Xahar missjunarju straordinarju għall-evanġelizzazzjoni f’Ottubru tal-2019

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 23 ta’ Ottubru 2017: F’Ottubru tal-2019 il-Papa Franġisku nieda Xahar Missjunarju Starordinarju biex iħeġġeġ aktar l-attività tal-evanġeliżżazzjoni tal-Knisja. Il-Papa Franġsiku ħabbar dan waqt l-Angelus tal-bieraħ il-Ħadd 22 ta-xahar, jum li fih kienet iċċelebrata l-Ġurnata Missjunarja Dinjija u jum li fih il-Knisja tagħmel it-tifkira liturġika ta’ San Ġwanni Pawlu II, il-Papa missjunarju.

Il-Papa għamel sejħa biex lill-missjunarji nsostnuhom bl-imħabba, bl-għajnuna konkreta u bit-talb filwaqt li għal darb’oħra ħeġġeġ lill-insara biex ikunu xhieda tal-Vanġelu fl-ambjenti kollha li jgħixu fihom.

Qabel l-Angelus il-Papa Franġisku għamel riflessjoni qasira dwar il-Vanġelu tal-ġurnata li fih naqraw dwar konfront ieħor bejn Ġesù u l-fariżej. Il-kwistjoni jekk għandhiex titħallas it-taxxa lil Ċesri kienet waħda kontroversjali, osserva l-Papa.
Għaldaqstant il-mistoqsija tal-fariżej kienet nasba biex iwieġeb kif iwieġeb, dejjem ikunu jistgħu jakkużawh jew li hu favur jew li hu kontra Ruma. Imma Ġesù jitlob munita bix-xbieha ta’ Ċesri u jwieġeb: Agħtu lil Ċesri dak li hu ta’ Ċesri u lil Alla dak li hu t’Alla.

Jiġifieri li Ġesù qed jordna li l-imperatur għandu dritt għal dak li hu tiegħu. Iżda ma jieqafx hemm, Ġesù jagħti d-daqqa tal-imgħallem: Hu jżid ma’ dan, il-primat ta’ Alla li hu Sid il-ħajja tal-bniedem u tal-istorja.

Ix-xbieha ta’ Ċesri fuq il-munita turi li hu ġust li bniedem iħossu li jkun ċittadin sħiħ bid-drittijiet u d-dmirijiet kollha, imma simbolikament turina xbieha oħra: dik ta’ Alla li hu Sid ta’ kollox u aħna maħluqin xbieha tiegħu.

Aħna tiegħu, kompla Franġisku, u mis-sitwazzjoni Ġesù joħroġ b’mistoqsija ferm aktar radikali għalina: jien ta’ min jien? Jien parti mis-soċjetà li ngħix fiha imma qabel kollox jien ta’ Alla. Huwa Alla li tani dak li jien u dak li għandi.

In-nisrani għandu sejħa biex jimpenja ruħu konkretament fir-realtajiet umani u soċjali mingħar ma jipprova jqiegħed lil Alla u li Ċesri kontra xulxin, għax meta jagħmel dan ikun qed jaqa’ fil-fundamentaliżmu.

Il-fiduċja tagħna f’Alla għandha tkun sħiħa. It-tama fih ma tfissirx li naħarbu mir-realtajiet anzi jfisser li dak li hu ta’ Alla nħaddmuh kif jixraq. Għalhekk min jemmen, iħares lejn ir-realtajiet futuri, ir-realtà ta’ Alla, sabiex il-ħajja fid-dinja jgħixha fil-milja tagħha u jsib fih il-kuraġġ li jaffronta l-isfidi tal-ħajja, qal il-Papa Franġisku

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading