Ġwanni Pawlu II dwar il-Ġenna

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II. UDJENZA ĠENERALI. L-Erbgħa, 21 ta’ Lulju 1999

Il-Ġenna – Is-“sema” bħala milja ta’ intimità ma’ Alla Qari: 1 Ġw 3, 2-3

1. Meta tkun għaddiet is-sura ta’ din id-dinja, dawk li jkunu laqgħu lil Alla f’ħajjithom u jkunu sinċerament miftuħin għal imħabbtu talinqas fil-waqt tal-mewt, ikunu jistgħu jgawdu minn dik il-milja ta’ għaqda ma’ Alla li tikkostitwixxi l-iskop tal-eżistenza umana.

Bħal ma jgħallem il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, “din il-ħajja perfetta, din l-għaqda ta’ ħajja t’imħabba mat-Trinità Mqaddsa, mal-Verġni Marija, l-anġli u l-beati kollha hija msejħa ‘s-sema’. Is-sema hija l-fini aħħari tal-bniedem u t-twettiq tal-ispirazzjonijiet l-iktar profondi tiegħu, l-istat ta’ feliċità suprema u definittiva” (n. 1024).

Illum irridu nfittxu li naqbdu s-sens bibbliku tas-“sema”, biex inkunu nistgħu nifhmu aħjar ir-realtà li għaliha tibgħatna din l-espressjoni.

2. Fil-lingwaġġ bibbliku s-“sema” meta hija magħquda mal-“art”, tindika parti mill-univers. Fir-rigward tal-ħolqien, l-Iskrittura tgħid: “Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art” (Ġn 1, 1).
Fuq il-pjan metaforiku s-sema hija mifhuma bħala l-għamara ta’ Alla, li f’dan jiddistingwi ruħu mill-bnedmin (cfr Sal 104, 2s.; 115,16; Iż 66, 1). Huwa mill-għoli tas-sema jara u jiġġudika (cfr Sal 113, 4-9), u jinżel meta jsejħulu (cfr Sal 18,7.10; 144,5). Bdanakollu l-metafora bibblika tagħmel sew li tfisser li Alla la jidentifika ruħu mas-sema u linqas ma jistà jkun magħluq fis-sema (cfr 1 Sl 8, 27); u dan huwa minnu, minkejja li f’xi passi tal-ewwel ktieb tal-Makkabej “s-Sema” hija sempliċement isem ta’ Alla (1 Mak 3, 18.19.50.60; 4, 24.55).

Għar-rappreżentazzjoni tas-sema bħala għamara traxxendenti ta’ Alla ħaj, tiżdied dik ta’ post li wkoll dawk li jemmnu bi grazzja jistgħu jitilgħu, bħal ma fit-Testment il-Qadim joħroġ mill-ġrajja ta’ Enok (cfr Ġn 5, 24) u ta’ Elija (cfr 2 Sl 2, 11). Is-sema hekk issir figura tal-ħajja f’Alla. F’dan is-sens, Ġesù jitkellem dwar “premju fis-smewwiet” (Mt 5, 12) u jħeġġeġ biex “naħżnu teżori fis-sema” (ivi 6, 20; cfr 19, 21).

3. It-Testment il-Ġdid jelabora l-idea tas-sema wkoll fir-rigward tal-misteru ta’ Kristu. Biex tindika li s-sagrifiċċju tal-Feddej jassumi valur perfett u definittiv, l-Ittra lil-Lhud tiddikjara li Ġesù “qasam is-smewwiet” (Lh 4, 14) u “ma daħalx f’santwarju magħmul minn idejn il-bniedem, figura ta’ dak veru, imma fis-sema nnifsu” (Ivi 9, 24). Dawk li jemmnu, imbagħad, inkwantu maħbubin b’mod speċjali min-naħa tal-Missier, jiġu rxuxtati ma’ Kristu u jsiru ċittadini tas-sema. Ikun jiswa li nisimgħu dak li dwar dan jikkomunikalna l-Appostlu Pawlu f’test ta’ intensità kbira: “Alla għani bil-ħniena, għall-imħabba kbira li biha ħabbna, minn mejtin li konna minħabba d-dnubiet, reġà għajjixna ma’ Kristu: bi grazzja infatti ġejna salvati. Miegħu wkoll irxuxtana u poġġiena bil-qiegħdafis-smewwiet, fi Kristu Ġesù, biex juri fis-sekli ġejjiena l-għana straordinarja tal-grazzja tiegħu permezz tat-tjieba tiegħu lejna fi Kristu Ġesù” (Ef 2, 4-7).Il-paternità ta’ Alla, għani fil-ħniena, tiġi sperimentata mill-krejaturi permez tal-imħabba tal-Iben ta’ Alla msallab u rxoxt, li bħala Mulej joqgħod bilqiegħda fis smewwiet fuq il-lemin tal-Missier.

4. Is-sehem fl-intimità sħiħa mal-Missier, wara l-vjaġġ ta’ ħajjitna fuq din l-art, jgħaddi mela permezz tal-integrazzjoni fil-misteru paskwali tal-Kristu. San Pawl jenfasizza bi xbiha spazjali ħajja din il-mawra tagħna lejn Kristu fis-smewwiet fi tmiem iż-żminijiet: “Mela aħna, il-ħajjin, dawk li jibqgħu ħajjin, se nkunu maħtufa flimkien magħhom [il-mejtin irxuxtati] qalb is-sħab, biex inmorru niltaqgħu mal-Mulej fl-arja, u hekk se nkunu dejjem mal-Mulej, Sabbru mela lil xulxin b’dan il-kliem” (1 Ts 4, 17-18).

Fil-kwadru tar-Rivelazzjoni nafu li s-“sema” jew il-“beatitudni” li fiha se nsibu ruħna mhix xi ħaġa astratta, linqas post fiżiku qalb is-sħab, imma rapport ħaj u personali mat-Trinità Mqaddsa. Din hija l-laqgħa mal-Missier li titwettaq fi Kristu Rxoxt grazzi għall-għaqda tal-Ispirtu Santu.

Hemm bżonn inżommu dejjem ċerta moderazzjoni fid-deskrizzjoni ta’ dawn “l-aħħar realtajiet”, ġaladarba r-rappreżentazzjoni tagħhom tibqà dejjem inadegwata. Illum il-lingwaġġ personalistiku jirnexxilu jgħid inqas b’mod mhux mistenni s-sitwazzjoni ta’ feliċità u ta’ paċi li fiha se tistabbilina l-għaqda definittiva ma’ Alla.
Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jiġbor fil-qosor it-tagħlim ekkleżjali dwar din il-verità billi jiddikjara li “b’mewtu u bil-Qawmien mill-Imwiet tiegħu Ġesù Kristu ‘fetħilna’ s-sema. Il-ħajja tal-beati tikkonsisti fil-pussess sħiħ tal-frott tar-Redenzjoni mwettqa minn Kristu, li jassoċja mal-glorifikazzjoni tiegħu lil dawk li emmnu fih u li baqgħu fidili għar-rieda tiegħu. Is-sema hija l-komunità beata ta’ dawk kollha li huma nkorporati b’mod perfett fih” (n. 1026).

5. Din is-sitwazzjoni finali tistà madankollu tiġi antiċipatha b’xi mod illum, kemm fil-ħajja sagramentali, li tagħha l-Ewkaristija hija ċ-ċentru, kif ukoll fid-don ta’ dak li jkun permezz tal-karità fraterna. Jekk nagħrfu ngawdu b’mod ordnat mill-ġid li l-Mulej isawwab fuqna ta’ kuljum, nistgħu nisperimentaw diġa dak il-ferħ u dik il-paċi li minnhom jum wieħed għad ingawdu b’mod sħiħ. Nafu li f’din il-fażi terrena kollox huwa taħt is-sinjal tal-limitu, madankollu l-ħsieb tar-realtajiet ‘aħħarin’ jgħinna ngħixu r-realtajiet ‘ta’ qabel tal-aħħar’. Aħna konxji li waqt li qegħdin nimxu f’din id-dinja, aħna msejħin biex infittxu “l-ħwejjeġ ta’ hemm fuq, fejn jinsab Kristu bilqiegħda fuq il-lemin ta’ Alla” (Kol 3, 1), biex inkunu miegħu fit-twettiq eskatoloġiku, meta fl-Ispirtu huwa jirrikonċilja totalment mal-Missier “il-ħwejjeġ li jinsabu fuq l-art u dawk fis-smewwiet” (Kol 1, 20).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading