Il-Ħamis, 11 ta’ Ġunju 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta
Mixi, servizz, gratwità. Il-Papa Franġisku għamel omelija dwar dawn it-tliet punti hu u jikkummenta l-pass tal-Vanġelu tal-lum, li fih Ġesù jistieden lid-dixxipli biex iħabbru l-bxara t-tajba.
Ġesù, qal il-Papa, bagħat lid-dixxipli fuq mixja, mhux biex jagħmlu passiġġata. Id-dixxipli huma mibgħuta biex jagħtu messaġġ, biex iħabbru l-Vanġelu u jwasslu s-salvazzjoni, il-Vanġelu tas-salvazzjoni.
Din hi l-biċċa xogħol li Ġesù ta lid-dixxipli tiegħu, kompla jgħid il-Papa. Jekk dixxiplu jibqa’ wieqaf u ma joħroġx, ma jagħtix dak li rċieva fil-Magħmudija lill-oħrajn, dan mhux veru dixxiplu ta’ Ġesù: jonqsu l-missjonarjetà, jonqsu joħroġ minnu nnifsu biex iwassal xi ħaġa tajba lill-oħrajn.
It-triq tad-dixxiplu ta’ Ġesù hi li jmur lil hinn minnu nnifsu biex iwassal il-bxara t-tajba. Imma d-dixxiplu ta’ Ġesù għandu triq oħra: it-triq interjuri, il-mixja fih innifsu, il-mixja li biha d-dixxiplu jfittex lill-Mulej kuljum, bit-talb, bil-meditazzjoni.
Id-dixxiplu għandu jimxi din it-triq ukoll, għax jekk ma jibqax dejjem ifittex lil Alla, il-Vanġelu li jwassal lill-oħrajn ikun Vanġelu debboli, artab, mingħajr qawwa. Din il-mixja doppja, żied Franġisku, hi dik li jrid Ġesù mingħand id-dixxipli tiegħu.
Hemm imbagħad it-tieni kelma: ‘aqdi’. Jekk id-dixxiplu ma jservix lill-oħrajn, mhux Nisrani. Id-dixxiplu jrid jipprietka dak li għallem Ġesù f’dawk iż-żewġ pilastri tal-Kristjaneżmu: il-Beatitudnijiet u l-protokoll li fuqu aħna se niġu ġġudikati li nsibu fil-Vanġelu ta’ San Mattew, Kapitlu 25. Dawn iż-żewġ pilastri, wissa l-Papa, huma l-gwarniċ tas-servizz evanġeliku.
Jekk dixxiplu ma jimxix biex iservi, dan ma jistax jimxi. Jekk ħajtu mhix għas-servizz, xejn ma jiswielu li jgħix bħala Nisrani. Hawn insibu t-tentazzjoni tal-egoiżmu: ‘Jien Nisrani, ninsab fil-paċi, inqerr, immur il-quddies, nosserva l-kmandamenti.’
Imma s-servizz, staqsa l-Papa, is-servizz lill-oħrajn, is-servizz ta’ Ġesù lill-marid, lill-imġewwaħ, lill-ħabsi, lil min hu għeri? Dak qalilna biex nagħmlu Ġesù għax hu hemm jinsab, f’dawn ħutna! Is-servizz ta’ Kristu jinsab fl-oħrajn.
It-tielet kelma hija: ‘gratwità’. It-twissija ta’ Ġesù din kienet: ‘B’xejn ħadtu, b’xejn għandkom tagħtu.’ Il-mixja tas-servizz hi mingħajr ħlas, saħaq il-Papa Franġisku, għax aħna b’xejn irċevejnieha s-salvazzjoni. Hija grazzja pura. Ħadd minna ma xtara s-salvazzjoni, ħadd minna ma stħaqqitlu. Hija purament grazzja tal-Missier f’Ġesù Kristu, fis-sagrifiċċju ta’ Ġesù Kristu.
Isewdulek qalbek l-Insara li jinsew din il-Kelma ta’ Ġesù: ‘B’xejn ħadtu, b’xejn għandkom tagħtu.’ Hu ta’ swied il-qalb tara komunitajiet Insara, parroċċi, kongregazzjonijiet reliġjużi, djoċesijiet, li jinsew il-gratwità, għax wara dak kollu li jagħmlu hemm moħbi l-ingann li jaħsbu li s-salvazzjoni tiġi mill-ġid materjali, mill-poter uman.
Tliet kelmiet, tenna l-Papa: il-mixja bħala missjoni biex inħabbru. Is-servizz: il-ħajja tan-Nisrani mhix għalih innifsu imma għall-oħrajn, l-istess bħalma kienet il-ħajja ta’ Ġesù. U t-tielet: il-gratwità. It-tama tagħna tinsab f’Ġesù Kristu li jibagħtilna tama li ma tqarraq qatt.
Iżda, wissa l-Papa, meta t-tama tinsab fil-kumditajiet personali jew fl-egoiżmu li nfittxu biss dak li jaqbel lilna nfusna, jew meta tamitna tkun fil-ġid materjali jew fiċ-ċertezzi dgħajfa tad-dinja, kollox jiġġarraf. Il-Mulej stess iġarraf kollox, temm il-Papa.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija