L-Isqof Joe Galea Curmi dwar il-Pastorali tal-Knisja wara COVID-19

Print Friendly, PDF & Email

Il-Pastorali tal-Knisja wara COVID-19:  Intervent mill-Isqf Awżiljarju Joseph Galea Curmi f’laqgħa ma’ kelliema oħra nhar l-Erbgħa 3 ta’ Gunju 2020, fis-serje ta’ laqgħat ta’ formazzjoni online għas-saċerdoti.

Bishop-Galea-Curmi
L-Isqof Joseph Galea Curmi

F’dawn it-tliet xhur li għaddew, għexna esperjenza radikali u diffiċli bil-pandemija tal-COVID-19. Hi esperjenza li ġabitna wiċċ imb’wiċċ ma’ realtà ġdida. Din tista’ tkun għalina opportunità għal tiġdid, fejn meħtieġa wkoll konverżjoni, fil-ħidma pastorali tagħna. Se nagħmel xi riflessjonijiet dwar kif inħares lejn il-Pastorali tal-Knisja fid-dawl ta’ din l-esperjenza. Bi Knisja m’inix qed nifhem biss l-Arċidjoċesi imma l-Knisja f’sens aktar wiesgħa.

Dixxerniment

Il-punt ċentrali li tant narah joħroġ hu l-bżonn tad-dixxerniment bħala l-istil kontinwu tal-ħajja pastorali tagħna. Id-dixxerniment jgħinna niftħu qalbna għall-Ispirtu tal-Mulej, nagħrfu l-preżenza tiegħu, u nistaqsu b’mod personali imma wkoll b’mod komunitarju u bħala Knisja b’mod sinodali: “Mulej, x’qed titlob minna llum? Lejn fejn tixtieq tmexxina?” Dan hu process kontinwu li jurina dak li tassew jiswa u li hu essenzjali fil-missjoni tal-Knisja. Għalhekk jgħinna nkunu aktar Knisja ta’ sempliċità Evanġelika u Knisja tassew sinodali.

Nixtieq norbot dan id-dixxerniment ma’ erba’ punti li huma preżenti fl-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii gaudium, u fil-proċess ta’ tiġdid ekkleżjali tal-Knisja f’Malta. Dawn jidher li saru iktar importanti għall-pastorali wara l-COVID-19.

Knisja li tisma’

Qabel xejn, is-smigħ tal-Kelma ta’ Alla. L-esperjenza tal-pandemija wriet l-għatx għall-Kelma ta’ Alla. “Jeħtieġ nitrawmu kontinwament fis-smigħ tal-Kelma” (Evangelii gaudium, 174). Għalhekk il-ħtieġa taċ-ċentralità tal-Kelma fil-komunitajiet parrokkjali u komunitajiet oħrajn. Ħafna min-nies li segwew u qed isegwu l-quddiesa fil-media, jaraw fiha esperjenza ta’ talb imma wkoll ta’ riflessjoni fuq il-Kelma ta’ Alla. Dan jurina l-bżonn ta’ pastorali biblika mġedda.

Knisja li tisma’ tfisser ukoll is-smigħ tan-nies. Il-pandemija wriet il-bżonn li nisimgħu dak li jgħaddu minnu n-nies.  Aħna rridu nisimgħu lin-nies fil-qalba tal-ħajja tagħhom. Nitgħallmu minnhom, mill-insights tagħhom, mill-weġgħat tagħhom. Hemm tant issues li qed itaqqlu l-ħajja tal-bniedem.

Papa Franġisku jitkellem fuq il-ħtieġa li aħna nitħarrġu f’din l-attitudni ta’ smigħ: “Għandna bżonn nitħarrġu fl-arti tas-smigħ, li hi iktar milli sempliċi tisma’ b’widnejk.  L-ewwel ħaġa, fil-komunikazzjoni mal-oħrajn, hi l-ħila tal-qalb li tersaq qrib ta’ ħaddieħor, li mingħajrha ma teżisti l-ebda laqgħa spiritwali vera.  Is-smigħ jgħinna nagħrfu liema hu l-ġest jew il-kelma t-tajba li tħarrikna mill-qagħda trankwilla ta’ spettaturi.  Huwa biss jekk nitilqu minn dan is-smigħ, li juri rispett u kapaċi jifhem il-qagħda tal-oħrajn, li nistgħu nsibu toroq għal maturità vera, li nistgħu nerġgħu nqanqlu fina x-xewqa tal-ideal Nisrani, il-ħeġġa li nwieġbu b’mod sħiħ għall-imħabba ta’ Alla u x-xenqa li niżviluppaw bl-aħjar mod dak li Alla żera’ fil-ħajja tagħna” (Evangelii gaudium, 171).

L-enfasi tal-Papa hi li fil-laqgħa tagħna mal-oħrajn, nisimgħu b’qalb miftuħa, u dan jgħin biex l-oħrajn isibu fina mhux biss widna imma qalb li tifhimhom.

Is-smigħ tal-Kelma ta’ Alla u s-smigħ tan-nies jgħinuna fid-dixxerniment biex nagħrfu dak li l-Ispirtu qed jgħidilna fil-ġrajjiet ta’ żminijietna u naqraw is-sinjali tiegħu fl-istorja. Ħa nsemmi żewġ punti li joħroġu b’mod qawwi mis-smigħ tar-realtà waqt il-pandemija: l-importanza tal-ħarsien tal-ħajja u d-dinjità ta’ kull bniedem; u l-protezzjoni tal-ħolqien.

Is-smigħ jiġi qabel id-diskors. Wara li nisimgħu, nagħrfu l-lingwa li biha għandna nikkomunikaw man-nies. Sfida li nara hu li meta nitkellmu lingwaġġ li nifhmuh, ma ngħiduhx lil min dan il-lingwaġġ ma jfisser xejn u li kapaċi jipparalizza u jiddemoralizza lin-nies flok iħeġġiġhom.

Knisja li tilqa’

Esperjenza iebsa fil-pandemija hi s-social distancing, li għal dawn it-tliet xhur ma ħalliniex niltaqgħu fil-komunitajiet tagħna, inkunu viċin xulxin, nieħdu b’idejn xulxin, nuru b’mod konkret li aħna rridu nilqgħu lil min jiġi fil-komunitajiet tagħna. Dan in-nuqqas, li ħassejnieh ħafna, jurina kemm hi ħaġa sabiħa meta niltaqgħu flimkien f’ambjent fejn persuna tħossha tassew milqugħa. Papa Franġisku hekk jispjegaha: “Il-Knisja trid tkun il-post tal-ħniena mogħtija b’xejn, fejn kulħadd jista’ jħossu milqugħ, maħbub, maħfur u mħeġġeġ jgħix skont il-ħajja tajba tal-Evanġelju” (Evangelii gaudium, 114).

L-esperjenza tal-COVID-19 urietna li għandna napprezzaw dejjem aktar il-bżonn li noħolqu ambjent li jilqa’ u li jħeġġeġ komunjoni ħajja u parteċipazzjoni aktar attiva.

Li tilqa’ tfisser li naħdmu għal komunità inklużiva. Papa Franġisku jitkellem fuq dak li jista’ jiġri kultant fil-komunitajiet fejn fiż-żelu tagħna, innaffru lin-nies u nbegħduhom mill-Mulej. Iħabbtu u jsibu l-bibien magħluqa. Il-Knisja trid tibni pontijiet mhux ħitan, u trid taħdem kontra dak kollu li jfisser esklużjoni jew li jimbotta lin-nies flok jattirahom.

Se jkollna sfida qawwija kif ngħixu n-numerus clausus fil-quddies tagħna, ħalli dan ma jkunx okkażjoni fejn innaffru lin-nies flok nilqgħuhom. Tajjeb li naħsbu kif filwaqt li se nibdew bi gruppi iżgħar fil-quddies, nedukaw għal komuità li tkun pont mal-oħrajn bi stil tajjeb. Bl-istess mod li ħafna insara taw każ tal-ġirien tagħhom waqt il-pandemija.

Knisja li takkumpanja

Matul dawn it-tliet xhur tal-pandemija, saru sforzi ġenwini minn bosta kappillani, saċerdoti u reliġjużi biex jibqgħu f’kuntatt mal-Poplu ta’ Alla u jakkumpanjawh bil-limiti kollha u r-restrizzjonijiet li kien hemm. Dawn huma sforzi ta’ min japprezzahom. Nixtieq ħafna li xi mument naqsmu bejnietna l-modi differenti ta’ akkumpanjament li kien hemm: min b’messaġġi regolari, min b’kuntatti ma’ familji li jaf, min permezz tas-social media, etc. Ċertament ma kienx il-każ ta’ “quddies biss”.

Insemmi wkoll il-ġenituri fil-familja, għax dawk ukoll huma l-Knisja. Matul dawn it-tliet xhur, kien hemm diversi esperjenzi ta’ ġenituri li għarfu jaqdu l-impenn kbir ta’ akkumpanjament fil-ħajja tal-familja tagħhom – bil-homeschooling, u wkoll fil-ħajja spiritwali u t-talb flimkien. Din żgur hi indikazzjoni tajba għall-pastorali wara l-COVID-19: li nakkumpanjaw b’inkoraġġiment u b’appoġġ il-familji. Nakkumpanjaw lil familji kemm fl-isfidi li jaffaċċjaw kif ukoll biex huma jistgħu jgħaddu l-fidi lil uliedhom.Nahseb li kienet xi ħaġa li skoprejna aktar l-importanza tagħha.

Papa Franġisku jenfasizza ħafna l-bżonn ta’ akkumpanjament. Min jersaq lejn il-Knisja ma jsibx biss min jisimgħu u jilqgħu, imma wkoll min jakkumpanjah. Jgħid il-Papa: “Il-Knisja jeħtieġ tlaqqa’ lill-membri tagħha – saċerdoti, reliġjużi u lajċi – ma’ din l-‘arti tal-akkumpanjament,’ biex ilkoll jitgħallmu dejjem jinżgħu l-qorq quddiem l-art imqaddsa tal-persuna l-oħra (ara Eż 3:5).  Jeħtieġ li l-mixja tagħna nagħtuha ritmu b’saħħtu li jqegħdiha qrib tal-oħrajn, b’ħarsa mimlija rispett u ħniena imma li fl-istess ħin ikollha l-ħila tfejjaq, teħles u tħeġġeġ il-maturità fil-ħajja Nisranija” (Evangelii gaudium, 169).

Il-Papa jispjega wkoll kif hemm bżonn ta’ nies li bl-esperjenza li għandhom fl-akkumpanjament juruna t-triq li għandna naqbdu, fejn jispikkaw il-prudenza, il-ħila li nifhmu lill-oħrajn, l-arti tal-istennija, il-ħlewwa li tħalli l-Ispirtu jaħdem fina. Meta int akkumpanjat, ifisser li m’intix waħdek. Ikollok l-appoġġ li teħtieġ, l-għajnuna li ssostnik.

Din hi t-triq li l-Knisja msejħa biex toffri lin-nies fil-ħidma pastorali tagħha wara l-COVID-19, b’ħafna sensitività u b’rispett sħiħ lejn il-pass tagħhom.

Knisja li toħroġ

Fil-pandemija, għexna l-lockdown, anke jekk parzjali. Dan kien ifisser, għal ħafna minna u għal ħafna żmien, li noqogħdu ġewwa, u li l-kuntatti kollha nagħmluhom minn ġewwa. Wara l-COVID-19, għandna napprezzaw aktar kemm l-għeluq mentali jista’ jfisser staġnar, li nduru magħna nfusna, inkellmu lilna nfusna.

Imma kien hemm ukoll waqt din il-pandemija esperjenza verament sabiħa ta’ Knisja li ma tingħalaqx imma li toħroġ biex taqdi: esperjenza ta’ djakonija. Tant voluntiera, ikkoordinati mill-Caritas u b’impenn minn ħafna parroċċi, marru u jmorru kuljum iqassmu l-ikel lill-familji li ma għandhomx x’jieklu. Flimkien ma’ din kien hemm ħafna inizjattivi oħra ta’ ġenerożità. Tassew, kif qal Papa Franġisku, l-imħabba u l-għajnuna għal dawk fil-bżonn ma kinux u mhumiex kwarantina.

Din hi t-triq ukoll wara COVID-19 – il-kreattività fl-imħabba. Il-kompassjoni li turi l-Knisja permezz tal-għażliet konkreti li tagħmel favur dawk li huma fil-periferiji tas-soċjetà, l-imwarrbin, in-nies bi problemi ta’ saħħa mentali, il-vittmi ta’ vjolenza domestika, ir-refuġjati, dawk li tilfu x-xogħol jew qegħdin f’riskju li jitilfuh, u tant oħrajn.

Papa Franġisku jenfasizza wkoll l-bżonn li l-Knisja tkun Knisja li toħroġ ’il barra f’atteġġjament missjunarju. Jgħid hekk f’Evangelii gaudium, 27: “Noħlom li nagħmlu għażla missjunarja li kapaċi tibdel kull ħaġa, biex hekk id-drawwiet, l-istili, il-ħinijiet, il-lingwaġġ u kull struttura ekkleżjali jsiru kanal tajjeb għall-evanġelizzazzjoni tad-dinja tal-lum, iktar milli għall-awtopreservazzjoni.” Jitkellem fuq il-bżonn li l-pastorali ordinarja fil-livelli kollha tagħha tkun iktar wiesgħa u miftuħa, u tqiegħed lill-aġenti pastorali f’atteġġjament kontinwu ta’ “ħruġ” u hekk tiffavorixxi t-tweġiba pożittiva ta’ dawk  kollha lil lilhom Ġesù joffri l-ħbiberija tiegħu.

Hu dan l-atteġġjament ta’ ħruġ li jgħin lill-Knisja biex tmur lejn il-periferiji tat-territorju tagħha jew lejn l-ambjenti ġodda soċjo-kulturali, biex tfittex lil min hu mbiegħed, u biex tkun lesta tħalli “l-kriterju pastorali komdu ta’ ‘għax dejjem hekk sar’” (Evangelii gaudium, 33). Wieħed jista’ jistaqsi u jirrifletti ma’ oħrajn (bħal per eżempju, kleru u KPP) jekk fiż-żmien fejn waqqafna ħafna mill-attivitajiet, nevalwaw dawk li huma essenzjali. Insaħħu dawk l-affarijiet li nibtu u ta’ min isaħħaħ u dawn jieħdu prijorità fuq dawk li huma sekondarji.

Konklużjoni

Semmejt dawn l-erba’ punti li wara l-pandemija saru aktar rilevanti, mhux inqas. Iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija għandna nfittxu li tkun esperjenza tagħhom flimkien. Għandna nevitaw li nqiegħdu f’xi antiteżi – kif ġieli jiġri f’diskors ta’ saċerdoti – iċ-ċelebrazzjoni u l-kelma, il-kelma u d-djakonija, jew li nippruvaw ngħidu liema l-iktar importanti minnhom. Kollha huma importanti, u iktar ma jkunu integrati u magħqudin ma’ ħajja ta’ talb, ikun aħjar għall-ħajja tal-Knisja li l-protagonista jrid ikun l-Ispirtu s-Santu.

Irridu nevitaw ukoll it-tentazzjoni tal-iskoraġġiment. Bħalma jfisser Papa Franġisku f’Evangelii gaudium, 85: “Waħda mill-iżjed tentazzjonijiet serji li jifgaw il-ħeġġa u l-kuraġġ huwa meta nħossuna mirbuħin, sens li jibdilna f’persuni pessimisti b’wiċċhom imkemmex li dejjem imdejqin u qalbhom maqtugħa…Anke jekk bl-għarfien tad-dgħufijiet tagħna li jnikktuna, jeħtieġ nibqgħu mexjin ’il quddiem mingħajr ma nagħtu ruħna b’mirbuħa, u niftakru f’dak li qal il-Mulej lil San Pawl: ‘Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef’ (2 Kor 12:9).”

L-Arċisqof fil-ġranet li ġejjin se jniedi l-proċess ta’ tiġdid ekkleżjali tal-Knisja f’Malta – mixja pastorali li hi frott ukoll tal-ħidma li saret minn tant nies fix-xhur li għaddew, u dawn l-erba’ punti jinsabu f’post ċentrali f’din il-mixja ta’ dixxerniment. Hi mixja li għandha torjenta b’mod tajjeb il-pastorali tal-Knisja wara l-COVID-19.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading