Il-Qawwa

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANN PAWLU II. UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 15 ta’ Novembru 1978

Għeżież Ħuti.

Il-Papa Ġwanni Pawlu I, waqt li tkellem mil-loġġja tal-Bażilika ta’ San Pietru, il-jum ta’ wara l-elezzjoni tiegħu,, fakkar, fost oħrajn, li waqt il-Konklavi tas-26 ta’ Awissu meta kollox kien diġa qiegħed jindika li hu kien se jkun il-magħżul, il-Kardinal li kien qribu kien sefsiflu f’widintu: “Kuraġġ!”. Probabilment din il-kelma, f’dak il-waqt, kienet meħtieġa għalih u kienet stampat ruħha f’qalbu, meta wieħed iqis li minnufih l-għada fakkarha. Ġwanni Pawlu I jaħfirli, jekk issa jien ninqeda b’din il-kunfidenza tiegħu. Nemmen li propju hi tistà bl-aħjar mod tintroduċina ilkoll li ninsbu hawn preżenti fit-tema li beħsiebni niżvolġi. Propju nixtieq nitkellem illum dwar it-tielet virtù kardinali, jiġifieri dwar il-qawwa. Propju għal din il-virtù nirreferu, meta rridu ninkoraġġixxu lil xi ħadd biex ikollu kuraġġ, bħal ma għamel l-Kardinal qrib ta’ Ġwanni Pawlu I fil-Konklavi, meta qallu: “Kuraġġ”.

Lil min inqisu aħna bħala bniedem qawwi, bnedem kuraġġuż? Din il-kelma soltu tfakkar lis-suldat li jiddefendi lil Pajjiżu, billi jesponi għall-periklu saħħtu u saħansitra ħajtu fi żmien ta’ gwerra. Inqisu però li wkoll fi żmien ta’ paċi għandna bżonn il-qawwa. U allura nkabbru stima kbra lejn il-persuni li jiddistingwu ruħhom għal hekk imsejjaħ “kuraġġ ċivili”. Xhieda ta’ qawwa, hija lilna offruta minn min jesponi ħajtu biex isalva ll xiħadd li jkun se jegħreq, jew inkella mill-bniedem li joffri ruħu li jgħin f’każ ta’ kalamitajiet naturali, bħal ħruq, għargħar, eċċ. Bla ebda dubju iddistingwa ruħu minħabba din il-virtù San Karlu, il-patrun tiegħi, li matul il-pesta ta’ Milan wettaq il-ministeru pastorali tiegħu fost l-abitanti tat-tali belt. Imma naħsbu wkoll b’ammirazzjoni f’dawk il-bnedmin li jitilgħu sal-quċċata tal-Everest jew fil-kożmonawti, per eżempju, dawk li għall-ewwel darba niżlu fuq il-qamar.

Kif jirriżulta minn dan kollu, il-manifestazzjonijiet tal-virtù tal-qawwa huma numerużi. Uħud minnhom huma magħrufin b’mod wiesà u jgawdu ċerta fama. Oħrajn huma inqas magħrufa, għalkemm spiss jesiġu virtù ferm ikbar. Il-qawwa, infatti, bħal ma għidna fil-bidu, hija virtù, virtù kardinali. Ippermettu li niġbdilkom l-attenzjoni fuq eżempji ftit li xejn magħrufa, imma li fihom infushom jixhdu virtù kbira, kultant saħansitra erojka. Naħseb, per eżempju,  dwar mara, omm ta’ familja diġa numeruża, li lilha jiġi “mogħti l-parir” minn ħafna biex teqred ħajja ġdida diġa mnissla fi ħdanha, billi tissottometti ruħha “għall-intervent” tal-interruzzjoni tal-maternità; u hija twieġeb b’qawwa: “le”. Bla dubju tħoss id-diffikultajiet li dik il-“le” ġġib magħha, diffikultajiet għaliha, għal żewġha, għall-familja kollha, u madankollu twieġeb: “le”. Il-ħajja umana ġdida fiha mnissla hija valur wisq kbir, wisq “sagru”, biex hija ċċedi għal pressjonijiet simili.

Eżempju ieħor: raġel li lilu tiġi mwegħda l-libertà u wkoll karriera faċli bill-patt li huwa jiċħad il-prinċipji propji tiegħu, jew inkella japprova xi ħaġa li tmur kontra l-onestà tiegħu lejn l-oħrajn. U hu wkoll iwieġeb: “le”, minkejja li quddiem it-theddid minn banda, u l-attrazzjonijiet mill-oħra. Hemm hu r-raġel kuraġġuż!

Ħafna, ħafna huma l-manifestazzjonijiet tal-qawwa, spiss erojka, li dwarhom ma jnkiteb xejn fil-ġurnali, jew li dwarhom ftit li xejn isir magħruf. Il-kuxjenza umana biss taf dwarhom… u Alla jafu dan!

Nixtieq nagħti ġieħ lil dawk il-kuraġġużii kollha mhux magħrufa. Lil dawk kollha li għandhom il-kuraġġ jgħidu “le” jew “iva”, meta dan jiswa! Lill-bnedmin li jagħtu xhieda singolari tad-dinjità umana u tal-umaanità profonda. Propju minħabba l-fatt li huma mhux magħrufa li jimmeritaw ġieħ u rikonoxximent partikolari.

Skont id-duttrina ta’ San Tumas, il-virtù tal-qawwa ssib ruħha fil-bniedem,

– li huwa lest li “jiffaċċja l-periklu”, jiġifieri li jaffronta l-periklu;
– li huwa lest “isostni l-ħażen”, jiġifieri li jissaporti l-kuntrarju għal kawża ġusta, għall-verità, għall-ġustizzja, eċċ.

Il-virtù tal-qawwa titlob dejjem ċertu għelib tad-debolizza umana u fuq kollox tal-biżà. Infatti l-bniedem, min-natura, jibżà b’mod spontanju mill-periklu, mid-dispjaċiri, mit-tbatijiet. Għalhekk hemm bżonn ifittex il-bnedmin qalbiena mhux biss fil-kamp tal-battalja, imma wkoll fil-korsiji tal-isptar jew fuq is-sodda tan-niket. Tali bnedmin wieħed setà spiss jiltaqà magħhom fil-kampijiet tal-konċentrament u fil-postijiet tad-deportazzjoni. Dawn kienu eroj awtentiċi.

Il-biżà kultant jelimina l-qlubija ċivili miill-bnedmin li jgħixu fi klima ta’ theddid, ta’ pressjoni jew ta’ persekuzjoni. Valur partikolari allura għandhom il-bnedmin li huma kapaċi li jegħlbu l-hekk imsejħa barriera tal-biżà, sabiex jagħtu xhieda għall-verità u għall-ġustizzja. Biex jasal għal tali qawwa l-bniedem għandu b’ċertu mod “jeċċedi” il-limiti propji tiegħu u “jegħleb” lilu nnifsu, billi “jissogra” li jgħaddi minn sitwazzjoni mhix magħrufa, jissogra li jħarsu lejh bl-ikrah, jissogra li jesponi lilu nnifsu għal konsegwenzi spjaċevoli, inġurji, degradazzjoni, telf materjali, forsi priġunerija jew il-persekrzzjonijiet. Biex jilħaq tali qawwa, il-bniedem għandu jkun imwieżen minn imħabba kbira għall-verità u għall-ġid, li għalih jiddediika ruħu.  Il-virtù tal-qawwa timxi  bl-istess pass tal-ħila li wieħed jissagrifika ruħu. Din il-virtu kienet diġa ttimbrat fl-antenati profil definit sewwa. Bi Kristu akkwistat profil evanġeliku, Kristjan. Il-Vanġelu huwa ndirizzat lill-bnedmin dgħajfa, foqra, mansweti u umli, operaturi tal-paċi, miżerikordjużi u, fl-istess ħin, hemm fiha sejħa kostanti għall-qawwa. Wieħed spiss itenni: “La tibżax” (Mt 14,27). Tgħallem lill-bniedem li, għal kawża ġusta, għall-verità, għall-ġustizzja, hemm bżonn li wieħed ikun jaf “jagħti ħajtu” (Ġw 15,13).

Nixtieq hawn nirreferi għal darba oħra għall-eżempju ieħor, li jaslilna minn 400 sena ilu, imma li jibqà dejjem ħaj u attwali. Din hija l-figura ta’ San Stanislaw Kostka, patrun taż-żgħażagħ, li l-qabar tiegħu jinsb fil-knisja ta’ Sant’Andrija fil-Quirinale, ġewwa Ruma. Hawn, infatti, temm ħajtu fl-età ta’ tmintax-il sena dan il-qaddis, min-natura tiegħu ferm sensibbli u ħelu, madankollu tassew qalbieni. Il-qawwa wasslitu, lilu li kien ġej minn familja nobbli, biex jagħżel li jkun fqajjar, billi jsegwi l-eżempju ta’ Kristu, u biex ipoġġi lilu nnifsu għas-servizz esklussiv tiegħu. Għalkemm id-deċiżjoni tiegħu iltaqgħet ma oppożizzjoni soda minn naħa tal-ambjent huwa rnexxielu b’imħabba kbira imma wkoll b’sodizza kbira, li jirrejalizza l-iskop tiegħu, miġbur fil-motto:  “Ad maiora natus sum”: twelidt għall-ħwejjeġ ikbar. Wasal għan-novizzjat tal-ġeżwiti, billi b’riġlejh mexa t-triq minn Vjenna sa Ruma u billi fittex li jaħrab minn dawk li segwewh  għax riedu, bilfors, iġegħlu lil dan iż-żagħżugħ “rasu iebsa” ma jkomplix bl-intenzjonijiet tiegħu.

Naf li fix-xahar ta’ Novembru ħafna żgħażagħ minn Ruma kollha u b’mod speċjali studenti, allievi, novizzi, iżuru l-qabar ta’ San Stanislaw fil-knisja ta’ Sant’Andrija. Jien ninsab magħhom, għaliex il-ġeneraazzjoni tagħna wkoll għandha bżonn ta’ bnedmin li jafu b’”ras iebsa” qaddisa jtennu: “Ad maiora natus sum”. Għandna bżonn ta’ bnedmin qawwija!

Ninħtieġu l-qawwa biex nkunu bnedmin. Infatti, l-bniedem tassew prudenti huwa dak biss li jippossiedi l-virtù tal-qawwa.

Nitolbu għal dan id-don tal-Ispirtu Santu li jissejjaħ id-“don tal-qawwa”. Meta l-bniedem jonqsuh l-forzi biex “jegħleb” lilu nnifsu, quddiem valuri superjuri, bħall-verità, l-ġustizzja, il-vokazzkoni, il-fedeltà matrimonjali, hemm bżonn li dan id-“don minn l-għoli” jagħmel minn kull wieħed u waħda minna bniedem qawwi u, fil-waqt ġust, jgħidilna “fl-intimu”: kuraġġ!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: