10 punti ta’ inkoraġġiment liċ-chaplains u l-pastoral teams fl-iskejjel tal-Knisja


It-Tlieta, 2 ta’ Ottubru 2018: L-Isqof Awżiljarju jiltaqa’ maċ-chaplains u pastoral teams fl-iskejjel tal-Knisja.

d5w_6004_02oct18_10-16-06-153924639793.jpg

Il-messaġġ tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi – Fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana

Nixtieq nuri apprezzament min-naħa tal-Knisja f’Malta għall-ħidma li qed isir fil-qasam tal-kura pastorali u ċ-chaplaincy fl-iskejjel tal-Knisja. Hi ħidma li ħafna draba ssir fil-kwiet, b’kuntatti personali, u jkun tajjeb li aħna lkoll nivvalorizzaw din il-ħidma. Il-Papa Franġisku, fl-eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, f’paragrafu nru 274, jgħid: “Għalhekk, jekk jirnexxieli ngħin imqar persuna waħda tgħix aħjar, dan hu diġà biżżejjed biex jiġġustifika d-don ta’ ħajti”. Intom għentu mhux persuna waħda imma ħafna!

Fil-kuntatti tagħna personali importanti li nagħtu attenzjoni lil kull persuna. Il-Papa Franġisku, fl-istess silta ta’ Evangelii gaudium, jispjega: “… għandna bżonn nagħrfu wkoll li kull persuna jixirqilha l-attenzjoni tagħna. Mhux minħabba d-dehra fiżika tagħha, il-ħiliet tagħha, il-lingwaġġ tagħha, il-mentalità tagħha jew is-sodisfazzjon li tista’ toffrilna, imma għax hi opra ta’ Alla, ħlejqa tiegħu. Hu ħalaqha xbieha tiegħu, u hi tirrifletti xi ħaġa mill-glorja tiegħu. Kull bniedem hu oġġett tal-ħlewwa bla tarf tal-Mulej, u Hu nnifsu jgħammar f’ħajtu”. Fil-ħidma fl-iskejjel, dan il-bżonn inħass ħafna. Lil hemm minn kull dehra, kull persuna timmerita l-attenzjoni, l-imħabba u l-kompassjoni tagħna.

Fl-ambjent tal-iskola hu meħtieġ djalogu veru fejn inkunu kapaċi nisimgħu. Li tisma’ mhux faċli, imma dak hu l-bidu ta’ relazzjoni li permezz tagħha tista’ tkun tassew ta’ għajnuna lill-persuna. Id-djalogu jgħallimna nuru rispett ukoll lejn il-passi differenti ta’ kull persuna.

Kif jispjega l-Papa Franġisku f’Evangelii gaudium, għandu jkollna attitudni pożittiva ta’ ferħ u paċi li nxerrdu madwarna. Noqogħdu attenti li ma nxerrdux l-isfiduċja, il-qtigħ ta’ qalb. Evangelii gaudium, par. 85: “Waħda mill-iżjed tentazzjonijiet serji li jifgaw il-ħeġġa u l-kuraġġ huwa meta nħossuna mirbuħin, sens li jibdilna f’persuni pessimisti b’wiċċhom imkemmex li dejjem imdejqin u qalbhom maqtugħa … Anki jekk bl-għarfien tad-dgħufijiet tagħna li jnikktuna, jeħtieġ nibqgħu mexjin ’il quddiem mingħajr ma nagħtu ruħna b’mirbuħa, u niftakru dak li qal il-Mulej lil San Pawl: ‘Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef’ (2 Kor 12:9).”

Naturalment, jirnexxielna nxerrdu din l-enerġija pożittiva jekk aħna stess ikollna relazzjoni personali ma’ Ġesù Kristu u fih insibu l-milja tal-ħajja tagħna. Ikun hu dak li jmexxina, dak li kontinwament jagħtina l-qawwa. Fil-ministeru tagħna fl-iskejjel, aħna kollaboraturi tiegħu f’ħidma li hi tiegħu.

Ma’ din, inżid il-bżonn li t-tim pastorali, anke bħala tim, jagħti xhieda sabiħa ta’ għaqda. Din tkun preżenza li tħalli l-frott. Ħafna drabi n-nies ikollhom intuwizzjoni jekk hemmx tassew għaqda, sforz kollettiv. Għalhekk il-ħtieġa li l-lajċi involuti fiċ-chaplaincy teams flimkien mas-saċerdoti isiru aktar komunità f’mixja ta’ fidi. Din il-komunità ssir ir-ruħ tal-iskola, u tagħmel differenza.

Għandna naraw il-ħtiġijiet tal-persuna b’mod sħiħ – u naħdmu għal integrazzjoni bejn l-aspett sagramentali, l-attivitajiet li jsiru, il-messaġġi li jingħataw. Nagħmlu dan possibilment f’relazzjoni ma’ dawk kollha li għandhom sehem fl-edukazzjoni tat-tfal, speċjalment il-ġenituri/kustodji tat-tfal. Din mhix faċli, għax ġieli l-ġenituri jikkollaboraw u ġieli jħottu dak li jinbena tajjeb fl-iskola.

Hemm bżonn ta’ formazzjoni kontinwa li tgħinna ħafna biex inkomplu nkunu aġġornati u naħdmu b’entużjażmu. Din il-formazzjoni tgħinna nifhmu aktar ir-realtà tal-istudenti u tal-adulti fil-komunità edukattiva, ir-realtà tas-soċjetà tal-lum bil-bidliet mgħaġġla li qed iseħħu, u metodi ġodda li għandna nikkunsidraw. Tgħinna wkoll insiru iktar midħla tal-ethos tal-iskola, tad-dokumenti tal-Knisja (eż. tliet dokumenti bażiċi tal-Papa Franġisku: Evangelii gaudium, Amoris Laetitia, Laudato si’) u tal-policies (eż. is-Safeguarding Policy).

Jiswa ħafna ta’ ġid il-qsim ta’ esperjenzi pożittivi – sharing of good and best practice. Isiru diversi inizjattivi tajbin fil-qasam tal-ministeru pastorali fl-iskejjel, u dawn tajjeb ikunu maqsuma mal-oħrajn ħalli nitgħallmu minn xulxin. Din ukoll hi parti mill-formazzjoni kontinwa.

Naħdmu flimkien biex it-tema pastorali magħżula mis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika, Together we make a difference, issir ħajja u tagħti l-frott. Tajjeb li jkun hemm kuntatt regolari mas-Segretarjat, biex dan jista’ jseħħ.

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.