It-Temperanza

ĠWANN PAWLU II. UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 15 ta’ Novembru 19781. Fil-kors tal-udjenzi tal-ministeru pontifiċju tiegħi fittixt li nwettaq it-“testament” tal-Predeċessur għażiż tiegħi Ġwanni Pawlu I. Bħal ma hu magħruf, huwa ma ħalliex testament mktub, għaliex il-mewt ħatfitu b’mod mhux mistenni u għall-għarrieda, imma ħalla xi punti, li minnhom jirriżulta li kien propost, li fl-ewwel laqgħat ta’ nhar ta’ Erbgħa,  jitkellem dwar il-prinċipji fundamentali tal-ħajja nisranija, jiġifieri dwar it-tliet virtujiet tejologali – u għal dan kellu ż-żmien li jattwah – u mbagħad dwar l-erbà virtujiet kardinali – u dan qiegħed jagħmlu is-Suċċessur indehen tiegħu. Illum imiss li nitkellmu dwar ir-rabà virtù kardinali, it-“temperanza”, biex hekk inwasslu għat-tkomplija, sa certu punt, il-programm ta’ Ġwanni Pawlu I, li fih nistgħu kważi naraw it-testment tal-Papa mejjet.

2. Meta nitkellmu dwar il-virtujiet – mhux biss dawn il-kardinali, imma kollha, ta’ kull vurtù għandu jkollna dejjem quddiem għajnejna l-bniedem reali, il-bniedem konkret. Il-virtù mhix xi ħaġa astratta, maqtugħa mill-ħajja, imma, għal kuntrarju, għandha “għeruq” profondi fil-ħajja nfisha, toħroġ minnha u tiffurmaha. Il-virtù   taffettwa l-ħajja tal-bniedem.  Taffettwa l-azzjonijiet u l-imġieba tiegħu. Jirriżulta li, f’dawn ir-riflessjonijiet kollha tagħna, ma nitkellmux tant dwar il-virtù daqs kemm tal-bniedem li jgħix u jaġixxi “virtwożament”; nitkellmu dwar il-bniedem prudenti, ġust, kuraġġuż, u fl-aħħar, appuntu llum, nitkellmu dwar il-bniedem “temperanti” (jew aħjar “moderat”).

Inżidu minnufih li dawn l-attributi kollha, jew pjuttost atteġġjamenti tal-bniedem, ġejjin mill-virtujiet kardinali singuli, huma marbutin b’mod reċiproku. Ma jistax għalhekk ikun bniedem tassew prudenti linqas awtentikament ġust, linqas qawwi, jekk ma jkollux ukoll il-virtù tat-temperanza . Wieħed jistà jgħid li din il-virtù tikkondizzjona b’mod indirett il-virtujiet l-oħra, imma rridu ngħidu wkoll li l-virtujiet l-oħra kollha huma ndispensabbli, sabiex il-bniedem jistà jkun “temperanti (jew “moderat”).

3. It-terminu stess ta’ “temperanza” donnu sa ċertu punt jirreferi għal dak li huwa “barra mill-bniedem”. Infatti ngħidu li temperanti huwa dak li ma jabbużax mill-kel, mix-xorb, mill-pjaċiri, min ma jixrobx alkoholiċi bl-addoċċ, min iwarrab il-kuxjenza biex juża id-drogi, eċċ. Din ir-referenza għal elementi esterni tal-bniedem għandha però il-bażi tagħha ġol-bniedem. Dan huwa bħallikieku li f’kull wieħed u waħda minna jeżisti “jien superjuri” u “jien inferjuri”. Fil-“jien inferjuri” tagħna jesprimi ruħu ġisimna u dak kollu li jappartjieni lilu: il-bżonnijiet tiegħu, ix-xewqat tiegħu, il-passjonijiet tiegħu ta’ natura qabel kollox senswali. Il-virtù tat-tempranza tiggarantixxi lil kull bniedem id-dominju tal-“jien superjuri” fuq il-“jien inferjuri”. Hija din forsi umiljazzjoni ta’ ġisimna? Jew iinkella diżabbiltà? Għal kuntrarju, dan id-dominju jivvalorizza l-ġisem. Il-virtù tat-temperanza tagħmel iva li l-ġisem u s-sensi tagħna jsibu l-post ġust, li jixirqlhom fl-esseri uman tagħna.

Il-bniedem temperanti huwa dak li hu padrun tiegħu nnifsu. Dak li fih il-passjonijiet ma jiħdux ir-riħ fuq ir-raġuni, fuq ir-rieda, u wkoll fuq il-“qalb”. Il-bniedem li jaf jiddomina lilu nnifsu! Jekk ikun hekk finalment nintebħu liema valur fundamentali u radikali għandha l-virtù tat-temperanza. Hija saħanasitra ndispensabbli, sabiex il-bniedem ikun għal kollox bniedem. Biżżejjed inħarsu lejn xi ħadd, li mkaxkar mill-paassjonijiet tiegħu, isir “vittma”, billi jirrinunzja waħdu l-użu tar-raġuni (bħal per eżempju, wieħed alkolizzat jew ddrogat) u ninnutaw b’ċarezza li li “tkun bniedem” tfisser li tirrispetta d-dinjità tiegħek propja, u allura, fost oħrajn, tħalli lilek innifsek tiġi ggwidaat mill-virtù tat-temperanza.

4. Din il-virtù tiġi wkoll imsejħa “moderazzjoni”. Huwa propju sewwa li huwa hekk! Infatti, biex nkunu nistgħu niddominaw il-passjonijiet tagħna, il-konkupixxenza tal-ġisem, l-isplużjonijiet tas-senswalità (per eżempju fir-relazzjonijiet mas-sess l-ieħor), eċċ., irridu ma naqbżux il-limitu ġust fil-konfront tagħna nfusna u tal-“jien inferjuri” tagħna. Jekk ma nirrispettawx dan il-limitu ġust, ma nkunux kapaċi niddominaw llna nfusna. Dan ma jfissirx li l-bniedem virtuż, moderat, ma jistax ikun “spontanju”, ma jistax jifraħ, ma jistax jibki, ma jistax jesprimi s-sentmenti tiegħu propji, ma jfissirx li jiġifieri hu jrid isir insensibbli, “indifferenti”, bħallikieku kien blokka silġ jew tal-ġebel. Le, bl-ebda mod! Biżżejjed inħarsu lejn Ġesù biex nikkonvinċu ruħna. Il-morali nisranija qatt ma identifikat ruħha ma dik stojka. Għal kuntrarju, waqt li nikkunsidraw l-għana kollu tal-affezzjonijiet u tal-emozzjonaliżmu li bihom kull bniedem huwa ddotat – wara kollox kull wieħed u waħda b’mod differenti: b’mod ir-raġel, b’mod ieħor il-mara minħabba s-sensibbiltà tagħhom – hemm bżonn nagħrfu li l-bniedem ma jistax jilħaq din l-ispontanjetà matura, jekk mhux permezz ta’ attività mmensa fuqu nnifsu u  ta’  “viġilanza” fuq inġibtu kollha. Infatti f’dan tikkonsisti l-virtù tat-“temperanza”, tal-“moderazzjoni”.

5. Naħseb li din il-virtù tesiġi min kull wieħed u waħda minna umiltà speċifika rigward id-doni li Alla qiegħed fin-natura umana tagħna. Ikollii ngħid, “l-umiltà tal-ġisem” u dik “tal-qalb”. Din l-umiltà hija kundizzjoni meħtieġa għall-“armonija” interna tal-bniedem: għas-sbuħija “interna” tal-bniedem. Kulħadd għandu jirrifletti sewwa b’mod speċjali ż-żgħażagħ, u iktar dawk iktar żgħażagħ fl-età li fiha tant inħabblu rasna biex inkunu sbieħ biex ningħoġbu mill-oħrajn! Niftakru li l-bniedem għandu jkun sabiħ qabel kollox minn ġewwa. Mingħajr din is-sbuħija, l-isforzi ndirizzati għall-ġisem biss ma jirrendux – la lilu, u linqas lilha – persuna tassew sabiħa.

Wara kollox, mhuwiex propju l-ġisem li jġarrab ħsarat sensibbli u spiss ukoll rilevanti għas-saħħa, kemm-il darba jkun hemm nieqsa fil-bniedem il-virtu tat-temperanza, tal-moderazzjoni? Għal dan il-għan, jistgħu jgħidu bosta l-istatistiċi u l-kartelli kliniċi tal-isptarijet kollha tad-dinja. Għandhom ukoll esperjenza kbira t-tobba impjegati fil-kliniċi li għandhom jirrikorru il-miżżewġin, l-għarajjes u ż-żgħażagħ. Huwa minnu li ma nistgħux niġgudikaw il-virtù billi nibbażaw b’mod esklussiv fuq il-kriterju tas-saħħa psikofiżika, madankollu numrużi huma l-provi li n-nuqqas tal-virtù tat-temperanza, tal-moderazzjoni iwassal għal-ħsara għas-saħħa.

6. Hemm bżonn li jiena nieqaf hawn, alavolja jien konvint li dan l-argument huwa pjuttost interrott milli eżawrit. Jistà jkun li xi darba tippreżenta ruħha l-okkażjoni li nerġgħu induru għalih. Għalissa daqshekk biżżejjed.

B’dan il-mod fittixt, kif stajt, inwettaq it-testment ta’ Ġwanni Pawlu I. Nitolbu biex jitlob għalija, meta jkolli ngħaddi għal temi oħra waqt l-udjenzi ta’ nhar ta’ Erbgħa.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.