66. Id-Duttrina dwar il-Qawmien mill-Imwiet u l-formazzjoni tal-antropoloġija tejoloġka

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  02/12/1981.

1. “Meta nqumu mill-imwiet, infatti, la nieħdu mara u lanqas raġel” (Mk 12,25).

Kristu jippronunzja dan il-kliem, li għandu sinifikat-ewlieni għat-tejoloġija tal-ġisem, wara li kien stabilizza, fid-djalogu mas-Saduċej, li l-qawmien mill-imwiet huwa konformi mal-qawwa ta’ Alla l-ħaj. It-tliet Vanġeli sinottiċi iġibu l-istess espressjoni, u hija biss li l-verżjoni ta’ Luqa ma taqbilx f’xi dettalji ma’ dik ta’ Mattew u ta’ Mark. Huma essenzjali għal kollha l-osservazzjoni li, fil-qawmien mill-imwiet futur, il-bnedmin, wara li jkunu akkwistaw l-iġsma tagħhom fil-milja tal-perfezzjoni propja tal-immaġni u x-xebħ ta’ Alla – wara li jkunu akkwistawhom mill-ġdid fil-maskulinità u l-femminilità tagħhom – “la jieħdu mara u linqas raġel”. Luqa fil-kapitolu 20,34-35 jesprimi l-istess idea permezz tal-kliem li ġej: “Ulied din id-dinja jieħdu mara u jieħdu raġel; imma dawk li huma ġgudikati denji tad-dinja l-oħra u tal-qawmien mill-imwiet, la jieħdu mara u linqas raġel”.

2. Bħal ma jirriżulta minn dan il-kliem, iż-żwieġ, dik l-għaqda li fiha, bħal ma jgħid il-Ktieb tal-Ġenesi, “ir-raġel… jingħaqad ma’ martu u t-tnejn ikunu ġisem wieħed” (Ġen 2,25) – għaqda propja tal-bniedem sa mill-“bidu” – tappartjeni b’mod esklussiv “għal din id-dinja”. Imma ż-żwieġ u l-prokrejazzjoni ma jikkostitwixxux l-futur eskatoloġiku tal-bniedem. Fil-qawmien mill-imwiet jitilfu, biex ngħidu hekk, ir-raġuni tagħhom tal-eżistenza. Dik “id-dinja l-oħra”, li dwarha jitkellem Luqa (Lq 20,35), tfisser it-twettieq definittiv tal-ġeneru uman, l-għeluq kwantitattiv ta’ dak iċ-ċirku ta’ esseri, li kienu maħluqa għall-immaġni u x-xebħ ta’ Alla, sabiex waqt li jimmultiplikaw permezz tal-“għaqda tal-ġisem” konjugali ta’ rġiel u nisa, jiddominaw l-art. Dik id-“dinja l-oħra” mhix id-dinja tal-art imma d-dinja ta’ Alla,li, kif nafu mill-ewwel ittra ta’ Pawlu lill-Korintin, jimliha kollha kemm hi, waqt li jaqsam “kollox f’kulħadd” (1Kor 15,28).

3. Kontemporanjament dik id-“dinja l-oħra”, li skont ir-rivelazzjoni hija “s-saltna ta’ Alla”, hija wkoll il-“patria” eterna tal-bniedem (cf. Fil 3,20), hija d-dar tal-Missier” (Ġw14,2). Dik id-“dinja l-oħra”, bħala patria ġdida tal-bniedem, toħroġ b’mod definittiv mid-dinja attwali, li hija temporali – sottoposta għall-mewt, jew aħjar għad-distruzzjoni tal-ġisem (cf.Ġen 3,19) [“ trab terġà ssir”] – permezz tal-qawmien mill-imwiet. Il-qawmien mill-imwiet, skont kliem Kristu rappurtat mis-Sinottiċi, ifisser mhux biss l-irkupru tal-korporjetà u l-istabiliment mill-ġdid tal-ħajja umana fl-integrità tagħha, permezz tal-għaqda tal-ġisem mar-ruħ, imma wkoll stat għal kollox ġdid tal-ħajja umana nfisha. Insibu l-konferma ta’ dan l-istat ġdid tal-ġisem fil-qawmien mill-Imwiet ta’ Kristu (cf. Rm 6,5-11). Il-kliem ikkwotat mis-Sinottiċi,   (Mt 22,30;  Mk 12,25;  Lq 20,34-35) allura jirbombja (jiġifieri wara l-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu) għal dawk li jkunu semgħuh, ikolli ngħid kważi b’qawwa projbitiva ġdida, u fl-istess ħin jakkwista l-karattru ta’ wegħda konvinċenti. Madankollu għalissa nieqfu fuq dan il-kliem fil-fażi tiegħu “prepaskwali” waqt li nibbażaw biss fuq is-sitwazzjoni li fih kien ippronunzjat. Mhemm ebda dubju li diġa fit-tweġiba mogħtija lis-Saduċej, Kristu jiżvela l-kondizzjoni l-ġdida tal-ġisem uman fil-qawmien mill-imwiet, u dan jagħmlu waqt li jipproponi appuntu referenza u paragun mal-kondizzjoni li tagħha l-bniedem kien parteċipi sa mill-“bidu”.

4. Il-kliem: “Ma jeħdux mara linqas raġel”, donnu fl-istess ħin iwettaq li l-iġsma umani, irkuprati u fl-istess ħin imġedda fil-qawmien mill-imwiet, iżommu l-karatteristiċi maskili u femminili u li s-sens tal-eżistenza fil-ġisem maskju u femminu jiġi “fid-dinja l-oħra” kostitwit u mifhum b’mod differenti minn dak li kien “mill-bidu” u mbagħad fid-dimensjoni kollha tal-eżistenza terrena. Il-kliem tal-Ġenesi, “ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u t-tnejn ikunu ġisem wieħed” (Ġen 2,24), ikkostitwixxa sa mill-bidu dik il-kondizzjoni u relazzjoni ta’ maskulinità u femminilità, li nfirxet ukoll għall-ġisem, li b’mod ġust hemm bżonn niddefenixxu “konjugali” u fl-istess ħin “prokrejattiva” u “ġenerattiva”; hi nfatti hija marbuta mal-barka tal-fertilità, imħabbra minn Alla (Elohim) fil-ħolqien tal-bniedem “maskju u femmina” (Ġen 1,27). Il-kliem ippronunzjat minn Kristu dwar il-qawmien mill-imwiet jippermettilna niddeduċu li d-dimensjoni ta’ maskulinità u femminilità – jiġifieri l-eżistenza fil-ġisem maskju u femmina – tiġi mill-ġdid ikkostitwità flimkien mal-qawmien mill-imwiet tal-ġisem fid-“dinja l-oħra”.

5. Huwa possibbli li ngħidu xi ħaġa iktar iddettaljata fuq din it-tema? Bla dubju, il-kliem ta’ Kristu kkwotat mis-Sinottiċi (Lq 20,27-40) jawtorizzana dan. Naqraw, infatti, li “dawk li jkunu meqjusa denji tad-dinja l-oħra u tal-qawmien mill-imwiet… lanqas ikunu jistgħu jmutu iktar għaliex ikunu ugwali għall-anġli u, billi jkunu wlied il-qawmien mill-imwiet, ikunu wlied Alla” (Mattew u Marku jirreferu biss li “jkunu bħall-anġli tas-smewwiet”). Din ir-riferenza tippermetti speċjalment li niddeduċu spiritwalizzazzjoni tal-bniedem skont dimensjoni differenti minn dik tal-ħajja terrena (u saħansitra differenti minn dik tal-istess “bidu”) Huwa ovvju li hawn m’għandhiex x’taqsam ma’ trasformazzjoni tan-natura tal-bniedem f’dik anġelika, jiġifieri purament spiritwali. Il-kuntest jindika b’mod ċar li l-bniedem iżomm fid-“dinja l-oħra” in-natura propju umana prikosomatika. Li kieku kien mod ieħor, kien ikun nieqes minn kull sens li wieħed jitkellem dwar il-qawmien mill-imwiet.

Qawmien mill-imwiet ifisser ritorn għall-vera ħajja tal-korporjetà umana, li kienet issuġġettata għall-mewt fil-fażi temporanja tagħha. Fl-espressjoni ta’ Luqa (Lq 20,36) li għadna kemm ikkwotajna (cf. Mt22,30; Mk 12,25) żgur li għandha x’taqsam man-natura umana, jiġifieri psikosomatika. Il-paragun mal-esseri ċelesti, użat fil-kuntest, ma jikkostitwixxi ebda novità fil-Bibbja. Fost l-oħrajn, diġa is-Salm, waqt li jeżalta l-bniedem bħala opra tal-Ħallieq, jgħid: “Bdanakollu għamiltu ftit inqas mill-anġli” (Sal 8,6). Hemm bżonn nissopponu li fil-qawmien mill-imwiet dan ix-xebħ isir ikbar: mhux permezz ta’ diżinkarnazzjoni tal-bniedem, imma permezz ta’ ġeneru ieħor (wieħed jistà wkoll jgħid: grad ieħor) ta’ spiritwalizzazzjoni tan-natura somatika tiegħu, jiġifieri permezz ta’ “sistema ta’ qawwiet” oħra fl-intern tal-bniedem. Il-qawmien mill-imwiet ifisser sottomissjoni ġdida tal-ġisem għall-ispirtu.

6. Qabel ma nibdew niżviluppaw dan l-argument, ikun tajjeb li niftakru li l-verità dwar il-qawmien mill-imwiet kellha sinifikat-ewlieni għall-formazzjoni tal-antropoloġija tejoloġika kollha, li tistà tkun meqjusa sempliċement bħala “l-antropoloġija tal-qawmien mill-imwiet”. Ir-riflessjoni dwar il-qawmien mill-imwiet għamlet iva li Tumas d’Aquino jħalli barra fl-antropoloġija metafiżika tiegħu ( u fl-istess ħin tejoloġika) il-konċezzjoni filosofika ta’ Platun dwar ir-rapport bejn ir-ruħ u l-ġisem u resaq viċin il-konċezzjoni ta’ Aristotile (1).

Infatti l-qawmien mill-imwiet jixhed, almenu b’mod indirett, li l-ġisem, fit-totalità tal-kompożizzjoni umana, mhuwiex biss temporanjament marbut mar-ruħ (bħala l-“ħabs” terren tiegħu, bħal ma kien jemmen Platun) (Tò mèn sômá estin hemîn sêma [Platun, Gorgia 493 A; cf. ukollFedone 66B; Cratilo 400 C), imma li flimkien mar-ruħ jikkostitwixxi l-unità u l-integrità tal-esseri uman. Appuntu dan kien jgħallem Aristotile (Aristotele, De Anima, II, 412a, 19-22; cf. ukoll Metaph. 1029 b 11 – 1030 b 14.), diversament minn Platun. Jekk San Tumas fl-antropoloġija tiegħu aċċetta l-koncezzjoni ta’ Aristotile, dan għamlu għax kellu rispett lejn il-verità dwar il-qawmien mill-imwiet. Il-verità dwar il-qawmien mill-imwiet infatti twettaq b’ċarezza li l-perfezzjoni eskatoloġika u l-kuntentizza tal-bniedem ma jistgħux ikun mifhuma bħala stat tar-ruħ biss, mifruda (skont Platun) mill-ġisem, imma hemm bżonn nifhmuha bħala l-istat tal-bniedem definittivament u perfettament “integrat” permezz ta’ għaqda tali tar-ruħ mal-ġisem li tikkwalifika u tassikura definittivament l-hekk magħmula integrità perfetta.

Hawnhekk ninterrompu r-riflessjoni tagħna dwar il-kliem ippronunzjat minn Kristu dwar il-qawmien mill-imwiet. Il-għana kbir tal-kontenuti miġburin f’dan il-kliem iġegħlna nerġgħu naqbduh fil-konsiderazzjonijiet ulterjuri.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.


Ara diskors oriġinali bit-Taljan >

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading