1. Id-Dnub u l-Misteru tal-Fidwa

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar id-dnub. Udjenza Ġenerali –  27/08/1986.

1. Wara l-katekeżi dwar Alla Wieħed u Tlieta, Ħallieq u Provvidenti. Missier u Mulej tal-univers, niftħu serje oħra ta’ katekeżi dwar Alla Feddej.

Il-punt fundamentali ta’ riferenza wkoll tal-katekeżi preżenti huwa magħmul mis-Simboli tal-fidi, b’mod speċjali ta’ dak l-iktar qadim, li jissejjaħ is-Simbolu apostoliku, u minn dak magħruf bħala niċen-kostantinoplitan. Dawn huma wkoll is-Simboli l-iktar magħrufin u l-iktar użati fil-Knisja, speċjalment fit-“talb tan-nisrani” tal-ewwel, u fil-liturġija tat-tieni. Iż-żewġ testi għandhom dispożizzjoni analoga ta’ kontenut, li fiha huwa karatteristiku l-passaġġ tal-artikoli li jitkellmu minn Alla, Missier omnipotenti, Ħallieq tas-sema u l-art, tal-ħwejjeġ kollha viżibbli u inviżibbli, għal dawk li jitkellmu minn Ġesù Kristu.

Is-Simbolu apostoliku huwa konċiż: (jiena nemmen) “f’Ġesù Kristu, Iben uniku tiegħu (ta’ Alla), Sidna, li kien ikkonċeput mill-Ispirtu Santu, twieled minn Marija Verġni . . .”, eċċ.

Is-Simbolu niċen-kostantinoplitan iwessà b’mod notevoli l-professjoni tal-fidi fid-divinità ta’ Kristu, Bin Alla, “imwieled mill-Missier qabel kull żmien….. imnissel mhux magħmul, konsustanzjali mal-Missier”, li – u hawn hu l-passaġġ għall-misteru tal-inkarnazzjoni tal-Verb – “għalina l-bnedmin u għall-fidwa tagħna niżel mis-sema, u bl-opra tal-Ispirtu Santu inkarna ruħu fil-ġuf tal-Verġni Marija u sar bniedem”. U f’dan il-punt iż-żewġ Simboli jippreżentaw il-komponenti tal-misteru paskwali ta’ Ġesù Kristu u jħabbru l-miġja ġdida tiegħu għall-ġudizzju.

Suċċessivament iż-żewġ Simboli jipprofessaw il-fidi fl-Ispirtu Santu. Hemm bżonn mela li nenfasizzaw li l-istruttura essenzjali tagħhom hija Trinitarja: Missier-Iben-Spirtu Santu. Fl-istess ħin fihom huma miktuba l-elementi saljenti ta’ dak li jikkostitwixxi l-azzjoni “minn barra” (“ad extra”) tat-Trinità Mqaddsa: għalhekk jitkellmu l-ewwel mill-misteru tal-ħolqien (mill-Missier ħallieq) u wara mill-misteri tal-fidwa (mill-Iben feddej) u mis-santifikazzjoni (mill-Ispirtu Santu santifikatur).

2. Hawn hu għaliex waqt li nsegwu s-Simboli, wara ċ-ċiklu tal-katekeżi li jikkonċernaw il-misteru tal-ħolqien jew aħjar, li jikkonċernaw lil Alla bħala ħallieq ta’ kollox, ngħaddu issa għal ċiklu ta’ katekeżi li jirrigwardaw il-misteru tal-fidwa, jew aħjar, Alla bħala feddej tal-bniedem u tad-dinja. U dawn se jkunu l-katekeżi dwar Ġesù Kristu (kristoloġija), għaliex l-opra tal-fidwa, ukoll jekk tappartjeni (l-istess bħall-opra tal-ħolqien) lil Alla Wieħed u Tlieta, ġiet imwettqa fiż-żmien minn Ġesù Kristu, Bin Alla li sar bniedem biex jifdina

Nosservaw minnufih li f’dan il-qasam tal-misteru tal-fidwa, il-kristoloġija tintasab fuq l-art tal-“antropoloġija” u tal-istorja. Infatti l-Iben konsustanzjali mal-Missier, li bl-opra tal-Ispirtu Santu jsir bniedem billi jitwieled mill-Verġni Marija, jidħol fl-istorja tal-umanità fil-kuntest tal-kożmu kollu maħluq. Isir bniedem “għalina l-bnedmin (“propter nos homines”) u għall-fidwa tagħna” (“et propter nostrum salutem”). Il-misteru tal-Inkarnazzjoni (“et incarnatus est”) jidher mis-Simboli  fid-dawl tal-fidwa. Skont ir-rivelazzjoni u l-fidi tal-Knisja, dan mela għandu sens feddej (soterjoloġija).

3. Għal din ir-raġuni s-Simboli, fil-kollokazzjoni tal-misteru tal-Inkarnazzjoni feddejja fix-xenarju tal-istorja, jmissu r-realtà tal-ħażen, u fl-ewwel post dik tad-dnub. Fidwa infatti tfisser qabel kollox ħelsien mill-ħażen u b’mod partikolari,, ħelsien mid-dnub, ukoll jekk b’mod ovvju l-korsa tat-terminu ma tonqosx minn dan, imma tħaddan l-għana tal-ħajja divina li Kristu ġab lill-bniedem. Skont ir-rivelazzjoni, id-dnub huwa l-ħażen ewlieni u fundamentali għaliex fih hemm miġbur ir-rifjut tar-rieda ta’ Alla, tal-verità u tal-qdusija ta’ Alla, tat-tjubija paterna, li rrivelat ruħha diġa fl-opra tal-ħolqien, u speċjalment fil-ħolqien tal-esseri razzjonali u ħielsa, magħmulin “b’xebħ u xbiha” tal-Ħallieq. Propju dan x-“xebħ u xbiha” jiġi użat kontra Alla, meta l-esseri razzjonali bir-rieda libera tiegħu iwarrab il-finalità tal-esseri u tal-għixien li Alla stabilixxa għall-krejatura. Fid-dnub mela hija miġbura deformazzjoni partikolarment profonda tal-ġid maħluq b’mod speċjali f’esseri li, bħall-bniedem, huwa xebħ u xbiha ta’ Alla.

4. Il-misteru tal-Fidwa huwa fl-istess għeruq tiegħu, marbut minnu nfih mar-realtà tad-dnub tal-bniedem. Għalhek, fl-ispjega b’katekeżi sistematika l-artikoli tas-Simboli li jitkellmu dwar Ġesù Kristu, li fihom u għalihom Alla opera l-fidwa, irridu niffaċċjaw qabel xejn it-tema tad-dnub, din ir-realtà oskura mxerrda fid-dinja maħluqa minn Alla , li hija l-għerq tal-ħażen kollu tal-bniedem u nistgħu ngħidu fil-ħolqien.  Fuq din it-triq biss huwa possibbli nifhmu għal kollox is-sinifikat tal-fatt, li, skont ir-rivelazzjoni, l-Iben ta’ Alla sar bniedem “għall-bnedmin” u “għall-fidwa tagħna”. L-istorja tal-fidwa  tassumi “de facto” l-eżistenza tad-dnub fl-istorja tal-umanità, maħluqa minn Alla. Il-fidwa, li dwarha titkellem ir-rivelazzjoni divina, hija qabel xejn il-ħelsien minn dak il-ħażen li huwa d-dnub. Din hija l-verità ċentrali fis-soterjoloġija nisranija: “propter nos homines et propter nostram salutem descendit de coelis”.

U hawn irridu nosservaw li, minħabba ċ-ċentraltà tal-verità dwar il-fidwa fir-rivelazzjoni kollha divina  u, fi kliem ieħor, minħabba ċ-ċentralità tal-misteru tal-fidwa, ukoll il-verità dwar id-dnub terġà tidħol fin-nukleju ċentrali tal-fidi nisranija. Iva, dnub u fidwa huma termini korrelattivi fl-istorja tal-fidwa. Hemm bżonn mela li nirriflettu qabel xejn dwar il-verità tad-dnub biex inkunu nistgħu nagħtu sens ġust lill-verità tal-fidwa mwettqa minn Ġesù Kristu, li nipprofessaw fil-Kredu. Nistgħu ngħidu li hija l-loġika ulterjuri tar-rivelazzjoni u tal-fidi, espressa  fis-Simboli, li timponilna biex nokkupaw irwieħna f’dawn il-katekeżi qabel xejn mid-dnub.

5. Għal din it-tema konna mħejjijin sa ċertu grad miċ-ċiklu tal-katekeżi dwar il-Provvidenza divina. “Dak kollu li ħoloq, Alla jikkonservah u jmexxih bil-Provvidenza tiegħu” bħal ma jgħallem il-Konċilju Vatikan I, li jikkwota l-ktieb tal-Għerf: “Waqt li jinfirex minn tarf sa ieħor b’qawwa u waqt li jiggverna bi tjubija kull ħaġa” (cf. Għerf 8, 1) (DS 3003).

Waqt li jiddikjara din l-attenzjoni universali tal-affarijiet, li Alla jżomm u jmexxi b’id potenti u bi ħlewwa ta’ Missier, dak il-Konċilju jippreċiża li l-Provvidenza divina tħaddan b’mod partikolari dak kollu li l-esseri razzjonali u ħielsa jintroduċu fl-opra tal-ħolqien. Issa wieħed jaf li dan jikkonsisti f’atti tal-fakultà tagħhom, li jistgħu jkunu konformi jew kuntrarji għar-Rieda divina; mela ukoll id-dnub.

Kif wieħed jistà jara, il-verità dwar il-Provvidenza divina tippermettilna naraw ukoll id-dnub fi prospettiva ġusta. U huwa f’dan id-dawl li s-Simboli jgħinuna biex nikkunsidrawh. Fir-realtà, ngħiduha sa mill-ewwel katekeżi dwar id-dnub, is-Simboli tal-fidi  kemm kemm imissu din it-tema. Imma propju minħabba f’hekk nissuġġerixxu li neżaminaw id-dnub mill-punt di vista tal-misteru tal-fidwa, fis-soterjoloġija. U allura nistgħu minnufih inżidu li jekk il-verità dwar il-ħolqien, u ferm iktar dik dwar il-Provvidenza divina, tippermettilna li noqorbu lejn il-problema tal-ħażen u speċjalment tad-dnub b’ċarezza ta’ viżjoni u preċiżjoni ta’ termini fir-rigward tar-rivelazzjoni tat-tjubija infinita ta’ Alla, il-verità dwar il-fidwa iġġegħlna nistqarru mal-Appostlu: “Ubi abundavit delictum, superabundavit gratia: Hemm fejn  kiber id-dnub kibret bil-kbir il-grazzja” (Rm 5, 20), għaliex iġġegħlna niskopru aħjar il-konċiljazzjoni misterjuża, f’Alla, tal-ġustizzja u tal-ħniena, li huma żewġ dimensjonijiet ta’ dik it-tjubija. Nistgħu mela ngħidu minn issa li r-realtà tad-dnub issir, fid-dawl tal-fidwa, l-okkażjoni għal għarfien iktar profond tal-misteru ta’ Alla: ta’ Alla li huwa mħabba (1 Ġw 4, 16).

Il-fidi timponi ruħha hekk fi djalogu attent mal-bosta ilħna tal-filosofija, tal-letteratura, tar-reliġjonijiet il-kbar, li jittrattaw mhux ftit dwar l-għeruq tal-ħażen u tad-dnub, u spiss jaspiraw għal dawl ta’ fidwa. Huwa propju fuq din l-art komuni li l-fidi nisranija feħsiebha ġġib favur kulħadd il-verità u l-grazzja tar-rivelazzjoni divina.

Miġjub għallMalti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading