi jistgħu mhux biss jgħinnuna niddiskutu, imma forsi wkoll jistgħu jkunu ta’ ċanfira.

Tistaqsi s-Santa Sede …

  • Issa, is-suġġett “evanġelizzazzjoni ġdida” hu magħruf sew fil-Knejjes lokali tagħna. X’sar dwar l-evanġelizzazzjoni ġdida, xi tfassal dwarha? X’forma ħadet?
  • Liema attività pastorali speċifika ibbenefikat mill-“evanġelizzazzjoni ġdida”? Ikkummenta dwar xi bidliet li saru fil-programmi pastorali jew xi tiġdid ieħor li seħħ? Min-naħa l-oħra, liema tfixkil jew tensjoni nħolqu f’dan ir-rigward?

U nistaqsi jien …

  • Huwa minnu li fil-Knisja f’Malta, fil-parroċċi tagħna, fl-għaqdiet, fil-movimenti, kunsilli u kummissjonijiet, is-suġġett “Evanġelizzazzjoni ġdida” hu magħruf sewwa?
  • Sar xi ħaġa f’dawn l-istrutturi tal-Knisja f’pajjiżna dwar din it-tema li l-Knisja universali qed tqisha tant importanti?
  • Jekk bdejna,  fhiex wasalna?  Imma jekk għadna ma bdejniex, allura x’qed nistennew.

U inti xi tgħid?

  • Agħti s-sehem tiegħek inti wkoll. Napprezzaw il-kummenti u  suġgerimenti tiegħek,
  • jew mod publiku fuq il-blog stess … ikklikkja hawn  ⇨
  • inkella privatament b’email fuq … ⇨lajci@maltadiocese.org.