L-Evanġelju tal-Erbgħa 26 ta’ Settembru 2018

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 9, 1-6

Ma jista xikun iktar ċar minn hekk. It-tnax għandhom ir-responsabiltà tas-setgħa kollha ta’ Ġesù: setgħa fuq il-ħażin kollu u awtorità fix-xandir. Imma mhux biss hemm ir-resposnabiltà tal-missjoni li tipparaguna s-setgħa fuq il-ħażin max-xandir tas-Saltna ta’ Alla u terġa ttenni l-fejqan: xandru u fejqu.

Donnu għal Ġesù is-setgħa fuq kull ħażen hija x-xandir tal-Kelma dwar is-Saltna ta’ Alla u dan nafuh għax jekk, kif kien jgħid San Ġorġ Preca, it-tagħlim hu l-għajn ta’ kull ġid, l-injoranza f’dak li hu ta’ Alla hija l-għerq ta’ kull ħażen. Il-bniedem li jiġi jaqa’ u jqum minn dak li jrid Alla, jew għax ma jafx, jew inkella ħafna agħar, għax jinjora x-xewqa ta’ Alla, li qatt ma jimponi, huwa l-bniedem li jasal biex jagħmel kollox u jiġġustifika kull għemil ħażin, anke dak li jagħmel ħsara lilu nnifsu.

Din is-setgħa u din ir-responsabiltà, Ġesù jgħaddihom lit-tnax flimkien; ovvjament illum din is-setgħa għaddiet f’idejn is-suċċessuri tagħhom, iżda dejjem flimkien. L-ikbar għadu tal-Knisja fil-membri tagħha, mhux il-morali li tippriedka jew it-taħbit li jiġi minn barra. L-għadu vera li jkisser il-Knisja fil-membri tagħha hija l-firda li xi ħadd iqanqal minn barra jew firda li titnissel minn ġewwa għax dawk afdati jiddeċiedu li dak lijridu u jixtiequ huma huwa aqwa minn dak li jrid Alla, fl-imħabba tiegħu, għall-poplu tiegħu.

Ix-xandir tas-Saltna huwa afdat f’idejn il-mexxejja, imma mhux tagħhom. Mela kull dell ta’ tagħwiġ mhux ġej minn Alla iżda minn min jiżralu s-sikrana fil-għlqa tal-qamħ tiegħu. Aħna l-boloh, ħafna drabi nimmaġinaw l-għedewwa tal-Knisja qegħdin barra minnha; l-illużjoni li tgħamina għar-rejaltà tal-ilpup qerrieda li b’għemilhom ikissru, jifirdu u jeqirdu, skont l-agenda personali jew skont l-allejanzi tagħhom. Mhux dabra u tenjn li nsibu min juża x-xandir tal-Kelma u kultant il-qima li nagħtu lil Alla biex nifirdu dak li Ġesù ried jgħaqqad. Donna naħsbu li meta Ġesù kien qed jitkellem dwar dak li Alla għaqqad u li l-bniedme m’għandi qatt jifred, japplika biss għaż-żwieġ; l-ewwel u qabel kollox japplika għall-Knisja, miġbura minn Ġesù u mgħaqqda bl-ispirtu tiegħu. Ħadd m’għandu jifridha.

Max-xandir it-Tnax flimkien ġew afdati wkoll bil-fejqan. San Luqa ma jiddistingwix bejn fejqa u ieħor; ma jgħidilniex fejqan mill-mard tal-ġisem. Isemmi biss il-fejqan jiġifieri r-radd lura tas-saħħa fejn hemm id-dgħufija, kull dgħufija, kull nuqqas ta’ saħħa. Il-fejqan mill-mard tal-ġisem huwa temporanju u jtaffi t-tabtija tal-bniedem u ta’ dawk ta’ madwaru; jista’ wkoll irażżan għall-ftit taż-żmien il-proċess tal-mewt, iżda ma jwaqqfu qatt; anke min tqajjem mill-imwiet reġa’ miet. Iżda il-fejqan minn nuqqas ta’saħħa tar-ruħ jibqa’ għal dejjem, jibdel lill-bniedem minn bniedem għal bniedem imsejjaħ biex jingħaqad ma’ Alla bis-saħħa kollha meħtirġa biex dan jista’ jseħħ, il-fejqan tar-ruħ iwassal lill-bniedem lil hinn mill-għatba tal-mewt u jdaħħlu fil-ħajja ta’ dejjem. F’dan id-dawl kulħadd għandu jkollu l-opportunità li jfiq, anke l-ilpup, anke dawk li jnisslu l-firda, anke dawk li jkissru u jeqirdu għax huma wkoll morda. Ħadd m’hu eskluż mis-Saltna iżda kulħadd jista’ jagħżel jekk jilqagħhiex jew le.

Biex dawn ir-responsabiltajiet jistgħu jitwettqu, Ġesù joffri kors qasir ħafna ta’ formazzjoni lil dawk li ħallielhom f’idejhom dak li hu tiegħu. Tieħdu xejn magħkom għat-triq, la ħatar, la ħorġa, la ħobż u lanqas flus, u lanqas ma jkollkom żewġ ilbiesi. Jekk tidħlu f’xi dar, ibqgħu hemm sa ma tiġu biex titilqu. Jekk ma jilqgħukomx, oħorġu minn dik il-belt u farfru sa t-trab tagħha minn ma’ riġlejkom bħala xhieda kontrihom.

Tieħdux magħkom ħatar. M’għandkomx bżonn biex tiddefendu ruħkom u l-anqas għandkom għalfejn tistrieħu. Lanqas ħorġa u ħobż. Il-ħorġa tużaha biex taħseb għal għada. Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum. Li ġġor miegħek għal għada huwa piż għall-mixja tiegħek illum li jgħajjik u jfixklek. Lanqas flus. Il-business mhux fl-agenda ta’ min iwassal is-saltna ta’ Alla. Għal ħafna il-flus jidhru li jistgħu iħaffu t-triq u jiftħu bibien magħluqa, iżda kull bieb li jinfetaħ bil-flus u kull triq imħaffa bihom, isiru ktajjen ħoxnin u tqal marbuta ma’ saqajna li jxekklu l-mixi tagħna.

Il-messaġġ hu għal kulħadd u widnejn kulħadd għandhom jisimgħuh. U min ma jilqgħux? Biċċa tiegħu. Ħafna nies li ma jogħġobhomx dak li jixxandrilhom jipruvaw isawtu lill-Knisja billi jakkużawha li qed tkeċċi n-nies. Il-kliem ta’ Ġesù lid-dixxipli tiegħu meta qalulu li kliemu kien iebes ma jistax ikun iktar ċar: tridux titilqu intom ukoll? Min irid jilqa’ kliemu jilqgħu u jgħix bih bħall-ħobż, iżda min ma jridx u jagħżel ikel ieħor biċċa tiegħu. Id-deċiżjoni tagħhom hija xhieda kontra tagħhom mhux kontra min wasslilhom il-Kelma. Il-bieb miftuħ għal kulħadd, iżda minn jiddċiedi li jibqa’ barra m’għandux għalfejn igerger għax xi ħadd ma ħalliehx jidħol.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading