5. L-universalità u l-karattru ereditarju tad-dnub

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar id-dnub. Udjenza Ġenerali –  24/09/1986.

1. Grazzi għall-katekeżi li diġa għamilna fil-qasam taċ-ċiklu attwali, għandna quddiem għajnejna, minn naħa l-analiżi tal-ewwel dnub fl-istorja tal-bniedem, skont id-deskrizzjoni miġbura f’Ġen 3; min-naħa l-oħra, ix-xbiha wiesgħa ta’ dak li r-rivelazzjoni divina tgħallem dwar it-tema tal-universalità u tal-karattru ereditarju tad-dnub.

Din il-verità hija riproposta b’mod kostanti mill-maġisteru tal-Knisja, ukoll fl-epoka tagħna. Ir-referenza obligatorja hija għad-dokumenti tal-Vatikan II, b’mod speċjali għall-kostituzzjoni Gaudium et Spes, mhux mingħajr aċċenn speċjali tal-eżortazzjoni post-sinodali Reconciliatio et Paenitentia (1984).

2. Sors ta’ dan il-maġisteru huwa qabel kollox il-pass tal-Ktieb tal-Ġenesi, li fih naraw il-bniedem, ittentat mill-Malizzjuż (“Meta intom tieklu, issiru bħal Alla, għax tagħrfu t-tajjeb u l-ħażin”: Ġen 3, 5, “abbuża mil-libertà tiegħu,  waqt li qam kontra Alla u waqt li xxenaq biex   jakkwista l-għan tiegħu ‘l barra minn Alla” (Gaudium et Spes, 13). U hekk hu: “infetħulhom għajnejhom” tat-tnejn li kienu (jiġifieri tar-raġel u tal-mara) “ . . . u ntebħu li kienu mneżżgħin”. U meta l-Mulej Alla “sejjaħt lir-raġel” u qallu: “Fejn int?” wieġeb: “bżajt għaliex jien imneżżà, u staħbejt” (Ġen 3, 7-10). Tweġiba tassew sinifikattiva. Il-bniedem li qabel (fi stat ta’ ġustizzja oriġnali) kien jitkellem b’mod ta’ ħbiberija u fiduċja mal-Ħallieq fil-verità kollha tal-esseri tiegħu spiritwali-korporju, maħluq xbiha ta’ Alla, issa tilef is-sies ta’ dik il-ħbiberija u allejanza. Tilef il-grazzja tal-parteċipazzjoni fil-ħajja ta’ Alla: it-tajjeb tal-appartenenza lilu fil-qdusija tar-rapport oriġinali ta’ subordinazzjoni u ta’ filjolanza. Id-dnub iżda ġegħlu jħoss minnufih il-preżenza tiegħu fl-eżistenza u fl-imġieba kollha  tal-raġel u tal-mara: mistħija tal-vjolazzjoni propja u tal-kondizzjoni segwenti ta’ midimbin u allura biżà ta’ Alla: rivelazzjoni u analiżi psikoloġika huma assoċjati f’din il-paġna bibblika biex jesprimu l-“istat” tal-bniedem wara l-waqgħa.

3. Rajna li verità oħra toħroġ mill-Kotba tat-Testment il-Qadim u l-Ġdid: speċi ta’ “invażjoni” tad-dnub fl-istorja tal-umanità? Id-dnub sar ix-xorti komuni tal-bniedem, il-wirt tiegħu “sa mill-ġuf matern”. “Fid-dnub nisslitni ommi” – jgħid is-salmista f’waqt ta’ ansjetà eżistenzjali li fih  tidħol l-indiema u l-invokazzjoni tal-ħniena divina (Sal 50). Min-naħa tiegħu San Pawl, li spiss jagħmel referenza għal din l-istess esperjenza angoxxjanti, bħal ma rajna fil-katekeżi preċedenti, fl-Ittra lir-Rumani, jagħti formulazzjoni tejoretika ta’ din il-verità: “Ilkoll ninsabu taħt id-dominju tad-dnub” (Rm 3, 9). “Jingħalaq kull fomm u d-dinja kollha tingħaraf ħatja quddiem Alla” (Rm 3, 19). “Konna  minn qaddisna jixirqilna r-rabja” (Ef 2, 3). Dawn huma kollha  referenzi għan-natura umana mitluqha għal riħha, mingħajr l-għajnuna tal-grazzja, jikkummentaw il-bibblisti; għan-natura kif   ġiet imċekkna mid-dnub tal-proġenituri, u allura għall-kundizzjoni tad-dixxendenti u werrieta kollha tagħhom.

4. It-testi bibbliċi dwar l-universalità u dwar il-karattru ereditarju tad-dnub, kważi “konġenitali” għan-natura fl-istat li fih kull bniedem jirċevih fl-istess konċepiment permezz tal-ġenituri, jintroduċuna għall-eżami iktar dirett tat-tagħlim kattoliku dwar id-dnub oriġinali.

Din hija verità mgħoddija b’mod impliċitu fit-tagħlim tal-Knisja sa mill-bidu, u saret dikjarazzjoni formali tal-maġisteru fis-Sinodu XV ta’ Kartaġni fis-sena 418 u fis-Sinodu ta’ Orange fis-sena 529, prinċipalment kontra l-iżbalji ta’ Pelaġju (cf. DS 222-223; 371-372). Wara, fil-perijodu tar-Riforma tali verità ġiet  żviluppata għal kollox b’mod sollenni fil-Konċilju ta’ Trentu, fl-1546 (cf. DS 1510-1516). Id-digriet tridentin dwar id-dnub oriġinali jesprimi din il-verità fil-forma preċiża li fiha hija oġġett tal-fidi u tat-tagħlim tal-Knisja. Nistgħu mela nirreferu għal dan id-digriet biex  nisiltu l-kontenuti essenzjali tad-domma kattolika dwar dan il-punt.

5. Il-proġenituri tagħna (jgħid id-digriet: “Primum Hominem Adam”) fil-ġenna tal-art (u allura fl-istat ta’ ġustizzja u perfezzjoni oriġinali) dimbu b’mod gravi, billi kisru l-amar ta’ Alla.  Minħabba d-dnub tagħhom huma tilfu l-grazzja santifikanti, tilfu mela wkoll il-qdusija u l-ġustizzja, li fiha kienu “saru” sa mill-bidu, waqt li ġibdu fuqhom ir-raba ta’ Alla. Il-konsegwenza ta’ dan id-dnub kienet il-mewt kif nisperimentawha aħna. Hawn hemm bżonn li niftakru l-kliem tal-Mulej f’Ġen 2, 17): “Mis-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u tal-ħażin m’għandekx tiekol, għaliex meta int tiekol, bla dubju ta’ xejn tmut”. Fuq is-sens ta’ din il-projbizzjoni  tkellimnaa fil-katekeżi preċedenti. Bħala konsegwenza tad-dnub satana rnexxielu jifrex fuq il-bniedem id-“dominju” tiegħu. Id-digriet tridentin jitkellem minn “skjavitù taħt id-dominju ta’ dak li għandu l-poter tal-mewt” (cf. DS 1511). Hekk mela li tkun taħt id-dominju ta’ satana jiġi deskritt bħala “skjavitù”.

Jeħtieġ li nergġħu lura fuq dan l-aspett tad-dramm tal-oriġini biex neżaminaw l-elementi ta “aljenazzjoni” li d-dnub ġab miegħu. Sadattant  ninnutaw li d-digriet tridentin jirreferi għad-“dnub ta’ Adam” in kwantu dnub propju u personali tal-proġenituri (dak li t-tejoloġi jsejħu “peccatum originale originans”), imma ma jonosx li jiddeskrivi l-konsegwenzi  fatali li dan kellu fl-istorja tal-bniedem (l-hekk imsejjaħ “peccatum originale originatum”). Huwa speċjalment fil-konfront tad-dnub oriġinali f’dan it-tieni sens li l-kultura moderna tqanqal riservi qawwija. Hi ma jirnexxilhiex tammetti l-idea ta’ dnub ereditarju, marbut jiġifieri mad-deċiżjoni ta’  “proġenitur” u mhux ma dik tas-suġġett interessat. Issostni li  kunċett simili jikkuntrasta mal-viżjoni personalistika tal-bniedem u mal-esiġenzi li joħorġu mir-rispett sħiħ tas-soġġettività tiegħu.

U bdanakollu t-tagħlim tal-Knisja dwar id-dnub oriġinali jistà jasal li jkun  estremament prezzjuż ukoll għall-bniedem tallum, li, billi rrifjuta l-fatt tal-fidi f’din il-materja, ma jirnexxilux iktar jagħti raġuni tal-implikazzjonijiet misterjużi u angoxxjanti tal-ħażen, li tiegħu jagħmel esperjenza ta’ kuljum, u jispiċċa biex jixxejjer bejn ottimiżmu  mgħaġġel u irresponsabbli u pessimiżmu radikali u ddisprat.

Fil-katekeżi li jmiss feħsiebna nieqfu nirriflettu dwar il-messaġġ li l-fidi toffrilna dwar tema importanti għall-bniedem personali u għal kollha kemm hi l-umanità.

Miġjub għallMalti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading