Is-Serħan tagħna huwa Ġesù Kristu

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 14 ta’ Awwissu 2018: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex fil-Velja tal-Għid tal-Assunta fuq iz-Zuntier tas-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb. 

8.jpg

IS-SERĦAN TAGĦNA HUWA ĠESÙ KRISTU

Ħajjitna saret bħaċ-ċikkulata! Meta nibdew nieklu ċ-ċikkulata bħal donnu xejn ma jwaqqafna qabel nispiċċawha kollha. Nieklu biċċa u nfittxu biċċa oħra sakemm intemmuha. Inkella ma nkunux sodisfatti.

Hekk jiġrilna fil-ħajja: xejn ma jaqtgħalna l-aptit. Għandna kemm għandna, dejjem irridu aktar. Much needs more. Donnu ma hemmx affarijiet li jimlewna. Għalhekk ħajjitna saret tellieqa sfrenata biex nippruvaw diversi ħwejjeġ bit-tama li fl-aħħar niltaqgħu ma’ xi ħaġa li tikkuntentana. L-attiviżmu qed jifliġna. Irridu nieklu b’żewġt ixdieq anki jekk hemm riskju li nifgaw. Il-fatt li l-ħajja saret mgħaġġla, sabarna qsar, żdiedu t-tensjonijiet u sirna nisparkjaw malajr. Konsegwenza ta’ dan, ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna saru jitkissru malajr. Id-delużjonijiet żdiedu għax mingħalina nkunu sibna dak li jimliena, imma ftit wara nibdew inħossu l-vojt.

Kien għalhekk li fl-aħħar Ittra Pastorali semmejt li “minkejja li l-kotra għandhom geddumhom fix-xgħir, ħafna jħossu l-vojt u, ipalaw kemm ipalaw, ma jirnexxilhomx ikunu kuntenti”. Dan il-vojt jinkwetana. Huwa minnu li l-ekonomija sejra tajjeb, imma qed tagħmel il-vittmi wkoll għax qed toħloq foqra ġodda. Huwa fatt li l-industrija tal-pjaċir splodiet u din ukoll qed tħalli casualties. Huwa fatt magħruf li żdiedet sew id-dipendenza fuq il-mediċina kontra l-għeja mentali, l-ansjetà u d-depressjoni.

Dan ifisser li dak kollu li għandna mhux biżżejjed biex inħossuna mistrieħa. Għalhekk, meta qed nistaqsu dwar x’jista’ verament jagħmilna kuntenti, aħna qegħdin nagħmlu mistoqsija serja ħafna, għax hija mistoqsija dwar is-sens tal-ħajja, biex ma jiġrilniex li nsibu ruħna niġru wara r-riħ u nirrendu ħajjitna assurda. Din id-domanda dwar it-tifsira profonda tal-ħajja ma ssirx mill-moħħ imma mill-qalb!

Għalhekk inkunu tassew boloh jekk ma nagħtux kas ta’ din il-karba li tielgħa mill-qiegħ tal-qalb tal-bniedem tal-lum. Is-soċjetà tagħna forsi tidher li hija belha, imma belha ma hijiex u verament qed tistaqsi llum x’jista’ jimla l-qalb. Anki jekk f’dan it-tfittix is-soċjetà tagħmel għażliet ħżiena, dawn huma tentattivi biex fl-aħħar jirnexxielha verament tistrieħ.

Fl-Ittra Pastorali nikkwota lil Santu Wistin li għadda minn din l-esperjenza ta’ tfittix. Fil-ħajja Wistin ipprova diversi ħwejjeġ imma baqa’ vojt sakemm sab lil Alla. Fil-fatt, fil-bidu tal-Istqarrijiet tiegħu, huwa jgħid: “Int għamiltna għalik, o Alla, u l-qalb tal-bniedem ma ssibx mistrieħ jekk mhux fik”. It-tweġiba li sab Santu Wistin hija l-istess tweġiba li għandna bżonn aħna llum. Għandna bżonn niffukaw il-ħarsa tagħna fuq Ġesù, dak li fl-Ittra Pastorali sejjaħt l-uniku neċessarju fil-ħajja. Fil-preżenza ta’ Ġesù kollox isir relattiv u sekondarju.

Kemm nixtieq li xi darba aħna jkollna l-grazzja li nagħmlu l-istess stqarrija li għamel Xmun meta Marija ppreżentat lil Ġesù fit-Tempju: “Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem skont kelmtek, għax għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek”. Nitolbu l-grazzja biex fl-istorja tagħna jkun hemm mument fejn inkunu nistgħu ngħidu: illum rajna lil Ġesù – Mulej tiegħi u Alla tiegħi! Hawnhekk biss il-qalb tal-bniedem tistrieħ. L-għan tal-Ittra Pastorali huwa proprju dan: li ngħinkom f’din it-tfittxija biex taraw lil Ġesù u biex bħala Knisja ma nagħmlux żball li flok qamħ nagħtukom il-karfa.

Meta llum qegħdin niċċelebraw l-Għid tal-Assunta, laqatni l-fatt li llum Marija straħet! Mhux fis-sens li l-mewt serrħitha kif jiġri meta tmut persuna li tkun batuta; imma Marija straħet għaliex, meta l-Mulej Ġesù seħibha miegħu fir-rebħa fuq il-mewt u ġiet imtellgħa s-Sema bir-ruħ u l-ġisem, saflaħħar hija rat lil Alla. Marija għaddiet ħajjitha tfittex lil Alla. Marija hija dik li għamlet il-pellegrinaġġ tal-fidi. Min jaf kemm stenniet u xxennqet għal dan il-mument biex tara lil Alla! Nistħajjel li llum, bħal Xmun, Marija qed tgħid: ‘Issa, o Sid, qalbi mfawra… issa qalbi straħet’.

Għalhekk, jekk f’ħajjitna nkunu għaddejjin mill-esperjenza tal-baħħ, ma nkomplux infanndu fil-vojt, ma nkomplux niġru bla nifs wara dak li għandu biss id-dehra li jista’ jissodisfa, imma fil-verità jħallina bil-għatx. Is-serħan tagħna nsibuh kif sabitu Marija meta fl-Assunzjoni sabet il-Maħbub tagħha. Marija skopriet li qabel ma fittxitu hi, fittixha hu; qabel ma xxennqet għalih, ixxennaq għaliha hu; mhux hi ġriet warajh, imma hu ġera warajha. Ħa tkun din il-grazzja li nitolbu mhux biss għalina imma għas-soċjetà tagħna kollha, u hekk inkunu tajna kontribut kbir.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading