In-numru ta’ mwiet minħabba x-xita qawwija li ilha taħbat fuq in-Nofsinhar tal-Brażil sa mill-aħħar ta’ April, tela’ għal 137. Il-fuq minn sitt mitt elf kellhom jiġu spostati. L-aktar sitwazzjoni drammatika tinsab fl-istat ta’ Rio Grande do Sul, fuq il-fruntiera mal-Arġentina u l-Urugwaj, fejn l-intensità tal-preċipitazzjoni qed tkompli tiżdied u mistennija tmur għall-agħar fis-sigħat li ġejjin.
Is-Sibt 11 ta’ Mejju, l-Papa Franġisku ċempel lill-Arċisqof Jamie Spengler ta’ Porto Alegre, u President tal-Konferenza Nazzjonali tal-Isqfijiet tal-Brażil, fejn esprima l-qrubija tiegħu lil dawk kollha li qed isofru minn dan id-diżastru, li qed jolqot l-aktar lil-ifqar nies. L-Arċisqof, esprima l-emozzjoni tiegħu għall-ġest patern tal-Papa, u qal li jinsab sorpriż li rċieva telefonata li matulha l-Papa esprima kliem ta’ faraġ għall-popolazzjoni ta’ Rio Grande do Sul. “Nesprimi s-solidarjetà tiegħi,” qal il-Papa, “għal dawk kollha li qed ibatu minn dan id-diżastru. Jien qrib tagħkom u nitlob għalikom.”
Il-Papa kien diġà esprima s-solidarjetà tiegħu mal-persuni milquta mix-xita qawwija fi tmiem ir-Regina Caeli, tal-Ħadd 5 ta’ Mejju. Dakinhar qal: “Irrid nassigurakom it-talb tiegħi għall-popolazzjoni tal-istat ta’ Rio Grande do Sul, il-Brażil, li ntlaqtet minn għargħar kbir. Jalla l-Mulej jilqa’ lill-mejtin u jagħti faraġ lill-familji tagħhom u lil dawk li kellhom iħallu djarhom”.
L-Arċisqof Spengler ikkonferma li din il-qrubija hija akkumpanjata minn ġest tanġibbli ta’ għajnuna kif tħabbret min-Nunzjatura Appostolika fil-Brażil, li qalet li ġiet allokata s-somma sostanzjali mill-Qdusija Tiegħu biex tgħin lil dawk fil-bżonn.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2024-05/pope-francis-telephone-call-brazil-floods-archbishop-spengler.html