Webinar ta’ riflessjoni fuq Laudato Si’

Print Friendly, PDF & Email

cak_laudato_siĦames snin wara l-pubblikazzjoni tal-ittra Enċiklika tal-Papa Franġisku, Laudato Si’ dwar il-kura tad-dar komuni tagħna, rappreżentanti tal-Konferenzi Episkopali Ewropej, kif ukoll organizzazzjonijiet u movimenti Kattoliċi, mexxew minn Brussell it-Tielet Jum Ewropew ta’  riflessjoni dwar din l-enċiklika importanti.

Din il-laqgħa virtwali saret il-Ħamis 28 Mejju 2020 u tmexxiet minn Josianne Gauthier.

Fost il-kelliema kien hemm l-ekonomista Mariana Mazzucato, u Monsinjur Bruno-Marie Duffé  li huwa s-Segretarju tad-Dikasterju għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Integrali tal-Bniedem tal-Vatikan. flimkien mal-Membri Parlamentari Ewropew, Patrizia Toia (S&D) u Lukas Mandl (PPE).

Minħabba r-restrizzjonijiet globali preżenti, il-laqgħa saret permezz ta’ webinar b’aktar minn 400 parteċipant minn pajjiżi differenti. Fost dawk li ħadu sehem permezz tal-iskambji tagħhom, kien hemm ukoll rappreżentanti minn Malta.

F’dawn iż-żminijiet eċċezzjonali, u wara li l-Kummissjoni Ewropea ħabbret il-proposti tagħha dwar Pjan ta’ Rkupru għal wara l-pandemija COVID-19, ma setax jonqos li fil-webinar isiru interventi dwar il-ħtieġa urġenti li tiġi indirizzata l-kriżi preżenti fil-qasam tas-saħħa u ħtieġa ta’ pjanijiet għal irkupru ġust u sostenibbli.

L-Ewropa ser jirnexxilha timplimenta l-bidliet meħtieġa  fis-sistema ta’ tmexxija b’mod li tingħata prijorità assoluta lill-ġid komuni? F’dan il-kontinent se naslu li nirkupraw mingħajr ma nagħmlu ħsara lill-bqija tal-pjaneta? Kif nistgħu nfiqu lkoll flimkien u ma nħallu lil ħadd jaqa’ lura?

mazzucato
Mariana Mazzucato

Il-Prof Mazzucato qalet li żminijiet ta’ kriżi m’għandhomx bżonn biss investiment pubbliku iżda direzzjoni għal dak l-investiment. U dik id-direzzjoni llum trid tkun kemm inklussiva kif ukoll sostenibbli.

Hija enfasizzat ukoll il-kwistjoni tal-parteċipazzjoni u li ġġib l-atturi ewlenin flimkien u saħqet li biex titfassal it-triq lejn tranżizzjoni ġusta, se jkollna bżonn l-ilħna kollha madwar mejda waħda.

Monsinjur Duffé irrefera għall-punt ewlieni tar-responsabbiltà komuni u individwali biex tiġi indirizzata l-kriżi. Jekk naqraw mill-ġdid il-Laudato Si’, nindunaw li kulħadd għandu parti mir-responsabbiltà. Imma llum ħafna qed jirrifjutaw li jerfgħuha.

Huwa qal ukoll li aħna u nesperjenzaw il-vulnerabbiltà tagħna, kemm fiżika kemm ekonomika u kemm tal-politika pubblika tagħna rridu naħsbu dwar id-dinja wara l-pandemija. Staqsa, “X’dinja jista’ jkollna?”

EP-089406H_9th_MEP_Official_italy
Patrizia Toia

Fir-rimarki konklużivi tagħhom, kemm Lukas Mandl kif ukoll Patrizia Toia, li ġejjin minn gruppi politiċi differenti, enfasizzaw l-importanza li nibqgħu nappoġġjaw is-solidarjetà tal-UE,  l-isforzi fit-tul – bħall-Ftehim Ekoloġiku Ewropew u l-korrelazzjoni tagħha mhux biss mal-ambjent iżda wkoll ma’ kwistjonijiet soċjali.

Permezz ta’ dan il-webinar tqajjmu mill-ġdid il-messaġġi tal-Laudato Si’ u ħareġ b’mod qawwi r-relevanza ta’ din l-Enċiklika tal-Papa Franġisku f’dan il-mument ta’ kriżi u kif din kapaċi torjenta d-dibattitu politiku lejn aktar ġustizzja ambjentali u soċjali.

Rapport għal-Laikos minn Joe Farrugia li ma’ xi Maltin oħra kien wieħed mill-parteċipanti fil-webinhar.

Ara l-vidjo sħiħ tal-webinar  …

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=TSaRzH2aS3U?controls=0&w=560&h=315%5D

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading