Fid-disgħin sena mill-ħruġ tal-enċiklika Rerum Novarum

Print Friendly, PDF & Email

ENĊIKLIKA TAL-PAPA ĠWANNI PAWLU II

 LABOREM EXERCENS

IX-XOGĦOL TAL-BNIEDEM

14 ta’ Setembru 1981

Stampa l-Enċiklika kollha …

Lil ħutu meqjuma fl-episkopat, lis-saċerdoti u lill-familji reliġjużi kollha

lill-ulied kollha tal-Knisja fuq f’għeluq id-disgħin sena mill-ħruġ tal-Enċiklika Rerum Novarum

DAĦLA

Ħuti meqjuma u għeżież uliedi,

Sliem u barka appostolika,

Bix-xogħol tiegħu l-bniedem jeħtieġlu jaqla’ il-ħobża tiegħu kuljum[1] u jagħti sehmu għall-mixi dejjem aktar ‘il quddiem tax-xjenza u t-teknoloġija, fuq kollox, biex bla heda jogħla l-livell kulturali u morali tas-soċjetà li fiha jgħix flimkien ma’ ħutu l-bnedmin l-oħra. Ix-xogħol ifisser kull ħidma li ssir mill-bniedem, hi x’inhi, issir fejn issir u meta ssir; ix-xogħol ifisser kull ħidma tal-bniedem li tista’ u għandha titqies bħala xogħol, fost il-ħafna ħidmiet li jista’ jagħmel il-bniedm u li għalihom huwa mħejji mill-istess natura tiegħu, mill-fatt stess li hu bniedem. Il-bniedem hu maħluq sura xbieha ta’ l-istess Alla[2] fid-dinja li naraw u hu mqiegħed fiha biex jaħkimha:[3] Sa mill-bidu hu msejjaħ għax-xogħol. Ix-xogħol hu wieħed mill-karatteristiċi li jagħżel il-bniedem mill-bqija tal-ħlejjaq: il-ħidma tagħhom biex jibqgħu ħajjin ma nistgħux insejħulha xogħol. Il-bniedem biss hu maħluq għax-xogħol, u l-bniedem biss jagħmlu, u fix-xogħol igħaddi ħajtu fuq l-art. Fix-xogħol għalhekk jidher sinjal speċjali tal-bniedem u tal-familja kollha tal-bnedmin; is-sinjal ta’ persuna taħdem fi ħdan il-komunità ta’ persuni. U hu dan is-sinjal li juri x’inhi l-karetteristika tax-xogħol fih innifsu, li b’xi mod jagħmlu dak li hu.

KAPITLU I

IT-TAGĦLIM SOĊJALI TAL-KNISJA

  1. Xogħol il-bniedem għeluq id-disgħin sena tar-“Rerum novarum”

Il-15 TA’ MEJJU ta’ din is-sena kien għeluq id-disgħin sena tal-pubblikazzjoni ta’ dik l-enċiklika tassew mportant li tibda bil-kliem Rerum novarum, maħruġa mill-Papa Ljun XIII, il-Papa l-kbir tal-“kwistjoni soċjali”; għalhekk xtaqt niddedika dan id-dokument għax-xogħol tal-bniedem u, wisq aktar, għall-bniedem, jiena u nqis x’inhu fid-dinja tax-xogħol. Kif kont għidt fl-enċiklika Redemptor hominis li ħriġt fil-bidu tas-servizz tiegħi fuq il-kattedra ta’ San Pietru f’Ruma, il-bniedem hu “t-triq ewlenija u fondamentali għall-Knisja”[4] proprju minħabba l-misteru tal-Fidwa ta’ Kristu, li ebda moħħ tal-bniedem ma jista’ jifhem; għalhekk jeħtieġ li bla heda nerġgħu lura għal din it-triq u nimxu fiha b’ħeġġa ġdida, fis-suriet kollha li bihom turina l-għana kollu u, fl-istess ħin, it-toqol kollu tal-ħajja tal-bniedem fuq l-art.

Ix-xogħol hu wieħed minn dawn is-suriet tal-ħajja, sura ewlenija li hi minn dejjem u tibqa’ għal dejjem u li għandha dejjem is-siwi u t-tifsir tagħha skond iż-żmien li jkun; sura li bla heda titlob l-attenzjoni mġedda tal-bniedem u x-xhieda ċerta tiegħu. U għaliex dejjem jinqalgħu kwistjonijiet u problemi ġodda, ikun hemm dejjem tamiet ġodda, imma wkoll biża’ u tehdid ġdid, biża’ u tehdid marbut ma’ din is-sura ewlenija tal-ħajja tal-bniedem fid-dinja: għax il-ħajja tal-bniedem tinbena kuljum bix-xogħol, u mix-xogħol tikseb id-dinjità proprja u speċjali tagħna; iżda fix-xogħol insibu wkoll dejjem miegħu toqol u tbatija għall-bniedem, niket u tiġrib u nġustizzji li jinżlu sal-qiegħ tal-ħajja soċjali ta’ kull nazzjon u tad-dinja kollha. Hu veru li l-bniedem jiekol mix-xogħol ta’ jdejħ[5] – u mhux biss il-ħobż ta’ kuljum li bih imantni ruħu, imma wkoll il-ħobż tax-xjenza u tal-progress, taċ-ċiviltà u tal-kultura – imma hi wkoll verità għaż-żminijiet kollha li dan il-ħobż, il-bniedem jieklu bl-għaraq ta’ ġbinu[6], jiġifieri, mhux biss bl-isforzi li jagħmel u bit-taħbit li jitħabat, imma wkoll fost ħafna tensjonijiet, u nkwiet u tilwim, li, għax għandhom x’jaqsmu max-xogħol, iġibu taħwid fil-ħajja ta’ kull soċjetà u fil-ħajja kollha kemm hi tal-bniedem ukoll.

Qegħdin infakkru id-disgħin sena tal-enċiklika Rerum novarum lejliet żviluppi ġodda fil-qagħda teknoloġika, ekonomika u politika li, skond ħafna esperti, se jinfluwenzaw id-dinja kollha tax-xogħol u tal-produzzjoni mhux inqas milli nfuwenzat ir-rivoluzzjoni ndustrijali tas-seklu l-ieħor. Ħafna jistgħu jkunu l-kawża ta’ dan l-iżvilupp: l-użu ta’ l-awtomazzjoni f’ħafna oqsma tal-produzzjoni, iż-żidiet fil-prezz ta’ l-enerġija u tal-materja prima, il-konvinzjoni dejjem aktar tikber li l-wirt tan-natura hu limitat u qiegħed jiġi mħassar b’mod li n-natura ma tiflaħx aktar għalih; u, fix-xena politika tad-dinja, id-dehra ta’ ġnus li, wara mijiet ta’ snin maħkuma minn oħrajn, illum qegħdin jitolbu bi dritt posthom fost in-nazzjonijiet u sehemhom fid-deċiżjonijiet li jittieħdu fuq livell internazzjonali. Dawn il-kondizzjonijiet u dawn it-talbiet ġodda jistennew tibdil u adattamenti fl-istrutturi tal-ekonomija ta’ żmienna u fit-tqassim tax-xogħol. Dan it-tibdil u dawn l-adattamenti, għall-eluf ta’ eluf ta’ ħaddiema speċjaliżżati sfortunatament, jistgħu forsi jfisser qgħad; almenu għal xi żmien, jew il-ħtieġa ta’ tħarriġ f’xogħol ġdid. Dan aktarx ukoll inaqqas, jew ikattar b’inqas għaġla, l-għana ta’ ġid materjali tal-pajjiżi l-aktar għonja tad-dinja. Iżda din il-bidla tista’ ġġib ukoll ħelsien u tama għal dawk l-eluf ta’ eluf li llum qegħdin igħixu f’miżerja li ma tixraqx lill-bniedem u li hi ta’ min jistmerrha.

Il-Knisja mhux biċċa tagħha tistħarreġ u tgħarbel mill-qiegħ x’jista’ jġib dan it-tibdil fil-ħajja kollha tas-soċjetà tal-bniedem. Iżda l-Knisja tħoss li hu d-dmir tagħha turi dejjem x’inhi d-dinjità u x’inhuma d-drittijiet ta’ min jaħdem, tikkundanna dawk is-sitwazzjonijiet li fihom dawn id-drittijiet u din id-dinjità huma mkasbra, u tgħin biex dan it-tibdil li semmejna jseħħ b’mod li jinkiseb veru progress għall-bniedem u għas-soċjetà.

  1. L-Iżvilupp tal-ħidma soċjali u tat-tagħlim tal-Knisja

Hu veru li x-xogħol, bħala ħaġa tal-bniedem, hu fil-qofol tal-“kwistjoni soċjali”: għal kważi mitt sena, minn mindu ħarġet l-enċiklika Rerum novarum, it-tagħlim tal-Knisja u ħafna inizjattivi, marbutin mal-missjoni appostolika tagħha, kellhom x’jaqsmu, b’mod speċjali, ma’ din il-kwistjoni. U b’dawn il-ħsibijiet tiegħi fuq ix-xogħol f’dan id-dokument ma għandi ebda fehma li naqbad xi triq oħra, iżda, għall-kuntrarju, nixtieq norbot tajjeb dawn il-ħsibijiet tiegħi mat-tradizzjoni kollha tat-tagħlim u tal-ħidma tal-Knisja f’dan il-qasam. Iżda, fl-istess ħin, dan qiegħed nagħmlu skond id-duttrina ta’ l-Evanġelju, b’mod li mill-wirt tal-Evanġelju, noħroġ “sew il-ġdid u sew il-qadim”[7]. Hu minnu li x-xogħol jagħmel sehem minn “dak li hu qadim” – hu qadim daqs il-bniedem u daqs ħajtu fid-dinja. Iżda l-qagħda ġenerali tal-bniedem fid-dinja tal-lum, meta nistudjawha u nifluha fis-suriet kollha skond il-ġeografija, il-kultura u ċ-ċvilità, titlobna nfittxu tifsiriet ġodda għax-xogħol tal-bniedem, u ngħidu x’ħidmiet ġodda huma mistennija f’dan il-qasam minn kull individwu, mill-familja, minn kull nazzjon, mill-familja kollha tal-bnedmin, u, fl-aħħarnett, mill-Knisja wkoll.

Tul is-snin li għaddew mill-pubblikazzjoni tal-enċiklika Rerum Novarum, il-kwistjoni soċjali ma naqset qatt li tiġbed l-attenzjoni tal-Knisja. Xhieda ta’ dan huma l-ħafna dokumenti tal-Maġisteru maħruġin mill-Papiet u mill-Konċilju Vatikan II, id-dikjarazzjonijiet ta’ ħafna isqfijiet u l-ħidma ta’ ħafna ċentri li studjaw jew komplew iwettqu fil-prattika, kemm fuq livell internazjonali u kemm fuq il-livell tal-knejjes lokali dak li bdew l-isqfijiet. M’hijiex ħaġa ħafifa ssemmi ħaġa b’ħaġa kull ma l-Knisja u l-insara, b’impenn qaddis, intrabtu li jagħmlu dwar kwistjoni soċjali, għax l-għadd hu kbir wisq. Bħala riżultat tal-Konċilju, iċ-ċentru ewlieni li jikkoordina kull ma jsir f’dan il-qasam hu l-Kummissjoni Pontifiċja għall-Ġustizzja u l-Paċi, li għandha mbagħad kummissjonijiet bħala fi ħdan kull Konferenza Episkopali. L-isem ta’ din il-kummissjoni jfisser ħafna: juri li l-kwistjoni soċjali trid tiġi studjata fis-sbuħija kollha tagħha u fil-ħafna friegħi li għandha. Id-dmir tal-ħarsien tal-ġustizzja hu marbut b’rabta liema bħalha mad-dmir tal-ħarsien tal-paċi fid-dinja tal-lum. Dan id-dmir – għall-ġustizzja u għall-paċi – żgur hu msaħħaħ mill-esperjenza kiefra ta’ żewġ gwerer kbar li tul dawn l-aħħar disgħin sena qallbu ta’ taħt fuq ħafna pajjiżi tal-Ewropa, u parti wkoll ta’ kontinenti oħra. Dan id-dmir hu msaħħaħ b’mod speċjali wara t-tieni gwerra dinjija, mit-theddida dejjem magħna ta’ gwerra atomika u mill-ħsieb li jwerwer tal-qerda tal-bniedem minnu nnifsu, li ġġib gwerra bħal din.

Jekk ngħarblu l-mod kif jiżviluppaw il-ħsieb tagħhom id-dokumenti tal-Maġisteru l-aktar għoli tal-Knisja, nsibu fihom imwettaq il-mod kif deherli għandi nfisser din il-kwistjoni. Il-qofol ta’ dik li hi l-problema tal-paċi fid-dinja, nsibuh fl-enċiklika tal-Papa Ġwanni XXIII Pacem in terris. Iżda jekk irridu nistudjaw kif żviluppat il-kwistjoni tal-ġustizzja soċjali, rridu ngħidu dan; fiż-żmien bejn ir-Rerum novarum u l-Quadrogesimo anno ta’ Piju XI, it-tagħlim tal-Knisja kien ikkonċentrat l-aktar fuq soluzzjoni ġusta tal-“problema tal-ħaddiem” f’kull pajjiż individwali; iżda wara dan iż-żmien it-tagħlim tal-Knisja twessa’ aktar u ħaddan id-dinja kollha. It-tqassim sproporzjonat tal-ġid u tal-faqar fid-dinja u l-fatt li hemm pajjiżi u kontinenti oħra li m’humiex, jitlob li dan l-isproporzjon jispiċċa u jinstabu triqat li jiżguraw żvilupp ġust tal-ġid għal kulħadd. Lejn dan il-għan jimxi t-tagħlim tal-enċiklika tal-Papa Ġwanni XXIII Mater et Magistra, tal-kostituzzjoni pastorali Gaudium et Spes tal-Konċilju Vatikan II, u l-enċiklika Popolorum progressio tal-Papa Pawlu VI.

Dan il-mod ta’ żvilupp fit-tagħlim u fl-impenn tal-Knisja dwar kwistjoni soċjali jaqbel perfettament mal-fatt ta’ kif inhi verament il-qagħda tal-kwistjoni fiha nnfisha. Fl-imgħoddi l-qofol tal-kwistjoni kollha u l-aktar li kienet tissemma kienet il-“klassi”’ waqt li fiż-żminijiet aktar qrib lejna l-qofol huwa l-kwistjoni tad-“dinja”. Illum qegħdin jitqiesu mhux biss il-problema tal-“klassi” imma qiegħed jitqies ukoll sa fejn qegħdin jaslu l-inġustizzja u l-inegwaljanza fid-dinja; għalhekk illum qegħdin jitqiesu mhux biss il-klassijiet imma wkoll id-dinja meta jissemmew il-ħidmiet li għanhom isiru biex isseħħ il-ġustizzja fid-dinja tal-lum. L-istħarriġ sħiħ tal-qagħda li fiha tinsab id-dinja tal-lum juri, b’mod aktar fil-fond u aktar sħiħ. X’tifsir kellu l-isħarriġ li kien sar fl-imgħoddi tal-inġustizzji soċjali; u dan it-tifsir irid jingħata llum lit-tħabrik u lill-isforzi li qegħdin isiru llum għall-bini tal-ġustizzja fid-dinja. Mingħajr ma jinżammu moħbija l-istrutturi nġusti li jkun hemm; iżda jeħtieġ li stħarriġ ta’ dawn l-istrutturi nġusti u bidla fihom fuq livell aktar universali.

  1. Il-problema tax-xogħol, il-qofol tal-Kwistjoni soċjali

F’dan il-proċess kollu – fl-isħarriġ tal-qagħda soċjali fiha nfisha u t-tagħlim tal-Knisja fil-qasam tal-kwistjoni soċjali bil-komplikazzjonjiet u s-suriet kollha tagħha – il-kwistjoni tax-xogħol tal-bniedem titfaċċa kemm-il darba. Din il-kwistjoni, b’xi mod, żgur għandna nsibuha dejjem, kemm fil-ħajja soċjali u kemm fit-tagħlim tal-Knisja. Barra dan, it-tagħlim tal-Knisja fuq il-kwistjoni tax-xogħol tal-bniedem imur ħafna ‘l hemm aktar fiż-żmien minn dawn l-aħħar disgħin sena. It-tagħlim soċjali tal-Knisja ġej, qisu minn għajn, mill-iskrittura Imqaddsa, ibda mill-Ktieb tal-Ġenesi u speċjalment mill-Evanġelju u mill-kitbiet tal-Appostli. Il-Knisja sa mill-ewwel żminijiet tkellmet fuq il-problema tax-xogħol fuq il-bniedem u l-ħajja fis-soċjetà, u, speċjalment, fuq il-morali soċjali li fasslet skond il-ħtiġijiet ta’ kull żmien. Il-Papiet laqgħu bħala wirt dan il-patrimonju ta’ tagħlim mill-imgħoddi u żviluppawha huma u jfissru l-“kwistjoni soċjali” ta’ żminijietna, ibda mill-enċiklika Rerum novarum. Fl-istudju ta’ din il-kwistjoni, il-problema tax-xogħol, kif rajna, kompla jiġi studjat aktar fil-fond u adattat għaż-żmien li jkun, mingħajr pediment li nistgħu ngħidu li hu minn dejjem u jibqa’ għal dejjem.

Għalkemm b’dan id-dokument sejjer nerġa’ nitkellem fuq din il-kwistjoni – mingħajr ebda ħsieb li nitkellem fuq kull ħaġa li għandha x’taqsam magħha – dan qiegħed nagħmlu mhux biex niġbor u ntenni kull ma diġà hemm fit-tagħlim tal-Knisja. Ħsiebi hu li nuri – forsi b’mod aktar ċar minn qabel – li x-xogħol tal-bniedem huwa l-fus, forsi l-fus ewlieni li fuqu ddur il-kwistjoni soċjali kollha kemm hi, jekk irridu nħarsu lejha fid-dawl tal-ġid tal-bniedem. U jekk is-soluzzjoni – jew aħjar is-soluzzjoni pass pass – tal-kwistjoni soċjali, li hi dejjem magħna u dejjem aktar issir komplikata; irriduha biex “nagħmlu l-ħajja aktar tixraq lill-bniedem”[8], dan il-fus, jiġifieri x-xogħol tal-bniedem, jikseb importanza fondamentali u deċisiva.

KAPITLU II

IX-XOGĦOL U L-BNIEDEM

  1. Fil-Ktieb tal-Ġenesi

IL-KNISJA HIJA KONVINTA li x-xogħol hu l-qofol tal-ħajja tal-bniedem fuq l-art. Hi titwettaq f’din il-fehma hija u tqis il-wirt kollu tax-xjenzi li jistudja l-bniedem; l-antropoloġija, il-paleontoloġija, l-istorja, is-soċjoloġija, il-psikoloġija eċċ; dawn kollha jixhdu dan b’mod li ma tistax tmerih. Imma l-fehma tal-Knisja hi aktar mibnija fuq il-Kelma li ġejja minn Alla, u għalhekk il-konvinzjoni tal-Knisja, li hi konvinzjoni tal-intellett, hi wkoll konvinzjoni ġejja mill-fidi. Dan għaliex il-Knisja – u tajjeb li dan ngħiduh hawn – temmen fil-bniedem; taħseb fuq il-bniedem u titkellem miegħu mhux biss fid-dawl tal-esperjenza tal-istorja, mhux biss permezz tal-ħafna metodi li bihom jinkiseb tagħrif xjentifiku, imma wkoll u qabel kollox fid-dawl jiddi tal-Kelma rivelata ta’ Alla l-ħaj. Hija u tħares lejn il-bniedem, il-Knisja trid tfisser il-pjan li Alla l-ħaj, il-Ħallieq u l-Feddej, fassal sa minn dejjem għall-bniedem u d-destin li ffissalu ‘l fuq minn dak kollu li jgħaddi.

Il-Knisja sa fl-ewwel paġni tal-Ktieb tal-Ġenesi ssib il-bidu u r-raġuni tal-fehma tagħha li x-xogħol hu r-raġuni ewlenija tal-ħajja tal-bniedem fuq l-art. Jekk ngħarblu sewwa dawn il-paġni nintebħu li huma jfissru – xi kultant bil-mod tan-nies tal-qedem, bl-istess kliem li bih jinsġu l-ġrajja tal-misteru tal-ħolqien. Dawn il-veritajiet sa mill-bidu juru x’inhu l-bniedem, u juru x’inhu l-kors ta’ ħajtu fid-dinja, fil-mumenti ewlenin tagħhom, kemm meta kien għadu fil-ġenna ta’ l-art u kemm wara li bid-dnub inkiser l-ewwel patt li Alla għamel mal-ħolqien, fil-bniedem. Meta l-bniedem, li kien ġie maħluq “skond ix-xbieha ta’ Alla…raġel u mara”,[9] jisma’ l-kliem: “Nisslu u tkattru u mlew l-art u aħkmu fuqha”,[10] għalkemm dan il-kliem mhux qiegħed ifisser ċar u tond ix-xogħol tal-bniedem, żgur jissopponih bħala ħidma li l-bniedem irid jagħmel fid-dinja, anzi juri x’inhi l-essenza moħbija tiegħu. Il-bniedem hu maħluq skond ix-xbieha ta’ Alla, barra raġunijiet oħra, għax irċieva mingħand Alla li ħalqu l-kmand li jaħkem fuq l-art. Huwa u jobdi dan il-kmand il-bniedem, kull bniedem jagħmel li l-ħidma tal-Ħallieq tad-dinja tiddi fih stess.

Ix-xogħol, bħala ħidma “transitiva”, jiġifieri bħala ħidma li toħroġ mill-bniedem għal fuq xi ħaġa barra minnu, jitlob li l-bniedem, b’mod specjali, jaħkem fuq “l-art”, u fl-istess ħin iwettaq u jġib ‘il quddiem din il-ħakma tiegħu. Il-kelma “art” fl-Iskrittura, ma hemmx dubju li, l-ewwel li għandna nifhmuha, hu għal dik il-parti tad-dinja li naraw u li fiha jgħammar il-bniedem; iżda din il-kelma, b’tifsir aktar wiesgħa, għandna nifhmuha wkoll għad-dinja li naraw kollha kemm hi, sa fejn tista’ tasal l-influwenza tal-bniedem biex jaħkem fuqha u, bit-tħabrik tiegħu, minnha jikseb dak li jeħtieġ għalih, il-kliem “aħkmu fuq l-art” għandu tifsir wiesgħa ħafna. Ifisser il-ġid u l-għana kollha li hemm moħbi fl-art (u indirettament tad-dinja kollha li naraw) u li l-bniedem, bil-ħidma tiegħu magħmula bil-għaqal u bil-ħsieb, isib u juża għall-ħtiġijietu. Dan il-kliem, għalhekk, li nsibu fil-bidu tal-Iskrittura, mhux nieqes minn tifsira għal-lum ukoll. Iħaddan kemm iż-żminijiet l-imgħoddija taċ-ċiviltà u ta’ l-ekonomija, u kemm iż-żmien kif inhu llum, u l-iżviluppi kollha fil-progress li għad isiru fil-ġejjieni, u li forsi ġa b’xi mod qegħdin jieħdu xi sura, għalkemm ħafna minn dawn l-iżviluppi għad m’humiex magħrufin mill-bniedem u huma moħbija għalih.

Xi wħud jitkellmu fuq żminijiet li fihom il-ħajja ekonomika u ċ-ċivilizzazzjoni tar-razza kollha tal-bniedem jew ta’ nazzjonijiet individwali jimxu ‘l quddiem b’ħeffa dejjem aktar tiżdied; dan il-mixi ‘l quddiem hu marbut mal-progress fix-xjenza u t-teknoloġija u l-aktar mal-invenzjonijiet li għandhom influwenza kbira fuq il-ħajja soċjali u ekonomika. Iżda jkollna ngħidu wkoll li ma hemm xejn minn kull ma qiegħed isir “b’ħeffa dejjem aktar mgħaġġla” li fil-qofol tiegħu ma jinsabx fil-kliem hekk qadim tal-Iskrittura. Il-bniedem, bix-xogħol tiegħu, dejjem aktar jaħkem fuq l-art, bix-xogħol tiegħu wkoll, isaħħaħ is-setgħa tiegħu fuq id-dinja li naraw, u hekk jibqa’ dejjem fil-qagħda li Alla l-Ħallieq tah fil-bidu, hu x’inhu u hu kemm hu l-mixi ‘l quddiem tal-progress tiegħu. Din il-qagħda hi marbuta b’rabta li ma tinħall qatt mal-fatt li l-bniedem hu maħluq, raġel u mara, “skond ix-xbieha ta’ Alla.” Dan il-mixi ‘l quddiem, dan il-proċess, hu fl-istess ħin, proċess universali: iħaddan il-bnedmin kollha, kull żmien, kull sura tal-iżvilupp ekonomiku u kulturali, u fl-istess ħin hu proċess li jseħħ f’kull bniedem, li jkun jaf x’qiegħed jagħmel. Il-bnedmin kollha u kull bniedem ilkoll f’daqqa jidħlu f’dan il-proċess. Il-bnedmin kollha u kull bniedem, sa fejn jistgħu u f’kull sura, jissieħbu f’dan il-proċess grandjuż li bih il-bniedem “jaħkem fuq l-art” bix-xogħol tiegħu.

  1. Ix-xogħol fih innifsu: it-teknoloġija

Il-ħidma li biha l-bniedem “jaħkem fuq l-art” hi ħidma universali u fl-istess ħin, ħidma ta’ ħafna suriet, u ddawwal xogħol il-bniedem, għaliex il-ħakma tal-bniedem fuq l-art tinkiseb fix-xogħol u bix-xogħol. Minn dan jidher x’ifisser ix-xogħol oġġettivament, ix-xogħol fih innifsu, kif deher fi żminijiet differenti ta’ kultura u ta’ ċiviltà. Il-bniedem jaħkem fuq l-art għaliex jimmansa l-annimali u jrabbihom u minnhom jikseb l-ikel u l-ilbies li jeħtieġ; jaħkem fuq l-art għaliex kapaċi joħroġ mill-art u mill-ibħra l-ġid u l-għana naturali li jinsab fihom. Imma l-bniedem jaħkem wisq aktar fuq l-art meta jibda jikkoltivaha u jbiddel dak li tagħtih u jadattah għall-ħtiġijietu. Il-biedja, bix-xogħol tal-bniedem, hi qasam ewlieni ta’ ħidma ekonomika u fattur meħtieġ ta’ produzzjoni. L-industrija min-naħa tagħha mbagħad dejjem torbot l-għana ta’ l-art – li jistgħu jkunu l-ġid u l-għana li n-natura tagħti minn rajha, jew il-frott tal-biedja, jew ir-riżorsi minerali u kimiċi – max-xogħol tal-bniedem, kemm jekk dan hu xogħol ta’ l-id u kemm jekk hu xogħol tal-moħħ. Dan hu veru wkoll b’xi mod fil-ħidma tas-servizzi, kif isejħulhom, u fil-qasam tar-riċerka pura jew applikata.

Ix-xogħol tal-bniedem, fl-industrija u fil-biedja, llum tista’ tgħid, ma għadux aktar xogħol tal-id, għaliex illum il-bniedem għandu l-għajnuna ta’ magni dejjem aktar perfetti. Mhux biss fl-industrija imma wkoll fil-biedja qegħdin naraw tibdil li jseħħ minħabba l-iżvilupp li pass pass qiegħed isir fix-xjenza u t-teknoloġija. Jekk dan inqisuh kollu kemm hu, naraw, fid-dawl ta’ l-istorja, ġab tibdiliet kbar fiċ-ċiviltà sa mill-bidu ta’ l-“era industrijali”, tul iż-żmien kollu ta’ l-iżvilupp li ġie wara sat-teknoloġiji ġodda, bħalma huma l-elettronika tal-“microprocessors” tal-lum.

Għalkemm jista’ jidher li fil-proċess industrijali hi l-makna li “taħdem” u l-bniedem ma jagħmilx ħlief igħasses fuqha, billi jħaddimha u jmexxiha skond ma jkun meħtieġ, hu veru wkoll li proprju minħabba dan, l-iżvilupp industrijali jagħtina raġunijiet biżżejjed biex nipproponu f’suriet ġodda l-problema tax-xogħol tal-bniedem. Kemm l-industrijalizzazzjoni li saret għall-ewwel, u tat bidu għall-problema tal-ħaddiema, u kemm it-tibdil li sar dak iż-żmien minħabba fiha, u t-tibdil, juru b’mod tassew ċar li, wkoll fi żmien ta’ “xogħol” dejjem aktar mekkanizzat, dak li verament ikun jaħdem jibqa dejjem il-bniedem.

L-iżvilupp tal-industriji u tal-oqsma kollha marbutin magħha, wkoll fit-teknoloġija elettronika l-aktar avanzata, speċjalment fl-oqsma tal-minjaturizzazzjoni, tal-komunikazzjoni u tat-telematika, eċċ., juri x’sehem kbir għandha llum it-teknoloġija, dik is-sieħba tax-xogħol li dehen il-bniedem ħoloq, fil-ħidma bejniethom li ssir mis-suġġett u l-oġġett tax-xogħol (u dan, fit-tifsir l-aktar wiesgħa tiegħu). It-teknoloġija, li hawn qegħdin, nifhmuha mhux bħala ħila, jew xeħta għax-xogħol tiegħu, hi bla dubju ta’ xejn, is-sieħba tal-bniedem. Tħaffiflu x-xogħol, tagħmilulu aħjar u aktar malajr, u tkabbarulu. Twassal għal żieda fil-għadd ta’ kull ma jsir bix-xogħol, u l-ħafna minnu ttejbu wkoll. Iżda hu fatt ukoll li xi drabi t-teknoloġija minn sieħba tal-bniedem issir l-għadu tiegħu, bħal meta l-mekkanizzazzjoni tax-xogħol “tieħu post” il-bniedem, billi tneħħilu kull gost mix-xogħol u kull inċentiv għall-ħolqien ta’ xi ħaġa ġdida u kull sens ta’ responsabbiltà, jew billi ttellef il-ħaddiema x-xogħol li kellhom, jew billi tasal biex tagħti siwi aqwa lill-magni u tagħmel il-bniedem ilsir tagħhom.

Jekk il-kliem tal-Iskrittura “aħkem fuq l-art” li ntqal lill-bniedem fil-bidunett, nifhmuh fid-dawl taż-żmien tal-lum, minn żmien “ir-rivoluzzjoni ndustrijali” u ż-żmien kollu li jiġi wara, żgur insibu f’dan il-kliem rabta wkoll mat-teknoloġija, mad-dinja tal-magni, li hi frott tax-xogħol tad-dehen tal-bniedem u li twettaq storikament il-ħakma tal-bniedem fuq in-natura.

Iż-żmien l-aktar qrib lejna tal-ġrajja tal-bniedem u l-aktar tal-ġrajja ta’ ċerti soċjetajiet, juri sewwa ħafna l-qawwa f’waqtha tat-teknoloġija bħla l-kawża ewlenija siewja tal-progress ekonomiku; iżda fl-istess ħin it-teknoloġija ġabet u għadha bla heda ġġib magħha għadd ta’ problemi essenzjali dwar ix-xogħol tal-bniedem u dak li jagħmlu, jiġifieri l-bniedem innifsu. Dawn il-problemi għandhom toqol speċjali, u huma marbutin ma’ problem u tensjonijiet ta’ natura morali u soċjali. Huma għalhekk sfida kontinwa għall-ħafna istituzzjonijiet ta’ kull sura, għall-Istati u għall-gvernijiet, għal sistemi u organizzazzjonijiet internazzjonali: huma wkoll sfida għall-Knisja.

  1. Ix-xogħol soġġettivament jiġifieri l-bniedem li jagħmel ix-xogħol

Biex inkomplu ngħarblu sewwa x’inhu x-xogħol, stħarriġ marbut ma’ dak li tgħid l-Iskrittura lill-bniedem li għandu jaħkem fuq l-art, irridu issa nqisu x-xogħol soġġettivament u dan, irridu nagħmluh aktar milli għamilnih meta qisna x-xogħol fih innifsu oġġettivament. Meta għamilna dan, aħna bilkemm missejna l-għadd kbir ta’ problem li hemm dwar ix-xogħol tagħhom minn speċjalista f’ħafna oqsma u wkoll mill-istess ħaddiema skond l-ispeċjalizzazzjoni jew is-sengħa tagħhom. Jekk il-kliem tal-Ġenesis li semmejna jitkellmu biss indirettament fuq ix-xogħol fih innifsu – oġġettivament – huma jitkellmu wkoll indirettament fuq il-bniedem li jagħmel ix-xogħol, fuq ix-xogħol soġġettivament; imma dak li tgħid l-Iskrittura hu mportant ħafna u mimli tifsir.

Il-bniedem għandu jaħkem fuq l-art għax hu maħluq “skond ix-xbieha ta’ Alla”, għax hu persuna, jiġifieri kapaċi dak li jagħmel jagħmlu bil-ħsieb skond ir-raġuni, kapaċi jiddeċiedi fuqu nnifsu, bil-ħsieb li dejjem aktar itejjeb lilu nnifsu biex ikun dak li tassew hu. Bħala persuna, il-bniedem għalhekk hu wieħed li jaħdem. Bħala persuna, il-bniedem jaħdem, u jagħmel ħafna attivitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-proċess tax-xogħol; huma x’inhuma dawn l-attivitajiet fihom infushom, kollha jridu jgħinu biex il-bniedem ikun dak li hu kollu kemm hu, biex isseħħ is-sejħa li ġejja min-natura tiegħu stess bħala bniedem, li jkun persuna. Il-veritajiet ewlenin dwar din il-ħaġa ġew imfakkrin dan l-aħħar mill-Konċilju Vatikan II fil-kostituzzjoni Gaudium et Spes, speċjalment fl-ewwel kapitlu, li jitkellem fuq is-sejħa tal-bniedem

Mela din il-“ħakma” li fuqha titkellem l-Iskrittura u li fuqha qegħdin naħsbu f’dan id-dokument, ma għandhiex x’taqsam biss għax-xogħol fih innifsu, għad-dimensjoni soġġettiva tax-xogħol, jiġifieri, il-bniedem li jagħmel ix-xogħol. Meta nqisu x-xogħol bħala dawk il-ħidmiet kollha li bihom il-bniedem u l-familja kollha tal-bnedmin jaħkmu fuq l-art, din il-fehma tax-xogħol tkun taqbel mal-ħsieb tal-Kotba Mqaddsa, biss jekk tul il-ħidma kollha li ssir biex tinħakem l-art, il-bniedem jidher u juri li hu tassew dak li jaħkem l-art. Din il-ħakma, b’xi mod, għandha x’taqsam aktar mad-dimensjoni soġġettiva milli għad-dimensjoni oġġettiva tax-xogħol, għandha x’taqsam aktar mal-bniedem li jaħdem milli max-xogħol fih innifsu: minn din id-dimensjoni, mill-bniedem li jagħmel ix-xogħol, toħroġ in-natura morali, etika, tax-xogħol. M’hemmx dubju li x-xogħol tal-bniedem għandu fih innifsu valur morali, li hu marbut b’mod ċar u dirett mal-fatt li min jagħmlu hu persuna, bniedem li jaf x’qiegħed jagħmel u hu ħieles, jiġifieri bniedem li jiddeċiedi hu nnifsu fuqu stess.

Din il-verità li b’xi mod hi l-qalba u l-qofol tat-tagħlim minn dejjem tal-Knisja fuq ix-xogħol tal-bniedem, kellha dejjem u jibqa’ jkollha mportanza kbira fil-mod kif jiġu mfissra l-problemi soċjali mportanti kollha ta’ kull żmien.

Fid-dinja tal-qedem kien hemm sura ta’ tqassim tan-nies fi klassijiet skond ix-xogħol li kull wieħed kien jagħmel. Ix-xogħol li kien jitlob mill-ħaddiem is-saħħa ta’ gismu, xogħol tad-dirgħajn u ta’ l-idejn, kien meqjus bħala xogħol li ma jixraqx lil bniedem ħieles, u għalhekk kien magħmul mill-ilsiera. Ir-reliġjon nisranija wessgħat xi fehmiet li ġa nsibuhom fil-kotba tal-Patt il-Qadim u ġabet bidla sħiħa mill-fond fil-ħsibijiet dwar dan il-qasam, billi bdiet tqis dak kollu li nsibu fil-Bxara t-Tajba tal-Evanġelju, u, speċjalment, il-fatt li Dak li kien Alla sar jixbaħna f’kollox[11], u għadda l-qofol ta’ ħajtu fuq l-art jaħdem b’idejh fil-ħanut tal-mastrudaxxa. Dan il-fatt fih innifsu hu xhieda ħajja tal-“Evanġelju tax-xogħol”, u juri li wieħed għandu jqis is-siwi tax-xogħol tal-bniedem l-aktar mhux mis-sura tax-xogħol li jsir, imma mill-fatt li dak li qieghed jagħmlu hu persuna, hu bniedem. Ir-raġuni tad-dinjità tax-xogħol għandna nfittxuha l-aktar fl-aspett soġġettiv tax-xogħol u mhux fl-aspett oġġettiv tiegħu, f’min qiegħed jagħmel ix-xogħol u mhux mix-xogħol fih innifsu.

Din il-fehma, tista’ tgħid, twarrab għal kollox il-bażi li fuqha fi żmien il-qedem kienet issir l-għażla bejn in-nies skond is-sura ta’ xogħol li kienu jagħmlu. Dan ma jfissirx li x-xogħol tal-bniedem fih innifsu, oġġettivament, ma jistax u ma għandux jiġi bl-ebda mod meqjus u mfaħħar. Dan ifisser biss li l-bażi ewlenija li fuqha għandu jitqies ix-xogħol hi l-bniedem innifsu, dak li jagħmel ix-xogħol. Dan minnufih iwassal għall-konklużżjoni morali mportanti ħafna: veru kemm hu veru li l-bniedem hu maħluq biex jaħdem u hu msejjaħ għax-xogħol, qabel xejn u qabel kollox “ix-xogħol hu tal-bniedem, u mhux il-bniedem għax-xogħol”. Minn hawn naslu biex nagħarfu sewwa li s-sura soġġettiva tax-xogħol hi aqwa mis-sura oġġettiva tiegħu, il-bniedem li jagħmel ix-xogħol hu aqwa mix-xogħol li jagħmel il-bniedem. Jekk nifhmu l-ħaġa b’dan il-mod, u nagħarfu li l-ħafna suriet ta’ xogħol li jista’ jagħmel il-bniedem jistgħu oġġettivament, fihom infushom, jiswew inqas jew aktar, naslu biex ngħidu ċar u tond li kull sura ta’ xogħol għandna nqisuha mid-dinjità ta’ min qiegħed jagħmilha, jiġifieri mill-persuna, mill-individwu li qiegħed jagħmel ix-xogħol. Min-naħa l-oħra, hu x’inhu x-xogħol, li kull bniedem jagħmel, jekk dan ix-xogħol hu l-għan tal-ħidma tiegħu – li xi kultant titlob għaqal u mpenn kbir – dan il-għan, hu x’inhu, fih innifsu ma għandux xi tifsir sħiħ u definitiv. Għaliex fl-aħħar mill-aħħar jibqa’ dejjem il-bniedem l-għan tax-xogħol, ta’ kull xogħol li jsir mill-bniedem – ukoll jekk dan ix-xogħol hu l-”qadi” li fil-fehma tal-bniedem hu l-aktar baxx, l-aktar monotonu, u l-aktar li jwarrab mill-bqija tan-nies.

  1. Theddida għall-ordni veru tal-valuri

Huma proprju dawn il-veritajiet fondamentali li dejjem ħarrġu mit-teżor tal-verità nisranija, u l-aktar mill-bxara t-tajba tal-“vanġelju tax-xogħol”: b’hekk inħolqu suriet ġodda ta’ ħsieb, ta’ ġudizzju, u ta’ għemil. Fi żminijietna, sa mill-bidu tal-industrijalizzazzjoni, il-verità nisranija dwar ix-xogħol kellha teħodha kontra l-ħafna fehmiet materjalistiċi u ekonomistiċi, kif igħidulhom.

Xi wħud li jħaddnu fehmiet bħal dawn, ix-xogħol fehmuh u qisuh bħala xi “merkanzija” li l-ħaddiem – u l-aktar il-ħaddiem industrijali – ibiegħ lil min iħaddmu, li għandu f’idejh “il-kapital”, jiġifieri l-għodda kollha meħtieġa biex isir ix-xogħol u mezzi kollha biex jinħoloq ix-xogħol. Din il-fehma tax-xogħol insibuha aktar imxerrda ma’ kullimkien fl-ewwel nofs tas-seklu dsatax. Minn dak iż-żmien ‘il hawn fehmiet bħal dawn tista’ tgħid għebu għal kollox, lmenu apertament, u ħadu posthom fehmiet dwar ix-xogħol u s-siwi tiegħu aktar jixirqu l-bniedem. Ir-rabta bejniethom fil-ħidma għall-produzzjoni tal-għodda tax-xogħol u tal-mezzi ta’ produzzjoni ġabet kemm-il sura ta’ ħażniet esaġerati ta’ ġid jew ta’ kapitaliżmu – u min-naħa l-oħra ħafna suriet ta’ kollettiviżmu – magħhom tħalltu elementi soċjo-ekonomiċi oħra minħabba ċirkostanzi u fatti ġodda, u l-ħidma tal-għaqdiet tal-ħaddiema u tal-awtoritajiet ċivili u t-twaqqif ta’ intraprizi kbar sopranazzjonali. Iżda l-periklu li x-xogħol jitqies bħala xi sura ta’ “merkanzija” jew bħala xi “forza” meħtieġa għall-produzzjoni (il-frażi “work-force” qiegħda tintuża ħafna llum) jibqa’ dejjem, speċjalment meta wieħed irid iqis il-problema ekonomika kollha skond il-prinċipji tal-ekonomiżmu materjalista.

Okkazjoni sistematika u, b’xi mod, stimolu wkoll, biex wieħed jaħseb u jqis ix-xogħol b’dan il-mod, jiġi mill-proċess dejjem aktar mgħaġġel tal-iżvilupp ta’ ċiviltà mxaqilba sewwa lejn il-materjaliżmu, fejn l-aqwa mportanza tingħata lix-xogħol fih innifsu – li l-aspett oġġettiv tax-xogħol, jiġifieri l-bniedem li jaħdem u kull ħaġa li direttament jew indirettament għandha x’taqsam mal-bniedem li jaħdem. F’kull każ ta’din is-sura, f’kull qagħda soċjali ta’ din ix-xorta jitħawwad u jinqaleb l-ordni li ngħata fil-bidu bi kliem il-ktieb tal-Ġenesi: il-bnedmin huma stmati biss bħala biċċa għodda għall-produzzjoni[12], meta, għall-kuntrarju, hu l-bniedem u l-bniedem waħdu, hu x’inhu x-xogħol li jagħmel, għandu jkun meqjus bħala dak li jagħmel ix-xogħol, bħala l-imgħallem li jagħmel u joħloq ix-xogħol. Hu proprju dan it-taqlib fl-ordni, hu x’inhu l-mod kif isir jew jissejjaħ, li bir-raġun kollu nistgħu nsejħulu “kapitaliżmu” fis-sena mfisser aktar ċar hawn taħt. Kulħadd jaf li l-kapitaliżmu għandu tifsir storiku definitiv bħala sistema, bħala sistema ekonomika u soċjali, kontra s-“soċjaliżmu” jew il-“komuniżmu”. Iżda jekk inqisu sewwa l-verità fondamentali li biha naraw x’siwi tassew għandu l-proċess ekonomiku kollu kemm hu – l-ewwel u qabel kollox tal-istruttura kollha tal-produzzjoni – ix-xogħol hu sura ta’ din l-istruttura – għandna nammettu li l-iżball tal-kapitaliżmu tal-bidu jista’ jirrepeti ruħu kull darba li l-bniedem jiġi stmat l-istess bħall-mezzi materjali kollha tal-produzzjoni, qisu xi biċċa għodda u mhux skond id-dinjità vera tax-xogħol tiegħu – jiġifieri, meta ma jiġix stmat bħala suġġett, bħala dak li jagħmel ix-xogħol, u proprju għax hekk, bħala l-għan veru tal-proċess kollu tal-produzzjoni.

Dan juri ċar għaliex l-istħarriġ tax-xogħol tal-bniedem fid-dawl tal-kliem dwar il-“ħakma” tal-bniedem fuq l-art, jasal sal-qalba tal-problema soċjali u morali. Din il-fehma għandha tkun il-qofol tal-qasam kollu ta’ ħidma politika, soċjali u ekonomika, u dan kemm f’kull pajjiż u kemm fil-qasam aktar wiesgħa tar-relazzjonijiet bejn nazzjonijiet u kontinenti, u l-aktar b’riferenza għat-tensjonijiet li hemm mhux biss bejn il-Lvant u l-Punent imma wkoll bejn it-Tramuntana u Nofs-in-nhar tad-dinja. Kemm il-Papa Ġwanni XXIII fl-enċiklika Mater et Magistra u kemm il-Papa Pawlu VI bl-enċiklika Popolarum progressio, taw importanza kbira għal dawn il-kwistjonijiet kbar etiko-soċjali ta’ żminijietna.

  1. Is-solidarjetà bejn il-ħaddiema

Meta wieħed ikun jitħaddet fuq ix-xogħol tal-bniedem fid-dimensjoni fondamentali tas-suġġett tiegħu, jiġifieri meta wieħed ikun jitħaddet fuq ix-xogħol tal-bniedem huwa u jqis il-bniedem li jagħmel ix-xogħol, jeħtieġlu jara, almenu fuq fuq, l-iżvilupp kollu li sar tul dawn id-disgħin sena f’dak li għandu x’jaqsam mad-dimensjoni soġġettiva tax-xogħol, jiġifieri mal-bniedem li jagħmel ix-xogħol. Għalkemm is-suġġett tax-xogħol, għalkemm min jagħmel ix-xogħol hu dejjem il-bniedem, b’danakollu naraw li fl-Aspett oġġettiv tax-xogħol, fix-xogħol fih innifsu, sar ħafna tibdil kbir. Jekk, meta jqisu l-bniedem li qiegħed jagħmel ix-xogħol għandna ngħidu, li wieħed hu x-xogħol (wieħed u ma jkun hemm qatt ieħor bħalu), meta niġu biex inqisu d-dimensjoni oġġettiva tax-xogħol, jiġifieri x-xogħol fih innifsu, bilfors ikollna nammettu li hemm ħafna xogħolijiet, ħafna suriet ta’ xogħol. U l-iżvilupp taċ-ċiviltà tal-bniedem ikompli jżid fil-għadd. Iżda fl-istess ħin, wieħed ma jistax ma jarax li f’dan il-proċess ta’ żvilupp mhux biss jitfaċċaw forom ġodda ta’ xogħol, imma wkoll forom oħra jintemmu fix-xejn. U wkoll jekk nammettu li din hi ħaġa normali, jibqa’ dejjem il-fatt li għandna naraw kienx hemm xi irregularijiet soċjalment jew moralment perikolużi li ddeffsu fin-nofs, u kemm.

Kien proprju minħabba irregolarita’ jew anomalija ta’ din ix-xorta, li fis-seklu li għadda, bdiet dik li hi magħrufa bħala “l-problema tal-proletarjat”. Din il-problema, u l-problemi kollha marbutin magħha, qajmu reazzjoni soċjali ġusta u wasslu biex, b’qawwa liema bħala, jinħoloq spirtu kbir ta’ solidarjetà bejn il-ħaddiema u l-aktar u l-ewwelnett, bejn il-ħaddiema ndustrijali.

F’dawn tal-morali soċjali, kienet important u kienet tfisser ħafna s-sejħa għas-solidarjetà u għall-ħidma flimkien li saret lill-ħaddiema – speċjalment lil dawk li kienu jagħmlu xogħol speċjalizzat limitat ħafna, xogħol monotonu li kważi jeqred il-personalità tal-bniedem fl-azjendi ndustrijali meta l-makna tasal biex taħkem fuq il-bniedem. Din is-solidarjetà kienet reazzjoni kontra d-degradazzjoni tal-bniedem bħala suġġett tax-xogħol, bħala dak li jagħmel ix-xogħol, u kontra l-isfruttament li ġabet magħha fil-qasam tas-salarji, tal-kondizzjonijiet tax-xogħol, u tas-sigurtà soċjali. Din ir-reazzjoni għaqqdet id-dinja tal-ħaddiem f’komunità li wriet solidarjetà kbira.

Jekk nimxu fuq it-tagħlim li nsibu fir-Rerum novarum u fid-dokumenti tal-Magisteru tal-Knisja li ħarġu wara, għandna nkunu sinċieri u nammettu li r-reazzjoni għas-sistema tal-inġustizzji u tal-ħsara li kienet tgħajjat lis-sema għall-vendetta[13] u li kienet tagħfas bla ħniena fuq il-ħaddiema fi żmien l-industrijalizzazzjoni mgħaġġla, kienet ġustifikata fid-dawl tal-morali soċjali. Din il-qagħda kellha l-għajnuna ta’ sistema soċjo-politika “liberali”’ li, skond il-prinċipji “ekonomistiċi” tagħha, kienet issaħħaħ u tħares biss l-inizjattivi ekonomiċi ta’ min kellu “l-kapital”, iżda ftit kienet tagħti każ tad-drittijiet tal-ħaddiema għaliex ix-xogħol tal-bniedem (f’din is-sistema) kien meqjus biss bħala strument ta’ produzzjoni, u li “l-kaptal” kien il-pedament, l-għan u l-fattur tal-produzzjoni kollha.

Minn dak iż-żmien, is-solidarjetà bejn il-ħaddiema, flimkien mal-fatt li oħrajn ukoll bdew jagħarfu b’mod aktar ċar id-drittijiet tal-ħaddiema u jħabirku għalihom, malajr ġabet tibdiliet kbar. Tfaċċaw għadd ta’ sistemi ġodda; dehru ħafna suriet ġodda ta’ ħażniet esaġerati ta’ ġid jew ta’ kapitaliżmu ġdid u ta’ kollettiviżmu. Il-ħaddiema spiss jista’ jkollhom, u għandhom ukoll, sehem fit-tmexxija tal-azjendi, u fil-kontroll tal-produzzjoni. Permezz ta’ assoċjazzjonijiet xierqa jistgħu jinfluwenzaw il-kondizzjonijiet tax-xogħol u tas-salarju tagħhom u jwasslu biex isiru wkoll liġijiet soċjali. Iżda, fl-istess ħin, għadd ta’ sistemi ideoloġiċi u ta’ sistemi ta’ setgħa, u relazzjonijiet ġodda li nibtu f’ħafna mill-oqsma tal-ħajja tal-bniedem fis-soċjetà, wasslu biex jibqgħu ħafna nġustizzji ċari u jinħolqu wkoll oħrajn ġodda. Jekk inħarsu lejn id-dinja kollha kemm hi naraw li l-progress fiċ-ċiviltà u l-komunikazzjonijiet soċjali wassluna biex nagħarfu aktar u aħjar kif il-bniedem igħix u jaħdem, fid-dinja kollha; imma wassluna biex naraw ukoll suriet oħra ta’ nġustizzji, wisq akbar minn dawk li fis-seklu li għadda qanqlu lill-ħaddiema ħa jingħaqdu flimkien f’solidarjetà sħiħa bejniethom fid-dinja tax-xogħol. Dan hu veru f’dawk il-pajjiżi fejn l-industrijalizzazzjoni mxiet xi ftit ‘il quddiem u ġabet bidla magħha. Dan hu veru wkoll f’dawk il-pajjiżi fejn il-qasam ewlieni tax-xogħol għadu l-biedja u xogħol ieħor bħalha.

Movimenti ta’ solidarjetà fil-qasam tax-xogħol – solidarjetà li qatt ma għandha tfisser tagħlaq il-bieb għad-djalogu u għall-kollaborazzjoni ma’ oħrajn – huma meħtieġa wkoll fil-każ tal-qagħda ta’ gruppi soċjali li qabel ma kienux imseħbin f’dawn il-movimenti imma li issa, minħabba t-tibdil li qiegħed isir fis-sistemi soċjali u fil-kondizzjonijiet tax-xogħol, jistgħu jsibu ruħhom f’qagħda ta’ “proletarji”, jew ġa qegħdin f’qagħda bħal din, qagħda, li għalkemm ma tisejjaħx hekk, jistħoqqilha tassew dan l-isem. Dan jista’ jkun minnu għal xi kategoriji jew gruppi ta’ ħaddiema fost intelliġentzja, speċjalment fejn, minħabba l-faċilitajiet dejjem akbar għall-edukazzjoni u l-għadd dejjem jikber ta’ nies bi gradi jew diploma fl-oqsma tat-tħejjija kulturali tagħhom, qiegħda tonqos it-talba għax-xogħol tagħhom. Il-qagħad ta’ l-intellettwali jinstab u joktor fejn l-edukazzjoni li tingħata ma tħejjiex għal dik is-sura ta’ mpiegi u ta’ servizzi li jitolbu mill-ħtiġijiet veru tas-soċjetà li tkun, jew meta mhux imfittex ħafna x-xogħol li, min jagħmlu jrid ikollu edukazzjoni, almenu profesjonali, jew meta x-xogħol intellettwali hu mħallas tajjeb daqs ix-xogħol ta’ l-id. Veru li l-edukazzjoni dejjem tiswa u tagħni ħafna l-bniedem fil-persuna tiegħu, iżda minkejja dan, dejjem jista’ jiġri li wieħed isib ruħu f’qagħda ta’ “proletarju”.

Għalhekk meħtieġ studju bla heda tas-suġġett tax-xogħol, tal-bniedem li jaħdem, u tal-kondizzjonijiet tal-ħajja tiegħu. Biex ikun hemm ġustizzja soċjali f’ħafna partijiet tad-dinja, f’ħafna pajjiżi, fir-relazzjonijiet bejniethom, dejjem huma meħtieġa movimenti ġodda ta’ solidarjetà tal-ħaddiema u mal-ħaddiema. Jeħtieġ ikun hemm din is-solidarjetà kull fejn id-dinjità tal-bniedem li jaħdem titbaxxa fis-soċjetà, fejn il-ħaddiema jiġu sfruttati u fejn hemm oqsma dejjem aktar jikbru ta’ faqar u ta’ ġuħ ukoll. Il-Knisja hi mpenjata bil-qawwa kollha f’din il-ħaġa għaliex tħoss li din hi l-missjoni tagħha, dan hu l-qadi tagħha, u prova tal-fedeltà tagħha lejn Kristu, biex tkun tassew “il-Knisja tal-fqar”. U l-“fqar” huma ta’ ħafna suriet: issibhom f’kulimkien u f’kull żmien: kemm-il darba huma konsegwenza ta’ ksur tad-dinjità tax-xogħol tal-bniedem, jew għaliex ma hemmx wisq opportunitajiet għax-xogħol minħabba l-flaġell tal-qagħad, jew għaliex ftit hu stmat ix-xogħol u d-drittijiet li jiġu minnu, speċjalment il-ħlas ta’ paga ġusta u s-sigurtà personali tal-ħaddiema u tal-familja tiegħu.

  1. Ix-xogħol u d-dinjità tal-bniedem

Aħna u nkomplu nqisu l-bniedem bħala s-suġġett tax-xogħol, bħala dak li jagħmel ix-xogħol, hu l-waqt li nsemmu, almenu fuq fuq, xi problemi li juru aħjar id-dinjità tax-xogħol tal-bniedem, għax igħinuna nfissru aħjar u aktar ċar is-siwi morali speċifiku tiegħu. Aħna u nagħmlu dan, irridu dejjem niftakru fis-sejħa biblika lill-bnedmin biex “jakmu fuq l-art”[14], sejħa li turi r-rieda ta’ Alla l-Ħallieq biex il-bniedem, bix-xogħol tiegħu, jasal għall dik “il-ħakma” fuq id-dinja li naraw li hu naturali għalih.

Il-fehma fondamentali u ewlenija ta’ Alla għal bniedem li hu ħalaq sura xbieha tiegħu[15], ma tbiddlitx lanqas meta l-bniedem, wara li kiser l-ewwel Patt ma’ Alla, sema’ l-kliemu: “Bil-għaraq ta’ ġbinek tiekol ħobżok”[16]. Dan il-kliem ifisser it-toqol kbir li xi kultant minn dak iż-żmien, hu msieħeb max-xogħol tal-bniedem: imma dan ma jnaqqas xejn mill-fatt li x-xogħol hu l-mezz li bih il-bniedem jikseb is-setgħa li hi proprja tiegħu fuq id-dinja kollha li naraw, billi “jaħkem” fuqha.

It-toqol tax-xogħol hu magħruf f’kullimkien, għaliex kulħadd iġarrbu. Jafuh sewwa dawk li jagħmlu x-xogħol ta’ l-id, xi drabi f’kondizzzjonijiet ta’ xogħol tassew kiefer. Jafuh mhux biss il-bdiewa, li jgħaddu ġranet sħaħ jaħdmu l-art li xi kultant ma tagħtihomx ħlief “xewk u għolliq”[17] u jafuh dawk ukoll li jaħdmu fil-minjieri u fil-barrieri, dawk li jaħdmu fil-fabbriki tal-azzar quddiem il-fran f’nirien iħaġġu, dawk li jaħdmu fix-xogħol ta’ kull xorta ta’ bini, spiss b’periklu ta’ korriment jew ta’ mewt. Jafuh ukoll dawk li jistudjaw bil-qiegħda fuq skrivanija, jafuh ix-xjenzjati, jafuh dawk li huma mgħobbijin bil-piż ta’ responsabbiltajiet kbar fid deċiżjonijiet li jieħdu u li jista’ jkollhom efett kbir fuq is-soċjetà. Jafuh ukoll it-tobba u l-infermieri, li jgħaddu ġranet u ljieli sħaħ ħdejn is-sodod tal-morda. Jafuh ukoll in-nisa, li, xi kultant bla ebda għarfien xieraq la mis-soċjetà u lanqas mill-istess qraba tagħhom, jitgħabbew bil-piż ta’ kuljum u bir-responsabbiltà ta’ darhom u tat-trobbija ta’ wliedhom. Jafuh il-ħaddiema kollha, u għaliex għax-xogħol hu msejjaħ kulħadd, kulħadd jaf x’inhu t-toqol tax-xogħol.

Iżda minkejja dan it-toqol – u forsi wkoll minħabba fih – ix-xogħol hu xi ħaġa tajba għall-bniedem. Għalkemm hi ħaġa naturali għax-xogħol li tkun bonum arduum, ġid iebes, kif isejjaħlu San Tumas[18], dan ma jiċħadx il-fatt li, bit-toqol tiegħu, ix-xogħol hu ħaġa tajba għall-bniedem. U huwa ħaġa tajba mhux biss għax “jiswa” lill-bniedem u jagħtih gost, imma wkoll għax “jixraqlu”, jiġifieri għax jaqbel mad-dinjità tiegħu ta’ bniedem, u bih din id-dinjità turi ruħha u tikber. Jekk wieħed irid juri b’mod aktar ċar it-tifsir morali tax-xogħol, għandu, jżomm dejjem dan quddiem għajnejh. Ix-xogħol hu ta’ ġid għall-bniedem – ta’ ġid għan-natura tiegħu ta’ bniedem li hu – għaliex bix-xogħol il-bniedem mhux biss ibiddel in-natura u jadattaha għall-ħtiġijietu, imma wkoll itejjeb lilu nnifsu bħala bniedem, u, b’xi mod, “isir aktar bniedem”.

Mingħajr din il-fehma, wieħed ma jasalx biex jifhem xi tfisser il-virtù tal-bżulija, u l-anqas għaliex għandha titqies bħala virtù, jiġifieri bħala “drawwa morali, li biha l-bniedem jitjieb fih innifsu bħala bniedem”[19]. Dan il-fatt ma jbiddilx it-tħassib ġust tagħna li, bix-xogħol, li bih il-materja, il-ħaġa materjali, togħla fil-ġieħ, il-bniedem jista’ jġarrab tnaqqis għax titbaxxa d-dinjità tiegħu ta’ bniedem li hu[20]. Hi wkoll ħaġa magħrufa ħafna li x-xogħol jista’ jintuża kontra l-bniedem f’kemm-il mod; il-bniedem jista’ jiġi kkastigat b’xogħol bilfors f’kampijiet ta’ konċentrament; ix-xogħol jista’ jsir mezz għall-moħqrija tal-bniedem; ix-xogħol tal-bniedem, jiġifieri l-istess ħaddiem, jista’ jiġi wkoll sfruttat f’ħafna modi. Dan kollu hu argument favur id-dmir morali li l-bżulija bħala virtù tingħaqad ma’ l-ordni soċjali tax-xogħol biex ix-xogħol, lill-bniedem jagħmlu “aktar bniedem”, u mhux ibaxxih billi jaħlilu saħħtu (li sa ċertu pont, ma jistax ma jkunx) imma l-aktar iħassarlu d-dinjità tiegħu ta’ bniedem li hu.

  1. Ix-xogħol u soċjetà; il-familja, in-nazzjon

Wara li sħaqna fuq id-dimensjoni personali tax-xogħol tal-bniedem, tax-xogħol magħmul minn kull bniedem bħala persuna, ngħaddu issa għall-qasam ieħor ta’ valuri marbutin max-xogħol. Ix-xogħol hu l-pedament li fuqu tinbena l-ħajja tal-familja, li hi dritt naturali tal-bniedem u li għaliha hu msejjaħ. Dawn iż-żewġ oqsma ta’ valuri – wieħed marbut max-xogħol u l-ieħor bħala konsegwenza tal-fatt li l-ħajtu l-bniedem igħixha fi ħdan il-familja – għandhom ikunu marbutin tajjeb flimkien u jinfluwenzaw sewwa lil xulxin. B’xi mod ix-xogħol huwa kondizzjoni meħtieġa biex wieħed jifforma familja, għaliex il-familja teħtieġ il-mezzi biex tgħix u dawn soltu jiġu mix-xogħol li jagħmel il-bniedem. Ix-xogħol u l-bżulija jinfluwenzaw ukoll il-proċess kollu tal-edukazzjoni li tingħata fil-familja, u dan, għaliex kulħadd “isir bniedem”, fost ħwejjeġ oħra, permezz tax-xogħol u l-għan ewlieni tal-proċess kollu ta’ l-edukazzjoni hu proprju dan, li wieħed “isir bniedem”. Ħaġa ċara, li hawn jidħlu b’xi mod iż-żewġ aspetti tax-xogħol: l-ewwel il-fatt li hu bix-xogħol li wieħed jista’ jkollu familja u jmantniha; u t-tieni l-fatt li hu bix-xogħol li jinkisbu l-għanijiet tal-familja, u, l-aktar, l-edukazzjoni. Madankollu dawn iż-żewġ aspetti tax-xogħol huma marbutin ma’ xulxin u jsaħħu ‘l xulxin f’ħafna oqsma.

Jeħtieġ niftakru u ngħidu li l-familja hi waħda mill-fatti l-aktar importanti li rridu nqisu dejjem, meta niġu biex infasslu l-ordni etiko-soċjali tax-xogħol tal-bniedem. It-tagħlim tal-Knisja dejjem qies b’mod speċjali din il-kwistjoni, u f’dan id-dokument ikollna nerġgħu nitkellmu fuq dan. Il-familja hi fl-istess ħin komunità li tista’ sseħħ permezz tax-xogħol u l-ewwel skola tax-xogħol għal kull persuna, f’daru.

It-tielet qasam ta’ valuri li joħroġ mill-mod kif qegħdin inħarsu lejn ix-xogħol – jiġifieri aħna u nikkunsidraw is-suġġett tax-xogħol jiġifieri l-bniedem li jagħmel ix-xogħol – għandu x’jaqsam ma’ dik is-soċjetà kbira li tagħha hu membru l-bniedem minħabba rabtiet speċjali storiċi u kulturali. Din is-soċjetà – wkoll jekk għadha ma waslitx għall-kobor sħiħ tagħha u saret nazzjon – m’hijiex biss il-“għalliema” l-kbira ta’ kull bniedem, ukoll jekk lill-bniedem tgħallmu, indirettament (għaliex hu fi ħdan il-familja li kull individwu jixrob u jikseb il-valuri kollha u dak kollu li jifforma l-kultura ta’ nazzjon, hi liema hi), imma wkoll għaliex din is-soċjetà hija d-dehra soċjali u storika tax-xogħol li sar tul iż-żminijiet kollha. Dan iwassal għall-fatt li l-bniedem jorbot il-qofol tal-identità tiegħu bħala bniedem mal-fatt li hu membru ta’ nazzjon, u għandu l-fehma li bix-xogħol qed iservi biex ikabbar il-wirt tal-familja kollha tal-bnedmin, tan-nies kollha li jgħammru fid-dinja.

Dawn it-tliet oqsma huma dejjem importanti għax-xogħol tal-bniedem fid-dimensjoni soġġettiva tiegħu. Din id-dimensjoni, jiġifieri, r-realtà konkreta tal-ħaddiem fih innifsu, tiġi qabel id-dimensjoni oġġettiva tax-xogħol, jiġifieri tax-xogħol fih innifsu. Fid-dimensjoni soġġettiva tax-xogħol, jiġifieri bil-bniedem li jaħdem isseħħ, qabel kollox, “is-sejħa” fuq in-natura li għaliha l-bniedem kien imsejjaħ sa mill-bidu skond il kliem tal-“Ktieb tal-Ġenesi”. Din il-ħidma tal-bniedem biex “jaħkem fuq l-art”, jiġifieri, ix-xogħol, bħala teknika, tul il-grajja kollha tal-bniedem, imma l-aktar f’dawn l-aħħar mijiet tas-snin, juri żvilupp kbir u ta’ l-għaġeb fil-mezzi tal-produzzjoni. Dan hu fatt pożittiv u tajjeb, sakemm id-dimensjoni oġġettiva tax-xogħol, jiġifieri x-xogħol fih innifsu, ma jirkibx id-dimensjoni soġġettiva tax-xogħol, jiġifieri l-bniedem li jaħdem u jċaħħdu kemm mid-dinja tiegħu ta’ bniedem li hu jew inaqqasielu, u kemm mid-drittijiet li ma jistax igħaddi mingħajrhom jew inaqqashomlu.

KAPITLU III

IL-ĠLIEDA BEJN IX-XOGĦOL U L-KAPITAL

F’DAN IL-MUMENT TAL-ĠRAJJA TAL-BNIEDEM

  1. Id-dimensjoni tal-ġlieda

DAK LI GĦIDNA fil-qasir dwar il-problemi fondamentali tax-xogħol hu ispirat mill-kliem li naqraw fil-bidu tal-Iskrittura u b’xi mod hu l-pedament li fuqu jinbena t-tagħlim tal-Knisja li baqa’ dejjem l-istess tul il-mijiet tas-snin fost ħafna esperjenzi tal-ġrajja tal-bniedem. Iżda, b’dawn l-esperjenzi u b’dak li ġara wara l-ħruġ tal-enċiklika Rerum novarum taw lit-tagħlim tal-Knisja qawwa liema bħala u tifsir tassew ta’ siwi li jgħodd ħafna għal żmienna. F’dan l-istudju li qegħdin nagħmlu, ix-xogħol qegħdin narawh bħala realtà kbira ta’ mportanza liema bħala biex, b’mod li jixraq lill-bniedem tissawwar id-dinja li l-Ħallieq fdalu f’idejh; hu realtà marbuta b’rabta kbira mal-bniedem bħala dak li jagħmel ix-xogħol u mal-ħidma tiegħu skond ir-raġuni. Fil-kors normali tal-ġrajja tal-bniedem din il-verità, mibnija fuq il-fatti, timla l-ħajja tal-bniedem u għandha qawwa kbira fuq il-valur u t-tifsir tagħha. U x-xogħol jibqa’ dejjem ħaġa tajjeb, minkejja li hu msieħeb mat-toqol u t-tbatija: għalhekk il-bniedem jiżviluppa ruħu bl-imħabba tiegħu għax-xogħol. Il-karattru pożittiv u kreattiv, edukattiv u meritorju tax-xogħol tal-bniedem, kif jagħtu xhieda d-Dikjarazzjonijiet internazzjonali fuq ix-xogħol u l-ħafna ġabriet ta’ liġijiet fuq ix-xogħol magħmula mill-istituzzjonijiet leġiżlattivi kompetenti tal-pajjiżi tad-dinja jew minn organizzazzjonijiet li bħala ħidma soċjali jew soċjali-xjentifika tagħhom, għandhom il-problemi tax-xogħol. L-organizzazzjoni li ġġib ‘il quddiem inizjattivi bħal dawn fuq livell internazzjonali hi l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, l-eqdem aġenzija speċjalizzata tal-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda.

Fit-taqsima li ġejja ta’ dan id-dokument, bi ħsiebni nitkellem aktar fit-tul u aktar ċar dwar dawn il-kwistjonijiet important, billi nfakkar l-elementi ewlenin tat-tagħlim tal-Knisja fuq din il-ħaġa. Imma qabel irrid immiss qasam important ħafna ta’ kwistjonijiet li fuqhom it-tagħlim tal-Knisja żviluppa ruħu f’dan l-aħħar żmien, mis-sena – ħaġa b’xi mod simbolika – tal-pubblikazzjoni tal-enċiklika Rerum novarum.

Tul dan iż-żmien, li għadu ma għaddiex, il-problema tax-xogħol ġiet proposta bħala ġlieda kbira li, fiż-żmien u flimkien mal-iżvilupp industrijali, qamet bejn id-dinja “tal-kapital” u d-dinja tax-xogħol,” jiġifieri bejn min-naħa l-għadd żgħir imma influwenti ħafna ta’ nies li jwaqqfu intrapriżi u huma s-sidien jew għandhom f’idejhom il-mezzi tal-produzzjoni, u min-naħa l-oħra, il-kotra l-kbira tan-nies li ma għandhomx dawn il-mezzi u li jieħdu sehem fil-proċess tal-produzzjoni biex bix-xogħol tagħhom, il-ġlieda bdiet mill-fatt li l-ħaddiema bix-xogħol li jagħmlu taw il-forzi tagħhom lin-nies tal-intrapriżi, u dawna, għax imxew fuq il-prinċipju li għandu jkollhom l-akbar qligħ li jista’ jkun, ippruvaw jiffissaw l-anqas paġa li setgħet tkun għax-xogħol magħmul mill-ħaddiema tagħhom. Barra dan, kien hemm elementi oħra ta’ sfruttament, marbutin man-nuqqas ta’ sigurtà fuq ix-xogħol u ta’ ħarsien tas-saħħa u tal-kondizzjonijiet tal-ħajja tal-ħaddiema u tal-familji tagħhom.

Din il-ġlieda li xi wħud qisuha bħala ġlieda soċjo-ekonomika bejn klassi u oħra tas-soċjetà, saret ġlieda ideoloġika bejn il-liberaliżmu, meqjus bħala l-ideoloġija tal-kapitaliżmu, l-Marxiżmu, meqjus bħala l-ideoloġija tas-soċjaliżmu xjentifiku u tal-komuniżmu, li ndaħal biex jitkellem f’isem il-klassi tal-ħaddiema u tal-proletarjat tad-dinja. Il-ġlieda reali bejn il-ħaddiema u s-sidien tal-kapital tbiddlet għalhekk fi ġlieda sistematika bejn il-klassijiet tas-soċjetà, ġlieda li mxiet ‘il quddiem mhux biss b’mezzi ideoloġiċi, imma wkoll, u l-aktar, b’mezzi politiċi. Ilkoll nafu l-istorja ta’ din il-ġlieda u x’qegħdin jitolbu ż-żewġ naħat. Il-programm Marxista, mibni fuq il-filosofija ta’ Marx u Engels, jara fil-ġlieda bejn il-klassijiet it-triq waħdanija għall-qerda tal-inġustizzji li qed iġarrbu xi klassijiet tas-soċjetà, u għat-tneħħija tal-istess klassijiet mis-soċjetà. Dan il-pjan, biex iseħħ fil-prattika, jitlob li l-mezzi kollha ta’ produzzjoni jiġu kollettivizzati, biex meta l-mezzi ta’ produzzjoni jittieħdu minn idejn il-privat u jsiru ta’ kulħadd (jiġu kollettivizzati), ix-xogħol tal-bniedem ma jibqax aktar sfruttat.

Dan hu l-għan tal-ġlieda li qiegħda ssir b’mezzi politiċi u b’mezzi ideoloġiċi wkoll. Immexxija mill-prinċipju tad-“dittatorjat tal-proletarjat” dawk il-gruppi ta’ partiti politiċi li jimxu fuq l-ideoloġija Marxista, biex jinfluwenzaw in-nies jużaw kull xorta ta’ mezzi, ir-rivoluzzjoni wkoll huma u jħabirku ha jkollhom il-monopolju tas-setgħa f’kull soċjetà, biex fiha jdaħħlu s-sistema kollettiv billi jeqirdu l-proprjetà privata tal-mezzi tal-produzzjoni. Skond l-ideoloġiji ewlenin u l-mexxejja ta’ dan il-moviment internazzjonali kbir, l-għan ta’ dan il-programm kollu ta’ ħidma hu li sseħħ taqliba u bidla soċjali biex fid-dinja kollha jidħol is-soċjaliżmu, u warajh is-sistema komunista.

Aħna u nitkellmu fuq dan il-qasam hekk important ta’ problemi, li m’humiex biss problemi ta’ ħsieb jew xi teorija imma huma struttura sħiħa ta’ ħajja soċjo-ekonomika, politika u internazzjonali fi żmienna, ma għandniex għalfejn nidħlu fl-irqaqat għax dawn il-problemi magħrufin sewwa kemm mill-ħafna kitba li hemm fuqhom u kemm mill-esperjenza. Inħallu għalhekk dawn il-kwistjonijiet u nerġgħu ngħaddu għall-problema fondamentali tax-xogħol tal-bniedem, li hu s-suġġett ewlieni ta’ dan id-dokument. Hi ħaġa ċara li din il-problema, jekk inħarsu lejha min-naħa tal-bniedem li jaħdem – u hi problema li tolqot waħda mid-dimensjonijiet fondamentali tal-ħajja tiegħu fuq l-art u tal-vokazzjoni tiegħu – nistgħu nifhmuha biss jekk inqisuha fil-kuntest sħiħ ta;-qagħda ta’ żmienna.

  1. Ix-xogħol l-ewwel

Jekk inħarsu lejn il-qagħda tal-lum, kif inhi verament, naraw ħafna konflitti mqanqlin mill-bniedem, u li f’dawn il-konflitti, il-mezzi teknoloġiċi, frott ix-xogħol tal-bniedem, għandhom sehem kbir. (Hawn inħoss li għandi nwissi dwar il-ħerba li jista’ jkun hemm fid-dinja kollha jekk tqum gwerra atomika, li għandha qawwa li ġġib ħerba, li ebda moħħ ma jista’ jimmaġinahom). Minħabba din il-qagħda l-ewwel li għandna nagħmlu hu li niftakru fi prinċipju li l-Knisja dejjem għallmet: il-prinċipju li x-xogħol jiġi qabel il-kapital. Dan il-prinċipju jolqot direttament il-proċess tal-produzzjoni; skond dan il-prinċipju, ix-xogħol hu dejjem il-kawża ewlenija ta’ dak li jsir, waqt li “l-kapital”, jiġifieri l-mezzi tal-produzzjoni kollha kemm huma flimkien, jibqa’ dejjem mezz, strument, jew kawża strumentali. Dan il-prinċipju hu verità ċara ħafna u joħroġ mill-esperjenza kollha tal-bniedem tul il-ġrajja kollha tiegħu fuq l-art.

Meta naqraw, fl-ewwel kapitlu tal-Bibbja, li l-bniedem irid jaħkem fuq l-art, nifhmu li dan il-kliem qiegħed ifisser il-ġid u l-għana kollu li hemm fid-dinja li naraw, u li qegħdin hemm għall-bniedem. Iżda dan il-ġid kollu jista’ jaqdi l-bniedem biss bix-xogħol. Sa mill-bidu, max-xogħol kien hemm marbuta l-kwistjoni tal-proprjetà, għaliex il-mezz waħdieni li għandu l-bniedem biex iġiegħel il-ġid u l-għana moħbi tan-natura jaqdi lilu u lill-oħrajn, huwa biss ix-xogħol. U biex iġiegħel dan il-ġid jagħtih frott bix-xogħol tiegħu, il-bniedem irid jieħu għalih oqsma żgħar tal-għana kollu tan-natura: l-għana ta’ taħt l-art, ta’ qiegħ il-baħar, ta’ l-art u ta’ l-ispazju. Jeħodhom għalih billi jagħmilhom il-bank tax-xogħol tiegħu. Jeħodhom bix-xogħol tiegħu u għax-xogħol tiegħu.

Dan il-prinċipju jgħodd ukoll għall-proċess kollu li jiġi wara. Proċess li fih l-ewwel pass hu dejjem ir-relazzjoni tal-bniedem mal-ġid u l-għana tan-natura. Wieħed irid jagħmel sforz kbir biex jikseb it-tagħrif meħtieġ ħa jsib dan il-ġid, u biex jara x’mezzi jista’ jkollu ħalli dan il-ġid jista’ jintuża mill-bniedem u għall-bniedem. Dan l-isforz igħallimna li dak kollu li jsir mill-bniedem tul il-proċess kollu tal-produzzjoni kollha kemm huma flimkien u sew it-teknika marbuta ma’ dawn il-mezzi (jiġifieri l-kapaċità li tista’ tużahom għax-xogħol), jissopponi dejjem l-għana u l-ġid li hemm fid-dinja li naraw għana u ġid li l-bniedem isib u mhux joħloq. Dan il-ġid u l-għana b’xi mod il-bniedem isibu ġa lest biex jiskoprih u jużah sewwa fil-proċess kollu tal-produzzjoni. F’kull fażi tal-iżvilupp tax-xogol tiegħu, il-bniedem dejjem għandu jiltaqa’ mad-don li tagħtih fil-bidu “in-natura”, u li, fl-aħħar mill-aħħar, hu d-don li jagħtih Alla stess li ħalqu. Fil-bidu tax-xogħol tal-bniedem hemm il-misteru tal-ħolqien. Din il-verità li ġa semmejt bħala l-bidu u l-qofol tal-ħsieb kollu ta’ din l-enċiklika, niżviluppaha aktar fl-aħħar parti ta’ dawn ir-riflessjonijiet tiegħi.

Jekk inkomplu nqisu din il-kwistjoni, ikollna nwettquha bil-konvinzjoni tagħna li xogħol il-bniedem dejjem jiġi qabel dak li tul iż-żmien drajna nsejħulu l-kapital. Bil-kelma “kapital”, nifhmu mhux biss il-ġid naturali li l-bniedem għandu dejjem lest għalih, imma wkoll il-mezzi kollha kemm huma li bihom il-bniedem jieħu taħt idejh dan il-ġid naturali u jibdlu skond il-ħtiġijiet tiegħu (u hekk b’xi mod jumanizzah, jagħmlu jixraq lil bniedem): għalhekk għandna minnufih naslu biex ngħidu li dawn il-mezzi kollha huma frott il-wirt ta’ xogħol il-bniedem tul il-ġrajja kollha tiegħu. Il-mezzi kollha ta’ produzzjoni, ibda minn dawk l-aktar primittivi sa dawk l-aktar moderni, hu l-bniedem li bil-mod il-mod żviluppahom: bl-esperjenza u d-dehen tiegħu. B’dan il-mod, dehru fuq l-art mhux biss l-għodda sempliċi għax-xogħol fl-għelieqi, imma wkoll, permezz tal-progress kbir tax-xjenza u t-teknika, l-għodda l-aktar moderni u l-aktar komplikati: il-magni, il-fabbriki, il-laboratorji, il-“computers”. Hekk kull ħaġa li sservi għax-xogħol, kull strument l-aktar perfett skond it-teknoloġija, il-bniedem li jaħdem, li hu s-suġġett tax-xogħol, jekk jixtieq juża dan il-għadd hekk kbir ta’ għodda tassew moderni, dawn il-mezzi kollha ta’ produzzjoni, jeħtieġu l-ewwel ikun jaf u jagħmel tiegħu il-frott tax-xogħol ta’ dawk li vvintaw dawn l-għodda, ħasbuhom, għamluhom, ipperfezzjonawhom, u dan qegħdin ikomplu jagħmluh. Il-kapaċità għax-xogħol, jiġifieri t-tisħib b’mod effiċjenti fil-proċess modern tal-produzzjoni, il-lum titlob tħejjija akbar u, fuq kollox tħarriġ aqwa. Hi ħaġa ċerta u hu dejjem veru li l-bniedem li hu msieħeb fil-proċess tal-produzzjoni, ukoll jekk ix-xogħol li qiegħed jagħmel ma jitlobx minnu la tagħrif u lanqas ħila speċjali, hu dejjem dak li verament qiegħed jagħmel dak li qiegħed isir fil-proċess tal-produzzjoni, waqt li l-għodda u l-magni kollha kemm huma, għalkemm mill-aktar perfetti, huma dejjem strumenti li jiddependu minn xogħol il-bniedem.

Din il-verità li hi parti mit-teżor tat-tagħlim tal-Knisja għandna dejjem insemmuha bil-qawwa kollha, kull darba li nsemmu l-kwistjoni tas-sistemi tax-xogħol jew nitkellmu fuq is-sistemi soċjo-ekonomika kollha kemm hi. Jeħtieġ li dejjem nitkellmu bil-qawwa kollha u nuru l-importanza tal-primat tal-bniedem fil-proċess tal-produzzjoni, il-primat tal-bniedem fuq kollox. Kull ma tħaddan il-kelma “kapital” fit-tifsir strett tagħha mhux ħlief ġabra ta’ ħwejjeġ u affarijiet. Il-bniedem hu dak li jagħmel ix-xogħol, u, hu x’inhu x-xogħol li jagħmel, il-bniedem biss hu persuna. Din il-verità għandha konsegwenzi mportanti u deċisivi.

  1. Ekonomiżmu u materjaliżmu

Fid-dawl ta’ din il-verità naraw ċar l-ewwelnett li “l-kapital” ma jistax jkun kontra l-kapital, jew il-kapital kontra x-xogħol, u wisq anqas in-nies li għandhom x’jaqsmu mal-kapital jew max-xogħol jistgħu jkunu kontra xulxin, kif infissru ‘l quddiem. Sistema ta’ xogħol jista’ jkun tajjeb fis-sens li jkun jaqbel man-natura stess tal-kwistjoni, jew fis-sens li jkun veru fih innifsu u moralment tajjeb, jekk fl-istess bażi tiegħu, jasal biex jegħleb l-oppożizzjoni bejn ix-xogħol u l-kapital billi nfittex li jissewwar skond il-prinċipju msemmi hawn fuq: il-prinċipju li x-xogħol min-natura tiegħu stess jiġi veramant qabel il-kapital, li l-bniedem li jagħmel ix-xogħol hu aqwa mix-xogħol fih innifsu, u li hu l-bniedem li jagħmel dak li jsir fil-proċess kollu tal-produzzjoni, tkun xi tkun il-ħidma li jagħmel.

Jekk inqisu kollox l-oppożizzjoni bejn il-kapital u x-xogħol ma tiġix mill-istruttura tal-proċess tal-produzzjoni jew mill-istruttra tal-proċess ekonomiku. Il-proċess ekonomiku kollu juri li x-xogħol u dak li aħna mdorrijin insejħu “l-kapital” huma mħalltin flimkien; juri li huma marbutin ma’ xulxin b’mod li ma jinħallx. Il-bniedem huwa u jaħdem, f’kull xogħol li jagħmel, ikun li jkun, kemm jekk hu xogħol l-aktar primittiv u kemm jekk hu xogħol mill-aktar modern, malajr jintebaħ li b’xogħlu qiegħed jikseb żewġ xorta ta’ teżori: it-teżor ta’ ġid li jingħata lill-familja kollha tal-bnedmin min-natura stess, u t-teżor ta’ ġid li oħrajn żviluppaw bil-ħidma tagħhom, u l-aktar permezz tat-teknoloġija, jiġifieri l-magni u l-istrumenti kollha dejjem aktar perfetti, li l-bniedem għamel għax-xogħol. Fix-xogħol, il-bniedem dejjem “jidħol flok ħaddieħor”[21]. Din id-dehra li tibqa’ dejjem l-istess, u hi dehra li tixraq lill-bniedem, dehra teoloġika. Skond dan li għidna l-bniedem hu “s-sid” tal-ħlejjaq kollha mogħtijin lilu fid-dinja li naraw. Jekk naraw xi dipendenza fil-proċess tax-xogħol, din hi dipendenza minn dak li jagħti l-ġid kollu tal-ħolqien lill-bniedem, u dipendenza wkoll minn dawk il-bnedmin l-oħra li bix-xogħol u bl-inizjattivi tagħhom tejbu u kabbru l-mezzi li nużaw għax-xogħol tagħna. Kull ma nistgħu ngħidu għal dawk li huma l-affarijiet kollha tal-proċess tal-produzzjoni, jiġifieri l-istrumenti tal-”kapital”, hu biss li jikkondizzjonaw, jew jagħtu s-sura lix-xogħol tal-bniedem; ma nistgħu ngħidu qatt li huma dawk li jagħmlu x-xogħol tal-bniedem bħallikieku kienu “xi ħadd jew xi ħaġa”, bla isem, li jżommu qisu taħt is-setgħa tagħha l-bniedem u x-xogħol tiegħu.

Din il-fehma li ma titbiddilx, li tħares sewwa l-prinċipju tal-primat tal-bniedem fuq kollox, inqerdet mill-ħsieb tal-bniedem, xi drabi, wara li għal żmien twil ħafna, bil-mod il-mod sfat fix-xejn fil-prattika u d-drawwiet tal-ħajja. Il-qerda ta’ din il-fehma seħħet b’mod li x-xogħol infired mill-“kapital” u mar kontrih, u l-”kapital” mar kontra x-xogħol, bħallikieku kienu żewġ setgħat bla isem, żewġ fatturi tal-produzzjoni qegħdin qrib xulxin fl-istess prospettiva “ekonomistika”. Hemm żball fondamentali f’dan il-mod ta’ tifsir tal-problema, żball li nistgħu nsejħulu l-iżball tal-ekonomiżmu, għax ix-xogħol qiegħed jitqies biss skond l-għan ekonomiku tiegħu. Dan l-iżball fondamentali fil-ħsieb nistgħu nsejħulu wkoll l-iżball tal-matrjaliżmu, għaliex l-ekonomiżmu, direttament jew indirettament iħaddan il-fehma tal-primat u tas-superjorità ta’ dak li hu materjali kull ma hu spiritwali u personali (ix-xogħol tal-bniedem, il-valur morali, eċċ.) Dan għad m’huwiex il-materjaliiżmu ekonomiku fis-sens sħiħ tal-kelma, imma huwa sura ta’ materjaliżmu prattiku, materjaliżmu meqjus kapaċi jissodisfa l-ħtiġijiet tal-bniedem, mhux l-aktar għax mibni fuq prinċipji li jiġu mit-teorija materjalista, imma għax mibni fuq raġunijiet ġejjin mill-mod kif wieħed iqis kollox, raġunijiet mibnija fuq ġerarkija ta’ valuri, li tqis aktar important dak li hu materjali, għax jiġbed aktar malajr il-bniedem.

L-iżball li sar minħabba ħsieb skond il-fehmiet tal-ekonomiżu mexa pass pass mal-bidu tal-filosofija materjalista u żviluppat minn fażi elementary u sempliċi (imsejħa wkoll materjaliżmu komuni għaliex tħaddan il-fehma li kull ma hu spiritwali hu biss xi ħaġa żejda) sal-fażi ta’ dak li hu msejjaħ materjaliżmu djalettiku. Iżda fil-mod kif qegħdin inqisu l-kwistjoni, milli jidher l-ekonomiżmu kellu mportanza deċisiva f’dan il-problema dan l-aktar minħabba l-problema fondamentali tax-xogħol tal-bniedem, b’mod speċjali, minħabba l-firda bejn ix-xogħol u l-”kapital”, u l-qagħda tagħhom kontra xulxin bħala żewġ fatturi ta’ produzzjoni, meqjusin skond il-prospettiva ekonomistika li għadna kemm semmejna. Madankollu hi ħaġa cara li l-materjaliżmu, u l-materjaliżmu djalettiku wkoll, ma jistax jagħti pediment sod u tajjeb għall-ħsieb fuq xogħol il-bniedem, b’mod li l-primat tal-bniedem fuq l-istrument tal-”kapital”, u l-primat tal-persuna fuq kollox, jitwettaq u jissaħħaħ b’mod li ħadd ma jmerih. Fil-materjaliżmu wkoll il-bniedem mhux meqjus l-ewwel u qabel kollox bħala dak li jagħmel ix-xogħol u bħala dak li jagħmel kull ma jsir fil-proċess kollu tal-produzzjoni, imma hu meqjus u stmat qisu jiddependi minn dak li hu materjali, qisu xi “riżultat” mir-relazzjonijiet ekonomiċi jew produttivi li jkun hemm minn fuq, fiż-żmien li jkun.

Hi ħaġa ċara li antinomija bejn ix-xogħol u l-kapital li fuqha qegħdin nitkellmu – antinomija li ġejja mill-firda tax-xogħol mill-“kapital” u mill- konflitt bejniethom, qishom, b’xi mod, biss elementi tal-proċess ekonomiku – ma ħarġitx mill-filosofija u mit-teoriji ekonomiċi tas-seklu tmintax, imma aktarx ħarġet mill-imġieba soċjali u ekonomika kollha ta’ dak iż-żmien, li fih bdiet u żviluppat l-industrijalizzazzjoni. Dak iż-żmien aktar kien jitqies kemm seta’ jitkattar il-ġid materjali, jiġifieri l-mezzi biex jitkattar dan il-ġid, milli l-għan tiegħu, jiġifieri l-bniedem, li kien imissu jkun moqdi minn dawn il-mezzi. Kien dan l-iżball prattiku li ta l-ewwel u l-aqwa daqqa lix-xogħol tal-bniedem, lill-ħaddiem u ta bidu għal dik ir-reazzjoni, moralment ġusta, li fuqha ġa tkellimna. L-istess żball, li issa hu parti mill-istorja tal-bniedem, u li hu marbut maż-żmien tal-liberiżmu u l-kapitaliżmu tal-bidu, jista jerġa jsir f’ċirkostanzi oħra ta’ żmien u ta’ mkien, jekk in-nies jibdew jaħsbu skond l-istess prinċipji teoretiċi u prattiċi. L-uniku mezz li, milli jidher, hemm biex jintrebaħ dan l-iżball hu billi sseħħ bidla xierqa fit-teorija u fil-prattika, bidla li trid tkun marbuta sħiħ mal-għarfien ċar tal-primat tal-persuna fuq kull ħaġa u tal-primat tax-xogħol fuq il-kapital meqjus bħala kull ma hu meħtieġ bħala mezz tal-produzzjoni.

  1. Xogħol u proprjetà

Il-proċess storiku, li għadna kemm semmejna bi ftit kliem, mar ħafna ‘l hemm mill-bidu tiegħu, għadu sejjer u qiegħed jinxtered ukoll fir-relazzjonijiet bejn in-nazzjonijiet u l-kontinenti, għalhekk jeħtieġ niċċaraw aktar billi nħarsu lejh minn aspett ieħor. Hi ħaġa ċara li meta aħna nitkellmu fuq oppożizzjoni bejn xogħol u “kapital”, m’aħniex nitkellmu biss fuq xi fehmiet ta’ moħħna jew fuq “qawwiet bla isem” li qegħdin jaħdmu fil-produzzjoni ekonomika. Dawn il-fehmiet, dawn il-qawwiet huma ta’ nies, nies ħajjin li qegħdin hawn magħna; min-naħa hemm dawk li jagħmlu x-xogħol mingħajr ma huma s-sidien tal-mezzi tal-produzzjoni, u min-naħa l-oħra hemm dawk li għandhom f’idejhom l-intrapiżi u li huma s-sidien tal-mezzi jew jirrappreżentaw lis-sidien. Għalhekk f’dan il-proċess storiku hekk iebes mill-bidu daħlet il-kwistjoni tal-proprjetà. L-enċiklika Rerum novarum, li bħala suġġett tagħha kellha l-kwistjoni soċjali, issemmi wkoll din il-problema u tfakkar u twettaq it-tagħlim tal-Knisja fuq il-proprjetà privata, ukoll meta hi l-proprjetà tal-mezzi tal-produzzjoni. L-enċiklika Mater et Magistra għamlet l-istess.

Dan il-prinċipju, kif ġie mfisser u għadu mgħallem mill-Knisja, ma jaqbel xejn mal-fehmiet ta’ kollettiviżmu mxandar mill-Marxiżmu u twettaq fil-prattika f’ħafna pajjiżi fis-snin li ġew wara l-enċiklika tal-Papa Ljun XIII. Ma jaqbilx ukoll mal-fehmiet tal-kapitaliżmu, kif ipprattikat mill-liberaliżmu u mis-sistemi politiċi ispirati minnu. Fil-każ tal-liberaliżmu, d-differenza qiegħda fil-mod kif jiftiehem id-dritt tal-proprjetà. It-tradizzjoni nisranija qatt ma żammet li dan id-dritt hu assolut u ħadd ma jista’ jmissu. Għall-kuntrarju, il-Knisja dejjem fissret dan id-dritt fid-dawl tad-dritt aktar wiesgħa li għandu kull bniedem għall-użu tal-ġid kollu tal-ħolqien: id-dritt għall-proprjetà privata hu subordinat għad-dritt ta’ l-użu minn kulħadd, tal-ġid tad-dinja, għax dan il-ġid hu għal kulħadd. Barra dan, fit-tagħlim tagħha, il-Knisja qatt ma fehmet li l-proprjetà setgħet tkun kawża ta’ ġlied soċjali minħabba x-xogħol. Kif għidna, il-proprjetà tinkiseb l-ewwelnett bix-xogħol, għall-qadi tax-xogħol. Dan b’mod speċjali għandu x’jaqsam mal-proprjetà tal-mezzi ta’ produzzjoni. Meta wieħed iqis dawn il-mezzi bħala proprjetà għaliha waħedha, is-sura ta’ “kapital” f’oppożizzjoni ma’ “x-xogħol” – jew ukoll bħala sfruttament tax-xogħol – ikun qiegħed jiċħad in-natura stess ta’ dawn il-mezzi u tal-proprjetà tagħhom. Ma jistax wieħed iżomm dawn il-mezzi għalih, f’oppożizzjoni għax-xogħol, ma jistax iżommhom għalih għall-gost biss li huma tiegħu, għaliex ir-raġuni waħdanija biex ikunu prorprjetà ta’ xi ħadd – fil-każ ta’ proprjetà privata u sew fil-każ ta’ proprjetà pubblika jew kollettiva – hi biss li huma meħtieġa għax-xogħol. Għalhekk, huma u jservu għax-xogħol, għandhom iwasslu biex iseħħ il-prinċipju ewlieni ta’ dak l-ordni li jgħid li l-ġid tad-dinja hu għal kulħadd u li kulħadd għandu dritt jagħmel użu minnu. Meta, għalhekk, inqisu x-xogħol, tal-bniedem, ma nistgħux u ma naċċettawx is-soċjalizzazzjoni ta’ xi mezzi ta’ produzjoni taħt kundizzjonijiet xierqa. Matul is-snin tal-pubblikazzjoni tar-Rerum novarum il-Knisja dejjem fakkret dawn il-prinċipji b’argumenti magħrufin tas-Summa Theologica ta’ San Tumas ta’ Aquino[22].

F’dan id-dokument, li bħala suġġett għandu x-xogħol tal-bniedem, tkun ħaġa tajba li nwettqu l-isforz kollu li l-knisja bit-tagħlim tagħha għamlet u għadha tagħmel biex tiżgura l-primat tax-xogħol (qabel il-”kapital”), u għalhekk il-post ewlieni tal-bniedem fil-ħajja soċjali, u speċjalment fl-istruttura dinamika tal-proċess ekonomiku kollu kemm hu. Taħt dan l-aspett tibqa’ ma tistax tiġi aċċettata l-qagħda tal-kapitaliżmu “strett”, jiġifieri l-qagħda li tiddefendi d-dritt esklussiv tal-proprjetà privata tal-mezzi tal-produzzjoni bħallikieku kien xi “verità assoluta” li ma tistax tittiefes, tal-ħajja ekonomika, il-prinċipju tar-rispett għax-xogħol jitlob li dan id-dritt għandu jiġġedded b’mod kostruttiv, fit-teorija u fil-prattika. Veru li l-”kapital”, jiġifieri dak kollu li hu meqjus bħala mezzi tal-produzzjoni, hu fl-istess ħin frott tax-xogħol ta’ ħafna żminijiet, hu veru wkoll li l-”kapital” jibqa’ dejjem jiżdied bix-xogħol magħmul bl-għajnuna ta’ dawn il-mezzi ta’ produzzjoni li jistgħu jitqiesu bħala l-bank kbir tax-xogħol li fuqu l-ħaddiema tal-lum qegħdin jaħdamu jum wara l-ieħor. Hi ħaġa ċara li hawn qegħdin nitkellmu fuq suriet differenti ta’ xogħol, mhux biss fuq ix-xogħol hekk imsejjaħ tal-id, imma wkoll fuq il-ħafna suriet ta’ xogħol intellettwali, ix-xogħol ukoll tal-iskrivani u tal-“managers”.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-ħafna proposti li saru minn esperti fit-tagħlim soċjali kattoliku u mill-għola Maġisteru tal-Knisja jikseb tifsir speċjali:[23] proposti biex il-mezzi ta’ produzzjoni jkunu proprjetà flimkien ta’ min jaħdem u ta’ min iħaddem billi l-ħaddiema jkollhom sehem fit-tmexxija u/jew fil-profitt tal-azjendi, billi l-ħaddiema jkollhom “shares” fl-azjenda. Hu x’inhu l-mod kif dawn il-proposti jistgħu jitwettqu fil-prattika, il-fatt ta’ l-għarfien tal-qagħda vera u proprja tax-xogħol u tal-ħaddiem fil-proċess tal-produzzjoni jitlob ħafna adattamenti fil-qasam tad-dritt għall-proprjetà tal-mezzi tal-produzzjoni. Dan minnu mhux biss minħabba qagħdiet ta’ l-imgħoddi imma wkoll, u l-ewwel u qabel kollox, minħabba l-qagħda tassew diffiċli, fit-tieni nofs ta’ dan is-seklu, ta’ dik li sejħu t-Tielet Dinja, u tal-ħafna pajjiżi ndipendenti ġodda li ħanqu, speċjalment fl-Afrika, u f’postijiet oħra wkoll, mill-kolonji ta’ l-imgħoddi.

Ghalhekk il-qagħda tal-kapitaliżmu “strett” trid tiġġedded bla heda, biex tinbidel skond ma jitolbu d-drittijiet tal-bniedem, kemm id-drittijiet kollha tiegħu u kemm dawk marbutin ma-xogħol li jagħmel. Iżda rridu ngħidu wkoll li dawn ir-riformi hekk meħtieġa ma jseħħux bil-preġudizzju tat-tneħħija tal-proprjetà privata tal-mezzi tal-produzzjoni. Ta’ min igħid li t-tneħħija ta’ dawn il-mezzi ta’ produzzjoni (tal-”kapital”) minn idejn il-privat mhux biżżejjed biex ikun hemm soċjalizzazzjoni xierqa. Dawn il-mezzi ma jibqgħux aktar proprjetà ta’ xi grupp soċjali, is-sidien privati, imma jsiru proprjetà ta’ soċjetà organizzata, amministrati u kontrollati direttament minn grupp ieħor ta’ nies, jiġifieri min-nies li, għalkemm m’humiex tagħhom, bis-setgħa li għandhom fis-soċjet jużawhom biex imexxu l-ekonomija tal-pajjiż jew il-post li jkun.

Dan il-grupp li jkollu f’idejh is-setgħa li jmexxi jista’ jaqdi dmiru sewwa fid-dawl tal-primat tax-xogħol; imma jista’ wkoll jaqdih ħażin jekk jippretendi għalih il-monopolju ta’ l-amministrazzjoni u ta’ l-użu bil-mezzi kollha tal-produzzjoni u ma jibżax li jonqos kontra d-drittijit fondamentali tal-bniedem. Għalhekk, meta l-Istat jagħmel proprjetà tiegħu l-mezzi tal-produzzjoni skond il-prinċipji tal-kollettiviżmu dan ma jkunx l-istess ħaġa bħas-“soċjalizzazzjoni” tal-proprjetà. Nistgħu nitkellmu fuq “soċjalizzazzjoni” biss meta jkun żgurat il-karattru soġġettiv tas-soċjetà, jiġifieri meta, minħabba x-xogħol li jagħmel, kull bniedem ikollu d-dritt li jqis lilu nnifsu sid ma’ oħrajn ta’ dik li qisu bank kbir tax-xogħol li fuqu jaħdem kuljum ma’ sħabu kollha. Triq għal dan il-għan tista’ tkun it-tisħib, sa fejn jista jsir, tax-xogħol mal-proprjetà tal-kapital, u t-twaqqif ta’ għadd ta’ gruppi intermedji bi skopijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, gruppi ħielsa mill-indħil ta’ l-awtoritajiet tal-pajjiż, li jfittxu jilħqu l-għanijiet speċifiċi tagħhom f’kollaborazzjoni onesta bejniethom u skond ma jitlob il-ġid ta’ kulħadd, biex hekk ikunu komunitajiet ħajjin kemm fis-sura tagħhom u kemm fihom infushom, fis-sens li l-membri ta’ kull grupp ikunu meqjusa u stmati bħala persuni u mħeġġin biex jieħdu parti attiva fil-ħajja tal-grupp[24].

  1. L-argument “personalistiku”

Il-prinċipju tal-primat tax-xogħol fuq il-kapital titolbu l-morali soċjali. Għandu mportanza ewlenija kemm fis-sistema mibni fuq il-prinċipju tal-proprjetà privata tal-mezzi tal-produzzjoni u kemm ukoll fis-sistema fejn il-proprjetà privata tal-produzzjoni ġiet limitata b’mod tassew radikali. Ix-xogħol b’xi mod ma jistax jinfired mill-”kapital”; bl-ebda mod ma jista’ jaċċetta dik l-antinomija, jiġifieri l-firda mill-mezzi tal-produzzjoni u l-oppiżizzjoni għalihom, firda li taqqlet il-ħajja tal-bniedem f’dawn l-aħħar mijiet ta’ snin bħala riżultat ta’ mixi fuq prinċipji ekonomiċi biss. Meta l-bniedem jaħdem, u juża l-mezzi kollha ta’ produzzjoni, ikun jixtieq ukoll li l-frott ta’ xogħlu jgawdih hu u oħrajn ukoll, u jixtieq ukoll, huwa u jaħdem, jaqsam fir-responsabbiltà u l-kreatività li ssir fil-post tax-xogħol fejn ikun jaħdem.

Minn dan joħroġu xi drittijiet speċifiċi tal-ħaddiema li jikkorrispondu għad-dmir tax-xogħol. Nitkellmu fuqhom aktar tard. Imma hawn irridu ninsistu, b’mod ġenerali, fuq il-fatt li l-bniedem li jaħdem jixtieq mhux biss ħlas xieraq għal xogħolu, imma jixtieq ukoll li, tul il-proċess kollu tal-produzzjoni, ikun jista’ jagħraf is-siwi tax-xogħol tiegħu, biex, ukoll meta qiegħed jaħdem f’ħaġa li hi ta’ kulħadd, jagħraf li hu qiegħed jaħdem għalih innifsu wkoll. Ħaġa bħal din ma tistax tkun f’sistema ta’ ċentralizzazzjoni burokratiku esaġerata, li ġġiegħel lill-bniedem iħoss lilu nnifsu biss bħala rota f’ingranaġġ kbir immexxi minn fuq, anzi (u dan għal ħafna raġunijiet) strument biss ta’ produzzjoni aktar milli bniedem li qiegħed jaħdem b’inizzjattiva tiegħu proprja. It-tagħlim tal-Knisja dejjem wera konvinzjoni qawwija u kbira li x-xogħol tal-bniedem għandu x’jaqsam mhux biss ma’ l-ekonomija imma wkoll, u b’mod speċjali, ma’ valuri tal-bniedm bħala persuna. Ikun jaqbel ħafna għas-sistema ekonomiku fih innifsu l-proċess tal-produzzjoni jekk dawn il-valuri personali jkunu rispettati sewwa. Fil-ħsieb ta’ San Tumas[25] dan hu l-aqwa argument favur il-proprjetà privata tal-mezzi tal-produzzjoni. Waqt li nammettu li jista’ jkun hemm raġunijiet siewja għall-eċċezzjonijiet fil-prinċipju tal-proprjetà privata – naraw li fi żmienna daħlet is-sistema ta’ “proprjetà soċjalizzata” – madankollu l-argument “personalistiku”, l-argument bażat fuq il-persuna tal-bniedem għadu jiswa kemm fit-teorija, bħala prinċipju, u kemm fil-prattika. Kull soċjalizzazzjoni tal-mezzi tal-produzzjoni, biex tkun skond ir-raġuni u tagħti frott, trid tqis din il-ħaġa. Għandu jsir kull sforz biex f’dan is-sistema l-bniedem, bħala persuna, iħoss li qiegħed jaħdem “għalih innifsu”. Jekk dan ma jsirx bilfors issir ħsara kbira fil-proċess ekonomiku kollu, ħsara mhux biss ekonomika, imma fuq kollox ħsara lill-bniedem.

KAPITLU IV

ID-DRITTIJIET TAL-ĦADDIEMA

  1. Fil-kuntest wiesgħa tad-drittijiet tal-bniedem

IX-XOGĦOL, HU X’INHU t-tifsir tiegħu, hu obbligu, jiġifieri dmir, u hu wkoll għajn ta’ drittijiet għall-ħaddiema. Dawn id-drittijiet għandna nistħarrġuhom fil-kontest tad-drittijiet tal-bniedem kollha kemm huma, drittijiet li jaqblu man-natura tiegħu u li ħafna minnhom ġew imxandra minn għadd ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u qed jiġu dejjem aktar imwettqa mill-istati għaċ-cittadini tagħhom. Il-ħarsien ta’ dawn id-drittijiet kollha hi kondizzjoni fondamentali għall-paċi fid-dinja tal-lum: paċi f’kull wieħed mill-pajjiżi tad-dinja, fis-soċjetajiet kollha u paċi fir-relazzjonijiet internazzjonali, kif ġie mtenni kemm-il darba mill-Maġisteru tal-Knisja, speċjalment wara l-enċiklika Pacem in terris. Id-drittijiet tal-bniedem li jiġu mix-xogħol huma parti mill-kuntest aktar wiesgħa tad-drittijiet fondamentali ta’ kull bniedem bħala persuna.

Iżda, f’dan il-kontest, dawn id-drittijiet għandhom karattru speċjali li jaqbel man-natura speċifika tax-xogħol tal-bniedem, kif fissirniha aktar ‘il fuq. Hu skond dan il-karattru li aħna għandna nqisuhom dawn id-drittijiet. Ix-xogħol, kif għidna, hu obbligu, jiġifieri, dmir tal-bniedem. Dan veru hu x’inhu t-tifsir tal-kelma “xogħol”. Il-bniedem għandu jaħdem, kemm għax Alla l-Ħallieq ordnalu dan u kemm għaliex hu bniedem li jeħtieġlu jaħdem biex imantni u jiżviluppa lilu nnifsu. Il-bniedem għandu jaħdem għall-oħrajn, speċjalment għall-familja tiegħu, imma wkoll għas-soċjetà li tagħha hu membru. Għall-pajjiż li tiegħu hu ċittadin, għall-familja kollha tal-bnedmin li tagħha hu membru, u dan għax hu werriet tax-xogħol li sar fiż-żminijiet ta’ l-imgħoddi u, fl-istess ħin, sieħeb fil-bini tal-ġejjieni għal dawk li se jiġu warajh fil-ġrajja kollha tal-bniedem. Dan kollu joħloq l-obbligu morali tax-xogħol, fit-tifsir l-aktar wiesgħa tiegħu. Meta niġu biex inqisu d-drittijiet morali li jikkorrispondu għal dan l-obbligu ta’ kull bniedem għax-xogħol, għandna dejjem inżommu quddiem għajnejna l-aspetti kollha tax-xogħol li jagħmel kull bniedem li jaħdem.

Għaliex meta aħna nitkellmu fuq l-obbligu tax-xogħol u fuq id-dmirijiet tal-ħaddiema li jwieġbu għal dan l-obbligu, l-ewwel li jiġu f’moħħna huma r-relazzjonijiet bejn min iħaddem (direttament jew indirettament) u min jaħdem.

Hi ħaġa mportanti ħafna li nagħżlu sewwa bejn min iħaddem direttament u min iħaddem indirettament, sew jekk inqisu kif hu organizzat ix-xogħol fi żmienna u sew jekk inqisu r-relazzjonijiet ġusti jew inġusti li jista’ jkun hemm fil-qasam tax-xogħol.

Jekk b’min iħaddem direttament nifhmu persuna jew istituzzjoni li magħha l-ħaddiem jagħmel direttament il-kuntratt tax-xogħol skond kondizzjonijiet definiti, għandna nifhmu li jħaddem indirettament, dawk il-ħafna fatturi, li m’humiex la l-persuna u l-anqas l-istituzzjoni li magħha ħaddiem jagħmel direttament il-kuntratt tax-xogħol, imma għandhom qawwa kbira fit-tfassil tal-kuntratt tax-xogħol u għalhekk ukoll ir-relazzjonijiet ġusti jew inġusti li jista’ jkun hemm fil-qasam tax-xogħol tal-bniedem.

  1. Min iħaddmu direttament u min iħaddmu indirettament

Meta nitkellmu fuq min iħaddem indirettament, għandna nifhmu kemm nies u kemm istituzzjonijiet ta’ kull sura, u għandna nifhmu wkoll kuntratti kollettivi tax-xogħol u l-prinċipji ta’ mġieba mitluba minn dawn in-nies u l-istituzzjonijiet, prinċipji li jiddeterminaw jew huma l-effett tas-sistema soċjo-ekonomiku kollu kemm hu. Meta nitkellmu fuq min iħaddem indirettament inkunu nifhmu ħafna u ħafna elementi. Ir-responsabbiltà ta’ min iħaddem indirettament m’hijiex bħal dik ta’ min iħaddem direttament – il-kliem stess juru li r-responsabbiltà m’hijiex diretta – imma hi dejjem responabbiltà : min iħaddem indirettament ifassal, fil-qofol tagħha, sura jew oħra ta’ kif għandu jsir ix-xogħol. Dan ngħiduh mhux biex neħilsu lil min iħaddem direttament mir-responabbiltajiet tiegħu, imma biss biex nuru kemm huma ħafna u kemm huma kkomplikati l-kawżi li jinfluwenzaw l-imġieba tiegħu. U għaliex hu meħtieġ li titfassal politika tax-xogħol moralment tajba, dawn il-kawżi u dawn il-kondizzjonijiet jeħtieġ li jitqiesu sewwa. Politika ta’ xogħol tkun moralment tajba meta d-drittijiet oġġettivii kollha tal-ħaddiem ikunu rispettati sewwa.

F’kull soċjetà jista’ jkun hemm min iħaddem indirettament, u l-ewwelnett fl-istati. Hu l-istat li jrid iħaddem politika ġusta ta’ xogħol. Iżda kulħadd jaf li fis-sistema tar-relazzjonijiet ekonomiċi fid-dinja l-lum, hemm għadd kbir ta’ rabtiet bejn l-Istat, bħalma huma r-rabtiet li jiġu (biex insemmi wieħed) mill-proċess tal-importazzjoni, jiġifieri l-bdil bejn Stat u ieħor tal-ġid ekonomiku, li jista’ jkun materja prima, jew semi-manifatturati, jew prodotti ndustrijali manifatturati. Dawn ir-rabtiet joħolqu dipendnzi minn xulxin u minħabba f’hekk ma tantx tista’ titkellem fuq Stat, ukoll jekk hu ekonomikament l-aktar qawwi, li qiegħed igawdi l-awtarkija jew li hu, kollu kemm hu, biżżejjed għalih innifsu.

Din is-sistema ta’ dipendenza minn xulxin hi fiha nfisha ħaġa tas-soltu. Iżda malajr tista’ tkun okkażjoni ta’ sfruttament u ta’ nġustizzja u għalhekk tista’ tinfluwenza l-politika tax-xogħol tal-pajjiżi li jkunu, u fl-aħħar mill-aħħar tinfluwenza lill-ħaddiema individwalment, għaliex dawn huma dawk li jagħmlu x-xogħol. Biex insemmu eżempju, il-pajjiżi l-aktar industrijalizzati, u wisq aktar l-intrapriżi li fuq skala kbira jmexxu l-mezzi tal-produzzjoni (dawk il-kumpaniji li huma magħrufin bħala multinazzjonali jew transnazzjonali) jiffissaw l-għola prezz li jista’ jkun għall-prodotti tagħhom u fl-istess waqt jippruvaw iżommu kemm jista’ jkun baxx il-prezz tal-materja prima u tas-semi-manifatturati. Din hi waħda mill-kawżi tal-isproporzjon li dejjem aktar qiegħed jikber fid-dħul nazzjonali tal-pajjiżi. Id-differenza bejn il-kotra l-kbira tal-pajjiżi l-aktar għonja u tal-pajjiżi fqar m’hijiex tonqos jew qegħda tibqa’ l-istess, imma qiegħda dejjem aktar tikber, bi ħsara tal-pajjiżi fqar kif wieħed jista’ jara. Dan bilfors ikollu effett fuq il-politika tax-xogħol tal-post u fuq il-qagħda tal-ħaddiem f’dawk is-soċjetajiet li ekonomikament huma fi żvantaġġ. Dak li jħaddem direttament, għax isib ruħu f’qagħda bħal din, jiffissa kondizzjonijiet ta’ xogħol li huma agħar minn dak li jitolbu l-ħtiġijiet oġġettivi tal-ħaddiem, speċjalment meta hu jrid jikseb il-qligħ mill-azjendi li qiegħed imexxi, (jew mill-azjendi li qiegħed imexxi fil-każ fejn hi “soċjalizzata” l-proprjetà tal-mezzi tal-produzzjoni).

Ħaġa faċli tintebaħ li dawn il-ħafna suriet ta’ dipendenza li jiġu fejn min iħaddem qiegħed iħaddem indirettament huma mxerrdin ħafna u kkomplikati wkoll. Biex nagħarfuhom aħjar, irridu, b’xi mod, inqisu dawk l-elementi kollha li huma deċiżivi għall-ħajja ekonomika ta’ xi soċjetà jew ta’ xi Stat; iżda fl-istess ħin irridu nqisu wkoll ħafna rabtiet u ħafna suriet oħra ta’ dipendenza wisq aktar kbar u mxerrdin. Iżda d-dritttijiet tal-ħaddiema ma għandhomx jitqiesu biss bħala xi riżultat ta’ sistema ekonomiku li ftit jew wisq hu mmexxi bi kriterju tal-qligh kbir kemm jista’ jkun. Għall-kuntrarju, ir-rispett għad-drittijiet oġġettivi tal-ħaddiem – hu x’inhu xogħlu, kemm jekk hu ħaddiem tal-id jew tal-moħħ, fl-industrija jew fil-biedja eċċ. – għandu jkun il-kriterju xieraq u ewlieni għat-tfassil tal-ekonomija kollha, kemm dik f’livell ta’ soċjetà ndividwali u kemm dik f’livell tal-Istat jew fi ħdan il-politika ekonomika kollha tad-dinja, u r-relazzjonijiet internazzjonali li joħorġu minnha.

Għal dan għandhom jużaw l-influwenza tagħhom l-Organizzazzjonijiet internazzjonali kollha nteressati, ibda mill-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda (U.N.O.). Milli jidher l-Organizzazzjoni Intrnazzjonali tax-Xogħol (I.L.O.) u l-Organizzazzjoni għall-Ikel u Biedja (F.A.O.) tal-Ġnus Maqgħuda, u organizzazzjonijiet oħra għandhom xi ħaġa ġdida x’jagħtu f’dan il-qasam. F’kull pajjiż hemm ministeri jew dipartimenti u wkoll għadd ta’ istituzzjonijiet soċjali mwaqqfin għal dan il-għan. Dan kollu juri ċar x’qawwa għandu min iħaddem indirettament – kif għidna hawn fuq – biex jinkiseb rispett sħiħ għad-drittijiet tal-ħaddiem, għax, fl-aħħar mill-aħħar, id-drittijiet tal-bniedem huma l-qofol tal-ordni morali soċjali kollu kemm hu.

  1. Il-kwistjoni tal-impieg

Meta nqisu d-drittijiet tal-ħaddiema fir-relazzjoni tagħhom ma’ min iħaddimhom indirettament, jiġifieri mad-diretturi li, fuq livell nazzjonali jew internazzjonali, huma responsabbli ta’ kif se titmexxa l-politika tax-xogħol, irridu l-ewwelnett inqisu problema fondamentali: il-problema li ssib ix-xogħol, jew fi kliem ieħor, il-problema ta’ mpieg xieraq għal kull min hu kapaċi għalih. Il-qgħad, jiġifieri n-nuqqas ta’ xogħol għal min hu kapaċi għalih, imur kontra l-qagħda ġusta u xierqa f’dan il-qasam. Il-problema ta’ mpieg xieraq għal kull min hu kapaċi għalih. Il-qagħad, jiġifieri n-nuqqas ta’ xogħol għal min hu kapaċi għalih, imur kontra l-qagħda ġusta u xierqa f’dan il-qasam. Il-problema tista’ tkun problema ta’ qgħad ġenerali jew ta’ qqgħad f’ċerti oqsma tax-xogħol. Ix-xogħol tad-diretturi, kif nistgħu nsejħu ‘l dawk li jħaddmu indiretament, hu li jeħduha kontra l-qgħad, għax hu dejjem deni u, meta jilħaq ċertu livell, hu veru diżastru soċjali. U l-qgħad jkidd ħafna meta jolqot l-aktar iż-żgħażagħ, li, wara tħejjija kulturali teknika u professjonali xierqa, ma jsibux xogħol, u jaraw miġjuba fix-xejn ix-xewqa sinċiera tagħhom li jaħdmu u l-ħrara tagħhom li jidħlu għar-responsabbiltajiet tagħhom fl-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-komunità li tagħha huma membri. Id-dmir li jkun hemm benefiċċji għall-qgħad jiġifieri d-dmir li jingħataw sussidji xierqa, tassew meħtieġa, għall-manteniment tal-ħaddiema qiegħda u tal-familji tagħhom, hu dmir li jiġi mill-principju fondamentali tal-ordni morali f’dan il-qasam, jiġifieri l-prinċipju tal-użu minn kulħadd tal-ġid tad-dinja jew, fi kliem ieħor, u b’mod aktar sempliċi, id-dritt għall-ħajja u għall-manteniment.

Biex jinżamm ‘il bogħod il-periklu tal-qgħad u tiżgura xogħol għal kulħadd, id-diretturi, jiġifieri “dawk li jħaddmu indirettament” iridu jfasslu pjan komprensiv u sħiħ li jħaddan kull xorta ta’ xogħol u jieħu ħsieb mhux biss il-ħajja ekonomika imma wkoll il-ħajja kulturali tas-soċjetà li tkun: u jridu jaraw ukoll li x-xogħol ikun organizzat b’mod sewwa u xieraq. Fl-aħħar mill-aħħar għal dan għandu jaħseb l-istat, imma dan ma jfissirx li l-Istat għandu jiċċentralizza kollox f’idejh. Għall-kuntrarju, dak li meħtieġ hu koordinament ġust u raġjonevoli, f’sistema fejn tkun imħarsa l-inizjattiva ta’ kull bniedem u ta’ gruppi ħielsa, ta’ ċentri u komplessi lokali ta’ xogħol: infakkru hawn dak li għidna fuq il-karattru oġġettiv tax-xogħol tal-bniedem.

Il-fatt li s-soċjetajiet u l-istat jiddependu minn xulxin, għandhom bżonn ‘il xulxin u jeħtieġu l-għajnuna ta’ xulxin u l-kollaborazzjoni flimkkien f’ħafna oqsma, ifisser li, waqt li kull soċjetà u kull Stat għandhom iħarsu d-drittijiet sovrani tagħhom fil-qasam tal-pjanifikazzjoni u tal-organizzazzjoni tax-xogħol fi ħdanhom, f’qasam hekk important jeħtieġ tiġi ‘l quddiem il-kooperazzjoni bejn in-nazzjonijiet permezz ta’ trattati u ftehim ieħor meħtieġ. Hawn ukoll, il-kriterju għal dan il-ftehim u għal dawn it-trattati għandu jkun li x-xogħol tal-bniedem jitqies bħala d-dritt ewlieni ta’ kull bniedem, xogħol li jagħti l-istess drittijiet lil kull min jaħdem, b’mod li jkun hemm dejjem inqas differenzi fil-qagħda tal-ħajja tal-ħaddiema “kull soċjetà, differenzi li huma nġusti u kapaċi joħolqu relazzjonijiet vjolenti. L-Organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom dmir kbir x’jagħmlu f’dan il-qasam. Għandu jmexxihom għarfien sħiħ u ċar tal-qagħda li tkun u taċ-ċirkostanzi tagħha naturali, storiċi, ċivili eċċ. Jixtieq li juru wkoll ħeġġa akbar fil-ħidma dwar dak li għandu jsir flimkien, jiġifieri kapaċità jagħmlu kull ma jkun meħtieġ.

B’hekk jista’ jseħħ pjan ta’ ħidma għall-progress xieraq fid-dinja tal-bnedmin kollha, skond id-direttivi tal-enċiklika Populorum progressio tal-Papa Pawlu VI. Jeħtieġ hawn inwissu li jwassal għal dan il-progress li fl-istess ħin hu wkoll, b’mod l-aktar adatt, jistħarrġu fi spirtu ta’ ġustizzja u sliem, li l-Knisja bla heda titlob lill-Missier ta’ kull bniedem u tal-ġnus kollha, l-apprezzament kontinwu tax-xogħol tal-bniedem, kemm fih innifsu u kemm fid-dinjità ta’ min jagħmlu, jiġifieri tal-bniedem. Il-progress li fuqu qegħdin nitkellmu hu progress li jrid isir bil-bniedem għall-bniedem u jrid jagħti l-frott tiegħu fil-bniedem. Prova li dan il-progress ikun qiegħed iseħħ tassew hu l-għarfien dejjem aktar sħiħ tal-iskop tax-xogħol, u r-rispett dejjem aktar imxerred mad-dinja kollha għad-drittijiet marbutin max-xogħol skond id-dinjità tal-bniedem, li hu dak li jagħmel ix-xogħol.

Pjanifikazzjoni għaqlija u organizzazzjoni xierqa tax-xogħol tal-bniedem skond il-ħtiġijiet tal-soċjetajiet u ta’ l-Istati għandhom iwasslu aktar malajr għall-proporzjon xieraq bejn is-suriet kollha tal-impiegi: xogħol f’għelieqi, fl-industrija, fis-servizzi, ix-xogħol tal-iskrivani fiċ-ċivil, tax-xjenzjati u tal-artisti, skond il-kapaċità ta’ kull wieħed u għall-ġid ta’ kulħadd f’kull soċjetà u fid-dinja kollha. L-organizzazzjoni tal-ħajja tal-bniedem skond il-possibiltajiet kollha li jkun hemm għax-xogħol – xogħol, trid tkun taqbel ma’ sistema xieraq ta’ istruzzjoni u edukazzjoni, bl-għan ewlieni li kull bniedem jilħaq il-maturità sħiħa tiegħu, imma wkoll bil-ħsieb li jkollu dik it-tħejjija speċjali biex isib postu, b’vantaġġ għal kulħadd, fid-dinja hekk kbira tax-xogħol ta’ kull sura. Meta nħarsu lejn il-familja tal-bnedmin imxerrda mad-dinja, ma tistax ma tolqotniex ħaġa li tħawwadna ħafna: minkejja li ħafna ġid naturali għadu mhux minsus, hemm għad kbir ħafna ta’ nies, li, kontra qalbhom, huma qiegħda jew ma għandhomx xogħol biżżejjed, u kotra fuq kotra ta’ nies bla għadd li qegħdin ibatu l-ġuħ. Dan hu fatt ċar li hemm fi ħdan komunitajiet politiċi ndividwali u kemm fir-relazzjonijiet bejniethom fuq livell kontinentali u mondajali hemm xi ħaġa m’hijiex taħdem fl-organizzazzjoni tax-xogħol u fl-impiegi, u dan proprju fl-oqsma u fil-postijiet l-aktar kritiċi u soċjalment l-aktar importanti.

  1. Salarji u benefiċċji soċjali oħra

Wara li wrejna l-improtanza li jkun hemm xogħol għal kulħadd biex ikun żgurat il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem għax-xogħol li ħadd ma jista jiċħadhomlu, jaqbel li nagħtu ħarsa aktar mill-qrib lejn dawn id-drittijiet, li fl-aħħar mill-aħħar jiġu mir-relazzjonijiet bejn il-ħaddiem u min iħaddmu direttament. Kull ma għidna fuq dawk li jħaddmu indirettament kien bil-ħsieb li nfissru b’mod aktar eżatt dawn ir-relazzjonijiet, billi nuru f’kemm-il sura jseħħu indirettament dawn ir-relazzjonijiet. Dan ma għamilniex biss bil-ħsieb li niddeskrivu l-ħaġa: din l-enċiklika m’hijiex trattat fil-qosor ta’ ekonomija jew politika. Il-ħsieb hu li nuru l-importanza tal-aspett morali u deontoloġiku tal-ħaġa. Il-qofol tal-morali soċjali f’dan il-każ hu l-ħlas ġust għax-xogħol li jsir. Fil-qagħda tal-lum ma hemmx mezz aktar importanti biex isseħħ il-ġustizzja fir-relazzjonijiet bejn il-ħaddiem u min iħaddem, ħlief il-ħlas għax-xogħol. Kemm jekk x-xogħol isir f’sistema ta’ proprjetà privata tal-mezzi tal-produzzjoni u kemm f’sistema fejn il-proprjetà tal-mezzi tal-produzzjoni ġiet b’xi mod “soċjalizzata”, ir-relazzjoni bejn il-ħaddiem u min iħaddmu (u l-ewwel u qabel kollox min iħaddem direttament) iseħħ fuq il-bażi tas-salarju, jiġifieri fuq il-ħlas ġust għax-xogħol li jsir.

Ta’ min jinnota wkoll li l-ġustizzja ta’ sistema soċjo-ekonomika u, f’kull każ, il-mod ġust kif taħdem, fl-aħħar mill-aħħar, għandha titqies mill-mod kif ix-xogħol tal-bniedem hu mħallas fis-sistema. Nerġgħu hawn għall-ewwel prinċipju tal-ordni morali soċjali kollu kemm hu, jiġifieri għall-prinċipju tal-użu minn kulħadd tal-ġid ta’ l-art. F’kull sistema, huma x’inhuma r-relazzjonijiet fundamentali fiha bejn kapital u xogħol, is-salarju, jiġifieri, il-ħlas għax-xogħol, għadu l-mezz prattiku li bih il-kotra l-kbira tan-nies jiksbu l-ġid ta’ l-art li ġie maħluq għall-użu ta’ kulħadd: kemm il-ġid naturali u kemm dak li jsir bil-ħidma tal-bniedem. Dan il-ġid il-bniedem jakkwistahom permezz tas-salarju li jirċievi bħala ħlas tax-xogħol li jagħmel. Għalhekk, f’kull każ, is-salarju ġust hu l-prova ċara jekk sistema soċjo-ekonomika hijiex, kollha kemm hi ġusta jew le u jekk hijiex taħdem sewwa. M’hijiex il-prova waħdanija, imma hi prova mportanti ħafna, u b’xi mod, hi l-aqwa prova u l-qofol ta’ kollox.

Dan il-mod li tipprova s-sistema hijiex ġusta jew le, jolqot l-aktar lill-familja. Il-ħlas xieraq ta’ raġel fl-aqwa tiegħu, mgħobbi bir-responsabbiltà tal-familja, hu dak il-ħlas li hu biżżejjed biex ikollu familja u jmantniha u jipprovdilha siġurtà għall-ġejjieni. Dan il-ħlas jingħata jew permezz ta’ dak li jissejjaħ salarju familjari jiġifieri salarju wieħed mogħti lill-kap tal-familja għal xogħlu, li jkun biżżejjed għall-ħtiġijiet tal-familja tiegħu mingħajr ma jkun hemm bżonn li martu tfittex xogħol barra mid-dar – jew permezz ta’miżuri soċjali oħra bħalma huma s-sussidji familjari jew “grants” lill-ommijiet li jiddedikaw ruħhom biss għall-familja tagħhom. Dawn is-sussidji għandhom ikunu jikkorrispondu għall-ħtiġijiet veri tal-familja, jiġifieri skond l-għadd tan-nies fil-familja tul iż-żmien kollu li jkunu f’qagħda li ma jistgħux huma stess jaħsbu għall-ħtiġijiet tal-ħajja.

L-esperjenza tgħallimna li jeħtieġ inqisu mill-ġdid is-siwi soċjali tal-ħidma tal-omm, u nqisu wkoll it-toqol ta’ din il-ħidma, u l-ħtieġa li l-ulied ikollhom dik il-kura kollha mħabba u dik il-għożża li jeħtieġu biex jikbru u jkunu nies responsabbli, moralment u reliġjożament fl-aħjar tagħhom, u psikoloġikament sodi. Tkun ta’ ġieh kbir għas-soċjetà jekk, mingħajr ma tkun imxekkla l-libertà tagħha, mingħajr ma ġġarrab diskriminazzjonijiet psikoloġiċi u prattiċi, mingħajr ma tħoss ruħha agħar min-nisa l-oħra, omm tkun tista’ tingħata kollha kemm hi, fid-dar, għall-ulieda u għall-edukazzjoni tagħhom b’kull ma jeħtieġu, skond iż-żmien li jkollhom. Jistona l-fatt li omm ikollha tħalli dawn id-dmirijiet biex tieħu mpieg b’salarju barra mid-dar, jekk irid jitqies sewwa l-ġid tas-soċjetà u tal-familja għax fatt bħal dan imur kontra jew ifixkel l-għan ewlieni tal-missjoni tal-omm[26].

F’dawn iċ-ċirkostanzi, ta’ min jinsisti fuq il-ħtieġa li, f’livell aktar ġenerali, ix-xogħol għandu jiġi organizzat u adattat b’mod li jkun hemm rispett sħiħ għall-ħtiġijiet tan-nies u għas-sura tal-ħajja tagħhom, u, l-aktar, fil-ħajja fid-dar, skond iż-żmien u s-sess ta’ dak li jkun. Hi ħaġa magħrufa li n-nisa, il-lum, f’ħafna soċjetajiet, qegħdin jaħdmu fl-oqsma kollha tal-ħajja. Iżda jixraq li n-nisa jkunu jistgħu jaqdu dmirijiethom fuq ix-xogħol skond in-natura proprja tagħhom, mingħajr ma jsofru ebda diskriminazzjoni u mingħajr ma jkunu mwarrba minn impiegi li huma kapaċi għalihom; imma ma tkunx ħaġa xierqa jekk ma jingħatax każ tax-xewqat tagħhom għall-familja, u tal-ħidma proprja tagħhom, flimkien ma’ żwieġhom, għall-ġid tas-soċjetà. Il-promozzjoni vera tal-mara titlob li x-xogħol ikun ippjanat b’mod li, il-mara, biex timxi ‘l quddiem, ma jkollhiex għalfejn tiċħad in-natural proprju tagħha, bi ħsara tal-familja li fiha, bħala l-omm, ħadd qatt ma jista’ jieħu postha.

Barra s-salarju, għall-ħarsien tal-ħajja u tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-familja tagħhom, hemm ukoll għadd ta’ benefiċċji soċjali. L-ispejjeż li wieħed irid jagħmel għal saħħtu, speċjalment f’każ ta’ korriment fuq ix-xogħol, jitolbu li l-ħaddiema jkollhom bla tfixkil u malajr l-għajnuna kollha meħtieġa għall-kura u kemm jista’ jkun, bl-irħis jew b’xejn. Qasam ieħor ta’ benefiċċji soċjali hu d-dritt għall-mistrieħ. Dan l-ewwelnett ifisser il-mistrieħ ġurnata fil-ġimgħa, almenu l-Ħadd, u wkoll mistrieħ aktar fit-tul, jiġifieri vaganzi darba fis-sena jew għadd ta’ vaganzi qsar tul is-sena. Qasam ieħor hu dritt għall-pensjoni u għall-assikurazzjoni għax-xjuħija u għall-korrimenti fuq ix-xogħol. Fi ħdan dawn id-drittijiet ewlenin, hemm imbagħad sistema sħiħa ta’ drittijiet partikulari li, flimkien mal-ħlas għax-xogħol, juru kif għandhom ikunu r-relazzjonijiet bejn il-ħaddiem u min iħaddmu. Fost dawn id-drittijiet ma għandniex inħallu barra d-dritt għall-ambjent xieraq tax-xogħol u għall-proċessi ta’ produzzjoni li ma jkunux ta’ ħsara għas-saħħa fiżika u għall-integrità morali tal-ħaddiema.

  1. L-importanza tal-“unions”

Dawn id-drittijiet kollha, u l-ħtieġa li l-ħaddiema stess iħabirku ħa jiksbuhom taw bidu għal dritt ieħor: id-dritt li l-ħaddiema jingħaqdu flimkien ħa jwaqqfu organizzazzjoni biex jiddefendu l-interessi ewlenin ta’ min iħaddem hu x’inhu dak li jagħmel fil-ħajja. Dawn l-assoċjazzjonijiet jissejħu “trade unions” jew għaqdiet tal-ħaddiema. Ħafna mill-interessi ewlenin tal-ħaddiema huma l-istess għal kulħadd: iżda, fl-istess ħin, kull sura ta’ xogħol, kull professjoni, għandha l-karattru speċifiku tagħha, li għandu juri ruħu f’dawn l-organizzazzjonijiet.

B’xi mod it-“trade unions” ġejjin mill-għaqdiet tas-snajja’ taż-żminijiet tan-nofs, għax dawn l-organizzazzjonijiet kienu għaqdiet ta’ nies tal-istess sengħa, u għalhekk għaqdiet ta’ nies skond is-sengħa li kienu jagħmlu. Iżda l-“unions” ma humiex l-istess ħaġa bħall-għaqdiet tas-snajja’ f’punt importanti: il-“unions” ta’ żmienna ħarġu mill-ġlieda tal-ħaddiema – tal-ħaddiema kollha, imma speċjalment tal-ħaddiema ndustrijali – biex jiddefendu d-drittijiet ġusti tagħhom ma min imexxi l-intrapriżi jew mas-sidien tal-mezzi tal-produzzjoni. Il-ħidma tal-“unions” hi d-difiża ta’ l-interessi tal-ħaddiema fl-oqsma kollha fejn hemm fin-nofs id-drittijiet tagħhom. Mill-esperjenza tal-istorja nitgħallmu li organizzazzjonijiet bħal dawn huma element meħtieġ ħafna għall-familja soċjali, speċjalment fis-soċjetajiet industrijalizzati tal-lum. Dan żgur ma jfissirx li l-ħaddiema ndustrijali biss għandu jkollhom assoċjazzjonijiet ta’ din is-sura. Kull min għandu mpieg jew professjoni jista’ jkollu “union” għall-ħarsien tad-drittijiet tiegħu. Hemm, għalhekk, “unions” tal-bdiewa u “unions” tal-ħaddiema ta’ l-id; hemm ukoll assoċjazzjonijiet ta’ dawk li jħaddmu. Dawn kollha, kif għidna, jinqasmu fi gruppi, u sezzjonijiet, skond l-ispeċjalizzazzjoni professjonali ta’ dak li jkun.

It-tagħlim soċjali kattoliku ma jżommx li l-“unions” huma biss rifless tal-istruttura ta’ soċjetà maqsuma fi “klassijiet” u li huma, b’xi mod, taw bidu għall-ġlieda bejn il-“klassijiet”, li minnha ma tistax teħles il-ħajja soċjali. Hu veru li huma ġabu ‘l quddiem il-ġlieda għall-ġustizzja soċjali, għad-drittijiet ġusti tal-ħaddiema skond il-professjoni jew is-sengħa ta’ kull wieħed. Imma, għandna nqisu din il-ġlieda bħala tħabrik tas-soltu “għal” dak li hu ġust: fil-każ tagħna, għal dak li jaqbel mal-ħtiġijiet u mal-merti tal-ħaddiema magħqudin flimkien skond is-sengħa tagħhom: m’hijiex “ġlieda kontra oħrajn”. Jekk fi kwistjonijiet li fuqhom ma hemmx qbil, il-ġlieda tieħu sura ta’ oppożizzjoni kontra oħrajn, dan jiġri biex isseħħ il-ġustizzja soċjali, u mhux għall-gost tal-“glieda” jew bil-ħsieb li jitwarrab min-nofs min hu kontra. Ix-xogħol, bħala karattaristika ewlenija tiegħu, għandu li jgħaqqad in-nies, u f’dan hi l-qawwa soċjali tax-xogħol: il-qawwa li jwaqqaf komunità. F’din il-komunità, fl-aħħar mill-aħħar, għandhom jingħaqdu flimkien kemm il-ħaddiema u kemm dawk li għandhom f’idejhom il-mezzi tal-produzzjoni jew huma s-sidien tagħhom. Jekk inqisu din l-istruttura fondamentali tax-xogħol hu liema hu, jekk inqisu li, fl-aħħar mill-aħħar, “ix-xogħol” u l-”kapital”, it-tnejn flimkien, meħtieġa għall-proċess kollu tal-produzzjoni hi liema hi s-sistema soċjali, l-għaqda tal-ħaddiema flimkien biex jiddefendu d-drittijiet tagħhom, għaqda ġejja mill-ħtieġa tax-xogħol innifsu, tibqa’ dejjem fattur ta’ ordni soċjali u ta’ solidarjetà, bejn il-bnedmin, fattur li ma tistax tinjorah.

Fl-isforzi ġusti għall-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema magħqudin flimkien minħabba l-istess professjoni jew sengħa tagħhom, għandu dejjem jitqies safejn twassal u x’inhu l-għan tal-għaqda ekonomika kollha tal-pajjiż. It-talbiet tal-“unions” ma għandhomx jieħdu sura ta’ “egoiżmu” ta’ grupp jew ta’ klassi, għalkemm dejjem għandhom, u jmisshom, iħabirku bil-għan ukoll li jikkorieġu – bil-ħsieb li jinkiseb il-ġid ta’ kulħadd fis-soċjetà kollha kemm hi – kull ma jidher mhux sewwa fis-sistema tal-proprjetà tal-mezzi ta’ produzzjoni jew fil-mod kif jitmexxew. Il-ħajja soċjali u l-ħajja soċjo-ekonomika nistgħu nqisuha bħala sistema ta’ “reċipjenti magħqudin ma’ xulxin” biex kull ħidma soċjali li bħala għan għandha li tħares id-drittijiet partikulari ta’ xi grupp, trid tadatta ruħha għal din is-sistema.

F’dan is-sens, il-ħidma tal-“unions” tidħol fil-kamp tal-politika, li għandna nifhmuha bħala tħassib għaqli għall-ġid ta’ kulħadd. Iżda x-xogħol tal-“unions” m’huwiex li “jagħmlu ħidma politika”, kif ħafna jifhmuha llum. L-“unions” ma għandhomx is-sura ta’ “partiti politiċi” li qegħdin jiġġieldu għall-poter; ma għandhomx ikunu soġġetti għad-deċiżjonijiet tal-partiti politiċi jew ikollhom rabtiet stretti ħafna magħhom. Meta dan jiġri, l-“unions” faċilment jitbegħdu mill-ħidma proprja tagħha, li hi l-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema waqt li jitqies il-ġid ta’ kulħadd fis-soċjetà kollha kemm hi; inkella jsiru strumenti biex jintużaw għal skopijiet oħra.

Meta nitkellmu fuq il-ħarsien tad-drittijiet ġusti tal-ħaddiema skond il-professjoni jew is-sengħa proprja ta’ kull wieħed, għandna dejjem inżommu quddiem għajnejna x’inhu dak li jiddetermina l-karattru soggettiv tax-xogħol f’kull professjoni jew sengħa li tkun, u, fl-istess ħin, anzi qabel kollox, x’inhu dak li jikkondizzjona d-dinjità speċifika ta’ min jagħmel ix-xogħol. L-“unions”, hawn, għandhom quddiemhom x’jistgħu jagħmlu, wkoll fil-ħidma għat-tagħlim u l-edukazzjoni tal-ħaddiema u biex iġġib ‘il quddiem l-edukazzjoni tal-ħaddiema minnhom infushom. Ta’ ġid kbir hi l-ħidma tal-iskejjel magħrufin bħala “universitajiet tal-ħaddiema” jew “tal-poplu” u l-programmi u l-korsijiet ta’ taħrig li żviluppaw u qegħdin jiżviluppaw f’dan il-qasam ta’ ħidma. Ta’ min jittama dejjem li bit-tħabrik tal-“unions” tagħhom, il-ħaddiema mhux biss ikollhom aktar imma fuq kollox ikunu aktar dak li huma: fi kliem ieħor, li l-ħaddiema jilħqu, dejjem aktar u f’kollox, il-milja tan-natura tagħhom ta’ bnedmin li huma.

Metodu wżat mill-“unions” biex jiksbu d-drittijiet tal-membri tagħhom huwa l-istrike, jew il-waqfien mix-xogħol, bħala “ultimatum” lil min hu responsabbli, u, l-aktar, lil min iħaddem. Dan il-metodu, it-tagħlim soċjali kattoliku jirrikonoxxih bħala leġittimu jekk ikun hemm il-kondizzjonijiet meħtieġa u jsir f’limiti ġusti. Jeħtieġ għalhekk li l-ħaddiema jkollhom id-dritt li jistrajkjaw mingħajr ma jiġu, mbagħad, penalizzati għax ħadu sehem fl-istrike. Iżda waqt li għandna nammettu li l-istrike jibqa’ f’xi sens, mezz estrem, l-aħħar mezz li għandu jintuża. L-istrike ma għandux jintuża ħażin, ma għandux isir abbuż minnu l-aktar għal skopijiet “politiċi”. Barra dan ma għandux jintesa qatt li, fejn jidħlu servizzi essenzjali għall-komunità ċivili, dawn għandhom ikunu dejjem assigurati, ukoll, jekk ikun meħtieġ, il-miżuri legali apposta. L-użu bla rażan tal-istrike jista’ jwassal għall-waqfien sħiħ, għall-paraliżi, tal-ħajja soċjo-ekonomika kollha kemm hi; u dan imur kontra dak li jeħtieġ il-ġid ta’ kulħadd fis-soċjetà, ġid li jaqbel ukoll man-natura stess tax-xogħol innifsu jekk nifhmuha sewwa.

  1. Id-dinjità tax-xogħol tal-biedja

Kull ma għidna sa issa fuq id-dinjità tax-xogħol, fuq id-dimensjoni oġġettiva u soġġettiva tax-xogħol tal-bniedem, nistgħu ngħiduh kollu kemm hu għax-xogħol tal-biedja u għall-qagħda ta’ dawk li jaħdmu l-art bix-xogħol iebes fl-għelieqi. Dan hu qasam tassew kbir ta’ xogħol fid-dinja, qasam mhux marbut ma’ xi kontinent wieħed biss, u lanqas hu marbut biss ma’ soċjetajiet li ġa kisbu ċertu livell ta’ żvilupp u ta’ progress. Id-dinja tal-biedja, li tagħti lis-soċjetà dak li teħtieġ għall-għixien ta’ kuljum, hi ta’ mportanza fondamentali. Il-qagħda tan-nies tal-kampanja u tax-xogħol tal-biedja, ivarja minn post għall-ieħor, u l-qagħda soċjali tal-bdiewa m’hijiex l-istess f’kullimkien. Dan jiddependi mhux biss mill-grad tal-iżvilupp tat-teknoloġija fil-biedja, imma wkoll, u forsi l-aktar, mill-għarfien tad-drittijiet ġusti tal-bdiewa u, fl-aħħarnett, minn kemm wieħed qiegħed jintebaħ b’dak li titlob l-etika soċjali tax-xogħol. Ix-xogħol tal-biedja hu iebes ħafna: jitlob sforz fiżiku kontinwu li xi kultant tassew jifni, mhux apprezzat mis-soċjetà, tant li l-bdiewa jħossu ruħhom mitfugħn fi grad inqas fis-soċjetà u dan qiegħed iħaffef it-tluq tagħhom mill-kumpanija għall-ibliet fejn, sfortunatament, isibu kondizzjonijiet ta’ ħajja li aktar ibaxxulhom id-dinjità tagħhom ta’ bnedmin. Żied ma’ dan in-nuqqas ta’ taħriġ professjonali xieraq u ta’ strumenti adatti, it-tixrid ta’ ċertu individwaliżmu, fost il-bdiewa li jaħsbu biss għal rashom, u wkoll qagħdiet fihom infushom inġusti. F’ċerti pajjiżi li għadhom jiżviluppaw, eluf ta’ eluf ta’ nies ikollhom jaħdmu l-art ta’ ħaddieħor u huma sfruttati minn sidien ta’ artijiet kbar, mingħajr ebda tama li qatt ikunu jistgħu jsiru sidien ta’ biċċa art li jkunu jistgħu jgħidu li hi tagħhom. Hemm ukoll nuqqas ta’ assigurazzjoni soċjali għall-bdiewa u għall-familji tagħhom fil-każ tax-xjuħija, mard jew qgħad. Ġranet twal ta’ xogħol iebes jitħallsu bil-ħbub. Art li tista’ tiġi mħaddma, titħalla mitluqa mis-sidien tagħha. Id-dritt leġittimu ta’ proprjetà ta’ xi għalqa li wieħed ikun ħadem għal ħafna snin ma jitqies xejn jew ma jiġix imħares mir-“rebgħa għall-art” ta’ nies jew gruppi ta’ nies li għandhom setgħa u qawwa kbira. Iżda wkoll f’pajjiżi ekonomikament żviluppati, fejn ir-riċerka xjentifika, il-progress teknoloġiku u l-politika tal-Istat wasslu ħafna ‘l quddiem il-livell tal-biedja, id-dritt għax-xogħol jista’ jinkiser meta l-bdiewa jiġu mċaħħda milli jkollhom sehem fid-deċiżjonijiet dwar xogħolhom jew meta huma mċaħħdin mid-dritt li jingħaqdu flimkien bil-ħsieb li jġibu ‘l quddiem il-qagħda soċjali, kulturali u ekonomika tagħhom.

F’ħafna sitwazzjonijiet, għalhekk, hu meħtieġ tibdil sħiħ u malajr biex il-biedja – u l-bdiewa – tiġi stmata bħal qabel bħala l-pedament ta’ ekonomija f’saħħitna, fl-iżvilupp sħiħ tal-komunità soċjali kollha kemm hi. Għalhekk jeħtieġ tixxandar u tiġi ‘l quddiem id-dinjità tax-xogħol, ta’ kull xorta ta’ xogħol, imma l-aktar tax-xogħol tal-biedja, li bih il-bniedem b’mod hekk tal-għaġeb “jaħkem” fuq l-art li Alla tah bħala don, u hekk iwettaq “is-setgħa tiegħu” fuq id-dinja li naraw.

  1. L-inkapaċitat u x-xogħol

Dan l-aħħar, komunitajiet nazzjonali u organizzazzjonijiet internazzjonali bdew jaħsbu fuq kwistjoni oħra li għandha x’taqsam max-xogħol, kwistjoni li hi marbuta ma’ ħafna ħwejjeġ oħra: il-kwistjoni tal-inkapaċitati. Dawn huma wkoll bnedmin b’għadd ta’ drittijiet qaddisa, ġejjin min-natura tagħhom ta’ bnedmin, li għandhom jibqgħu bla mittiefsa u, minkejja n-nuqqasijiet u t-tbatija li bihom l-inkapaċitati huma mġarrbin f’ġisimhom u fil-fakultajiet tagħhom, juru aktar ċar id-dinjità u l-kobor tal-bniedem. L-inkapaċitati huma bnedmin li jgawdu d-drittijiet kollha li għandu kull bniedem u għalhekk għandhom dritt għall-għajnuna biex jieħdu sehem sħiħ, sa fejn jistgħu, fil-ħajja kollha tas-soċjetà fl-aspett u fil-livelli kollha tagħha. L-inkapaċitati hu wieħed minna, u għandu sehem mill-istess natura tagħna l-bnedmin kollha kemm aħna. Tkun ħaġa bl-ebda mod tixraq lill-bniedem, u tkun iċ-ċaħda ta’ l-istess natura tagħna l-bnedmin, jekk aħna nilqgħu fil-ħajja tal-komunità u ndaħħlu għax-xogħol, biss dawk li m’humiex bl-ebda mod inkapaċitati. Jekk nagħmlu ħaġa bħal din, inkunu nagħmlu diskriminazzjoni ta’ sura kerha ħafna, dik ta’ min hu qawwi u b’saħħtu kontra min hu dgħajjef u marid. Ix-xogħol fih innifsu, f’dan il-każ ukoll, għandu jkun subordinat għad-dinjià tal-bniedem, għal min jagħmel ix-xogħol u mhux għall-qligħ ekonomiċi.

Il-gruppi kollha li għandhom x’jaqsmu mad-dinja tax-xogħol, kemm min iħaddmu direttament u kemm min iħaddem indirettament, għandhom, għalhekk, permezzz ta’ miżuri tajbin u f’waqthom, iġibu ‘l quddiem id-drittijiet tal-inkapaċitati għal taħriġ fi professjoni u għax-xogħol, biex jingħatalhom xogħol produttiv li jgħodd għalihom. Hawn niltaqgħu ma’ ħafna problem prattiċi, ta’ sura legali u ekonomika; iżda l-komunità, jiġifieri, l-awtorità pubblika, l-assoċjazzjonijiet u s-sezzjonijiet tagħhom, l-intrapriżi tan-negozju u l-stess inkapaċitati għandhom iqabblu bejniethom il-fehmiet tagħhom u jgħaqqdu flimkien il-mezzi li għandhom biex jinkiseb dan il-għan li ma nistgħux na]arbu minnu: l-inkapaċitat għandu jingħatalu xogħol skond il-kapaċitajiet tiegħu, għax dan titlob id-dinjità tiegħu ta’ bniedem li hu ta’ bniedem li jaħdem. Kull komunità għandha jkollha strutturi xierqa li jkunu jistgħu jsibu u joħolqu xogħol bħal ta’ ħaddieħor jew adatt għal dawn l-inkapaċitati kemm f’intrapriżi u ambjenti speċjali maħluqin għalihom.

Għandu jkun hemm attenzjoni speċjali għall-kundizzjonijiet fiżiċi u psikoloġiċi tax-xogħol tal-inkapaċitati, bħalma għandu jkun hemm għall-ħaddiema kollha; għandu jingħatalhom ħlas xieraq tax-xogħol li jagħmlu, ikunu jistgħu li javvanzaw, u għandu jitneħħilhom kull ma jista’ jkunilhom ta’ tfixkil. Mingħajr ma naħbu li din hi ħaġa tqila u komplikata, għandna nittamaw li fehma ta’ x’inhu x-xogħol f’min jagħmlu, twassal għall-qagħda li fiha l-inkapaċitat ikun jista’ jħoss li mhux maqtugħ mid-dinja tax-xogħol u li ma jiddependix għal kollox mis-soċjetà, imma li hu bniedem bl-istess drittijiet bħall-bnedmin l-oħra, li jiswa għal xi ħaġa, li hu rispettat minħabba d-dinjità tiegħu ta’ bniedem li hu, li hu msejjaħ biex jagħti sehmu għall-progress u għall-ġid tal-familja u tal-komunità tiegħu skond il-kapaċitajiet li għandu.

  1. Ix-xogħol u l-kwistjoni tal-emigrazzjoni

Fl-aħħarnett irridu ngħidu xi ħaġa wkoll fuq il-problema ta’ dawk li jemigraw biex ifittxu x-xogħol. Dan fatt li ġej mill-qedem, li baqa’ jiġġedded u għadu mxerred ħafna minħabba l-ħajja kkomplikata tal-lum. Il-bniedem għandu d-dritt iħalli art twelidu għal ħafna raġunijiet – u għandu d-dritt jerġa lura wkoll – biex ifittex kondizzjonijiet aħjar ta’ ħajja f’pajjiż ieħor. Dan mhux nieqes minn diffikultajiet ta’ kull xorta. Fuq kollox hu telf għall-pajjiż li minnu jitlaq. Jitlaq bniedm, li hu membru ta’ komunità kbira magħquda ħaġa waħda mill-istorja, mit-tradizzjoni u mill-kultura, biex jibda ħajja ġdida f’soċjetà oħra magħquda ħaġa waħda b’kultura li mhux dik tiegħu u, spiss ukoll, b’ilsien li mhux l-ilsien tiegħu. Jintilef bniedem li jaħdem, li bix-xogħol u d-dehen tiegħu seta’ jagħti sehmu għall-ġid ta’ kulħadd f’pajjiżu, u issa l-isforzi tiegħu, il-kontribut tiegħu, se jagħtihom lil soċjetà oħra, li f’ċertu sens għandha inqas dritt għalihom milli għandha art twelidu.

Iżda wkoll jekk l-emigrazzjoni taħt xi aspetti hi deni, f’ċerti ċirkostanzi hi, kif jingħad, deni meħtieġ. Għandu jsir kull ma jista’ jsir – u ħafna qiegħed isir b’dan il-għan – biex dan id-deni, din il-ħsara ma ġġibx ħsara morali akbar; iżda għandu jsir kull sforz biex tkun ta’ ġid għall-emigrant innifsu, għall-familja tiegħu u għall-ħajja soċjali tiegħu, kemm fil-pajjiż fejn sejjer u kemm il-pajjiż li se jħalli. F’dan il-qasam ħafna jiddependi minn liġijiet ġusti, speċjalment dawk dwar id-drittijiet tal-ħaddiema. Ħi ħaġa ċara li dan il-problema, għandu x’jaqsam ma’ l-enċiklika, speċjalment f’din il-ħaġa.

L-aktar ħaġa mportanti hi li l-bniedem li jkun jaħdem ‘il bogħod minn pajjiżu kemm jekk ħalla pajjiżu għal dejjem, u kemm jekk imur jaħdem f’pajjiż ieħor kull sena għal xi żmien matul is-sena, qatt ma għandu jsib ruħu f’qagħda agħar minn dik tal-ħaddiema l-oħra f’dak il-pajjiż, f’dak li għandu x’jaqsam drittijiet tiegħu bħala bniedem. L-emigrazzjoni għat-tfittix tax-xogħol qatt ma għandha tkun okkażjoni ta’ sfruttament finanzjarju jew morali. Ir-relazzjonijiet fuq ix-xogħol għandu jkollhom l-istess kriterji kemm għall-ħaddiem emigrant u kemm għall-ħaddiema l-oħra kollha tal-pajjiż li jkun. Is-siwi tax-xogħol għandu jitqies skond ix-xogħol li jkun u mhux skond in-nazzjonalità jew ir-reliġjon jew ir-razza tal-ħaddiem li jkun. Aktar u aktar ma għandhiex tiġi sfruttata l-qagħda ta’ bilfors li fiha jsib ruħu l-emigrant. Dawn iċ-ċirkustanzi kollha jridu jitwarrbu min-nofs darba għal dejjem, u jitqiesu biss il-kwalifiki speċjali li l-ħaddiem jista’ jkollu, u s-siwi fondamentali tax-xogħol li hu marbut mad-dinjità tal-bniedem bħala persuna. Ikollna ninsistu għal darb’oħra fuq dan il-prinċipju fondamentali: il-ġerarkija tal-valuri u l-sistess it-tifsir għoli tax-xogħol jitolbu li l-”kapital” għandu jkun għall-qadi tax-xogħol u mhux ix-xogħol għall-qadi tal-”kapital”.

 

 

KAPITLU V

ELEMENTI GĦAL SPIRITWALITÀ TAX-XOGĦOL

  1. Ħidma partikolari tal-Knisja

ĦAĠA SEWWA li fl-aħħar taqsima ta’ dawn il-ħsibijiet fuq ix-xogħol tal-bniedem fl-okkażjoni tad-disgħin sena tal-enċiklika Rerum novarum, jitkellmu fuq l-ispirtwalità tax-xogħol f’sens nisrani. Ix-xogħol meta nqisuh soġġettivament, jiġifieri min-naħa tal-bniedem li jagħmlu, hu l-ħidma ta’ persuna actus personae, tal-bniedem kollu kemm hu, bir-ruħ u l-ġisem, sew jekk hu xogħol ta’ l-id u sew jekk xogħol tal-moħħ. Lill-bniedem sħiħ ukoll tingħad il-Kelma ta’ Alla l-ħaj, il-bxara t-tajba tas-salvazzjoni li, fiha nsibu ħafna tagħlim dwar ix-xogħol tal-bniedem li jitfa’ dawl kbir fuqu. Jeħtieġ li dan it-tagħlim ikun magħruf sewwa: meħtieġ sforz mir-ruħ tal-bniedem, immexxija mill-fidi, it-tama u l-imħabba, biex, b’dan it-tagħlim, ix-xogħol ta’ kull bniedem ikollu t-tifsir li għandu quddiem Alla, u li bih kull bniedem jissieħeb fil-pjan tas-salvazzjoni flimkien ma dak kollu li hu meħtieġ għalih, li, għalkemm tas-soltu, hu mportanti ħafna.

Il-Knisja tħoss li hu dmirha tqis ix-xogħol bħala valur tal-bniedem u ta’ l-ordni morali li għandu, u tqis dan bħala waħda mill-ħidmiet l-importanti tagħha hija u taqdi l-Evanġelju kollu kemm hu. Fl-istess ħin tara li hu dmir partikolari tagħha tfassal spirtwalità tax-xogħol ħa tgħin lill-bnedmin, biex, b’xogħolhom, jersqu aktar qrib Alla, li ħalaqhom u fdiehom, ħa jissieħbu fil-pjan tiegħu għas-salvazzjoni tal-bniedem u tad-dinja u jsaħħu l-ħbiberija ma’ Kristu f’ħajjithom billi jissieħbu b’fidi ħajja fil-missjoni tiegħu ta’ saċerdot profeta u sultan, kif igħallem hekk tajjeb il-Konċilju Vatikan II.

  1. Ix-xogħol bħala tisħib fil-ħidma ta’ Alla l-ħallieq

Kif igħid il-Konċilju Vatikan II, “Il-bniedem sew waħdu sew flimkien ma’ l-oħrajn, dejjem tħabat u fittex li jkollu kondizzjonijiet aħjar għall-ħajja. Dan it-tħabrik bla qies, jekk inħarsu lejh fih innifsu jaqbel sewwa mal-pjan ta’ Alla, kif jaf kull nisrani. Għax Alla meta ħalaq il-bniedem fuq ix-xbieha tiegħu, ordnalu biex jaħkem fuq l-art b’kull ma fiha, imexxi d-dinja fis-sewwa u bil-qdusija, u jorbot lilu nnifsu u l-ħolqien kollu ma’ Alla, li hu għandu jagħarfu bħala s-Sid li ħalaq kollox. B’hekk jiġri li permezz tal-ħakma tal-bniedem fuq il-ħlejjaq kollha, l-isem ta’ Alla ikun tal-għaġeb fl-art kollha”[27].

Fil-kelma ta’ Alla nsibu l-verità fondamentali l-bniedem maħluq skond ix-xbieha ta’ Alla, b’xogħlu għandu sehem fil-ħidma tal-Ħallieq, u li jista’, skond il-kapaċitajiet tiegħu ta’ bniedem li hu, b’xi mod ikompli jġib ‘il quddiem din il-ħidma u jtejjibha aktar ma jsib il-ġid u l-għana li qiegħed moħbi fil-ħolqien kollu. Din il-verità nsibuha fil-bidu stess tal-Iskrittura, fil-ktieb tal-Ġenesi, fejn il-ħidma stess tal-ħolqien hi mfissra bħala”xogħol” magħmul minn Alla f’sitt ijiem”[28], u “mistrieħ” fis-seba’ jum[29]. Barra dan, l-aħħar ktieb tal-Iskrittura juri qima għal dak li Alla għamel bix-“xogħol” tiegħu, meta jtenni: “Kbar u ta’ l-għaġeb l-għemejjel tiegħek, Mulej Alla li tista’ kollox”[30]; hekk ukoll jagħmel il-Ktieb tal-Ġenesi, li jagħlaq id-deskrizzjoni ta’ kull ġurnata tal-ħolqien bil-kliem “U Alla ra li kollox kien sew” [31].

Id-deskrizzjoni tal-ħolqien, li nsibu fl-ewwel kapitlu tal-Ktieb tal-Ġenesi, hi wkoll, f’ċertu sens, l-ewwel “evanġelju tax-xogħol”. Turi x’inhi d-dinjità tax-xogħol: tgħallem li l-bniedem imissu jixbaħ ‘l Alla, li ħalqu, huwa u jaħdem, għax il-bniedem waħdu hu maħluq skond ix-xbieha ta’ ALLA. Il-bniedem għandu jixbaħ ‘l Alla kemm fix-xogħol u kemm fil-mistrieħ, għax Alla stess ried juri l-ħidma tiegħu fil-ħolqien bħala xogħol u mistrieħ. Il-ħidma ta’ Alla fid-dinja tibqa’ sejra kif jixhdilna Kristu stess: “Missieri għadu sa issa jaħdem…”[32], jaħdem bil-qawwa tiegħu li ssalva fil-qlub ta’ dawk li mill-bidu iddestinahom għall-“mistrieħ”[33] maqgħudin miegħu f’”dar Missieru”[34]. Għalhekk ix-xogħol tal-bniedem ma jitlobx biss mistrieħ kull “seba jum”[35], lanqas jista’ jkun biss eżerċizzju tas-saħħa tal-bniedem f’ħidma barra minnu; il-bniedem irid iħejji wkoll fih innifsu xi mkien fejn jista dejjem aktar ikun dak li jmissu jkun skond ir-rieda ta’ Alla, biex iħejji ruħu għal dak “il-mistireħ” li Alla għandu merfugħ għall-qaddejja u l-ħbieb tiegħu[36].

Il-fehma li x-xogħol tal-bniedem hu tisħib fil-ħidma ta’ Alla għandha, kif jgħallimna l-Konċilju, kull xorta ta’ ħidma li l-bniedem jagħmel kuljum. “Għax sew l-irġiel u sew in-nisa, meta jitħabtu għall-għajxien tagħhom u tal-familja, bil-ħsieb li jaqdu dmirhom lejn is-soċjetà kif imiss, għandhom il-jedd kollu biex jifhmu li, bil-ħidma tagħhom, qegħdin jissoktaw l-opra tal-Ħallieq, ifittxu r-riżq ta’ ħuthom il-bnedmin l-oħra, u bit-tħabrik personali tagħhom jagħtu sehemhom biex il-pjan ta’ Alla jseħħ fl-istorja”[37].

L-ispiritwalità nisranija tax-xogħol għandha tkun wirt li jinqasam bejn kulħadd: l-aktar fiż-żmien tal-lum, l-ispiritwalità tax-xogħol għandha turi dak il-kobor li jitolbu t-tensjonijiet u l-inkwiet tal-moħħ u tal-qalb. Ma għandhomx jaħsbu “l-insara li l-opri tad-dehen u l-ħila tal-bniedem ma għandhomx x’jaqsmu mal-qawwa ta’ Alla, u anqas ma għandhom iqisu l-bniedem bħallikieku kien xi rival ta’ Alla; mhux biss, imma aktar imisshom idaħħlu f’moħħhom li r-rebħiet tal-bniedem huma xhieda tal-kobor ta’ Alla, u huma miksubin skond il-pjan għoli tal-Ħallieq. Għaliex aktar ma tikber is-setgħa tal-bniedem, aktar tiżdied ir-responsabbiltà tiegħu bħala ndividwu u fil-komunità…Il-messaġġ nisrani ma hu ta’ ebda xkiel għall-bniedem biex jibni d-dinja u anqas ma jġiegħelu jneħħi minn ħsiebu l-ġid tal-proxxmu, anzi jorbtu iżjed biex jagħmel dawn il-ħwejjeġ bħala dmir”[38].

L-għarfien li permezz tax-xogħol il-bniedem jissieħeb fil-ħidma tal-ħolqien hi r-raġuni l-aktar għolja li għandha ġġiegħelu jidħol għax-xogħol fl-oqsma kollha tiegħu. Naqraw fil-Kostituzzjoni Lumen gentium: L-insara għandhom għalhekk ikunu jafu x’inhi n-natura sħiħa, is-siwi u l-għan ta’ kull ħaġa maħluqa għall-glorja ta’ Alla, u għandhom igħinu ‘l xulxin biex igħixu ħajja aktar qaddisa wkoll permezz ta’ għemil f’din id-dinja, biex id-dinja timtela bl-ispirtu ta’ Kristu u b’mod aqwa tikseb l-għan tagħha fil-ġustizzja, l-imħabba u s-sliem…Bil-ħila u bil-ħidma tagħhom fl-oqsma kollha tax-xogħol fid-dinja, imwettqin fir-ruħ bil-grazzja ta’ Kristu, jagħtu s-sehem sħiħ tagħhom biex il-ġid maħluq kollu, skond ir-rieda tal-Ħallieq u fid-dawl tal-Verb tiegħu, jitjieb dejjem aktar bix-xogħol tal-bniedem, bil-ħila teknika u bil-kultura ċivili…”[39].

  1. Kristu, il-bniedem tax-xogħol

Din il-verità, jiġifieri li l-bniedem bix-xogħol tiegħu jissieħeb ma’ Alla l-Ħallieq, fil-ħidma tiegħu, kisbet għarfien tassew tal-għaġeb minn Ġesù Kristu, minn dak Ġesù li dwaru ħafna li semgħuh għall-ewwel darba f’Nazaret “bdew jistagħġbu u jgħidu: “Mnejn kisbu dan kollu? U x’inhu dan l-għerf li ngħatalu…. Dan m’huwiex il-mastrudaxxa?”[40]. Kristu mhux biss kien ixandar “il-Bxara t-tajba” fdata lilu, il-kelma ta’ l-Għerf ta’ dejjem, imma wettaqha qabel b’għemilu. Għalhekk dan kien ukoll “l-Evanġelju tax-xogħol” għax min ħabbru kien hu wkoll bniedem tax-xogħol, mastrudaxxa bħal Ġużeppi ta’ Nazaret[41]. Għalkemm fi kliemu ma nsibux ebda kmandament speċjali dwar ix-xogħol – anzi nsibu projbizzjoni li wieħed ma għandux iħabbel rasu żżejjed dwar ix-xogħol u l-ikel[42] – il-ħajja stess li Kristu għex titkellem ċar biżżejjed biex ma jkollniex dubju dwar it-tifsir tagħha: kien wieħed mid-“dinja tax-xogħol” u kellu għarfien u rispett kbir għax-xogħol tal-bniedem; anzi nistgħu nżidu wkoll li kien iħares b’imħabba lejn ix-xogħol, u lejn is-suriet kollha tiegħu, u f’kull sura kien jara xi dehra tax-xebħ tal-bniedem ma’ Alla l-Missier u l-Ħallieq. Mhux hu qal: “Missieri huwa l-bidwi”[43], u b’mod diversi jpoġġi fit-tagħlim tiegħu din il-verità fondamentali, li nsibu ġa mfissra fit-tradizzjoni kollha tal-Patt il-Qadim, ibda mill-Ktieb tal-Ġenesi?

Fil-Kotba tal-Patt il-Qadim hemm għadd kbir ta’ riferenzi għax-xogħol u għall-ħafna snajja’ u professjonijiet tal-bniedem: jissemma, biex inġibu xi eżempji, it-tabib[44], l-ispiżjar[45], l-imgħallem u l-artista[46], il-ħaddied[47], u l-fuħħar[48] – ma’ dan nistgħu ngħoddu ‘l dawk li llum jaħdmu fil-fonderiji, il-bidwi[49], l-istudjuż[50], il-baħħar[51], il-bennej[52], il-mużiċista[53], ir-ragħaj[54] u s-sajjied[55]. Magħruf ukoll il-kliem sabiħ li jingħad għax-xogħol tal-mara[56]. U Ġesú Kristu fil-parabboli tiegħu fuq is-Saltana ta’ Alla kontinwament ifakkar ix-xogħol tal-bniedem: ix-xogħol tar-ragħaj[57] tal-bidwi[58], tat-tabib[59], taż-żerriegħ[60], tas-sid[61], tal-qaddej[62], ta’ l-amministratur[63], tas-sajjied[64], tan-negozjant[65], u tal-ħaddiem[66]. Jitkellem ukoll fuq il-ħafna xogħlijiet tan-nisa[67]. Ifisser ix-xogħol tal-appostolat bħala x-xogħol tal-ħaddiema fil-ħsad[68] jew tas-sajjieda[69]. Isemmi wkoll ix-xogħol tal-għorrief[70].

It-tagħlim ta’ Kristu fuq ix-xogħol, ibbażat fuq l-eżempju tal-ħajja li għadda tul is-snin tiegħu f’Nazaret, hu mtenni b’mod tassew ħaj fit-tagħlim ta’ l-Appostlu San Pawl. Jiftaħar San Pawl bis-sengħa tiegħu (aktarx dik ta’ min jagħmel it-tined)[71], u minħabba f’hekk kien jista’ bħala appostlu jaqla’ ħobżu bil-ħila tiegħu biss:[72] “il-ħobż li kilna ħadd ma tahulna b’xejn: imma lejl u nhar ħdimna u tħabatna biex ma nkunu ta’ piż għal ħadd minnkom”[73]. Minn hawn ġej it-tagħlim tiegħu dwar ix-xogħol, tagħlim mogħti issa bħala esortazzjoni u issa bħala kmand. Lit-Tessalonkin jikteb hekk: “Lil dawn in-nies nordnawlhom u mwissuhom f’isem Sidna Ġesú Kristu biex jaħdmu sewwa u għajxienhom jaqilgħuh”[74]. Fl-istess silta, huwa u jinnota li xi wħud fosthom kienu “jitgħażżnu u m’humiex jaħdmu[75], ma jaħsibhiex darbtejn biex igħid: “jekk xi ħadd ma jridx jaħdem, dan anqas ma għandu jiekol”[76]. F’post ieħor, flok jordna, iwissi: “Kull ma tagħmlu għamluh minn qalbkom bħallikieku lill-Mulej u mhux lill-bnedmin; għax tafu li għad tieħdu l-ħlas li ħejja b’wirt għalikhom il-Mulej”[77].

It-tagħlim tal-Appostlu tal-ġnus – kif jidher – fiħ innifsu għandu qawwa kbira u fuqu jżomm il-moralitá u l-ispiritwalitá kollha tax-xogħol tal-bniedem. Tkompli b’mod mill-aħjar “l-Evanġelju tax-xogħol”, hekk kbir u, fl-istess ħin, hekk sempliċi u rżin, li nsibu fil-ħajja ta’ Kristu u fil-parabboli tiegħu, jiġifieri f’dak kollu li “għamel u għallem”[78].

F’dan id-dawl hekk tal-għaġeb, ħiereġ minn Dak li hu d-Dawl fih innifsu, il-Knisja dejjem xandret dak li nsibu mfisser, bil-kliem ta’ żmienna, fit-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II: “Kull ħidma tal-bniedem tiġi minnu u ssir għalih. Il-bniedem meta jagħmel xi ħaġa, mhux biss ibiddel dak li jkollu f’idejh u d-dinja ta’ madwaru imma wkoll iġib lilu nnifsu ‘l quddiem. B’hekk hu jitgħallem ħafna, itejjeb il-fakultajiet tiegħu kollha, joħroġ minnu nnifsu u jogħla ‘l fuq minnu nnifsu. Dan il-kobor tal-bniedem, jekk mifhmuh sewwa, jiswa wisq aktar minn kull ġid li wieħed qatt jista’ jaħżen…Din hi għalhekk ir-regola li għandha tmexxi kull ħidma tal-bniedem: kull ħidma tal-bniedem għandha tkun taqbel mal-veru ġid tiegħu, tkun skond il-pjan u r-rieda ta’ Alla, u tgħin il-bniedem jilħaq is-sejħa tiegħu sew bħala ndividwu sew bħala membru tas-soċjetá[79].

B’din id-dehra tas-siwi tax-xogħol tal-bniedem, jiġifieri fid-dawl ta’ din l-ispiritwalitá tax-xogħol, jikseb it-tifsir sħiħ tiegħu dak li fl-istess kapitlu tal-Kostituzzjoni pastorali tal-Konċilju naqraw dwar il-veru tifsir tal-progress: “Il-bniedem jiswa aktar b’dak li hu, milli b’dak li għandu. Jiswa wisq aktar minn kull progress tekniku, dak li jagħmel il-bniedem biex ikun hemm aktar ġustizzja fid-dinja, aktar imħabba ta’ bejn l-aħwa, u ordni aħjar u aktar xieraq f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħtiġijiet soċjali tal-bniedem. Il-progress tekniku hu meħtieġ biex il-bniedem jimxi ‘l quddiem, iżda ma jasalx biex iqanqal lill-bniedem ha jimxi ‘l quddiem”[80].

Dan it-tagħlim fuq il-problema tal-progress u tal-iżvilupp – argument li għandu mportanza kbira fil-fehma tan-nies ta’ żmienna – nistgħu nifhmuh biss bħala effett ta’ dik l-ispiritwalitá tax-xogħol tal-bniedem li ġiet ippruvata sewwa; fi spiritwalitá bħal din biss, dan it-tagħlim jista’ jseħħ fil-prattika. Dan it-tagħlim hu wkoll, fl-istess ħin, programm ta’ ħajja li għandu l-għeruq tiegħu fl-“evangelju tax-xogħol”.

  1. Xogħol il-bniedem fid-dawl tas-Salib u l-Qawmien ta’ Kristu mill-Imwiet

Hemm dehra oħra tax-xogħol tal-bniedem u dimensjoni essenzjali oħra tiegħu, li l-ispiritwalitá mibnija fuq l-Evanġelju, timlieha kollha kemm hi. Kull xogħol – sew tal-id u sew tal-moħħ – hu marbut mat-tbatija. Dan igħidu l-Ktieb tal-Ġenesi b’mod tassew iebes, meta jagħmel kuntrast bejn il-barka mogħtija fil-bidu tax-xogħol, barka marbuta mal-istess misteru tal-ħolqien u mal-progress tal-bniedem maħluq xbieha ta’ Alla, u bejn is-saħta li ġab miegħu d-dnub: misħuta l-art minħabba fik; bit-tbatija tiekol minnha tul ħajtek kollha.”[81]. Din it-tbatija, marbuta max-xogħol, turi l-mixi tal-ħajja tal-bniedem fuq l-art, u tħabbir tal-mewt: “bl-għaraq ta’ ġbinek tiekol ħobżok, sa ma terġa’ lejn l-art li minnha int imnissel…”[82]. U dan il-kliem jerġa’ jtennih kittieb ta’ wieħed mill-Kotba tal-Għerf: “Dort bi ħsiebi lejn kull ma kienu għamlu jdejja u lejn it-taħbit li tħabat biex għamiltu, u, ara, kollox frugħa”[83]. M’hemmx bniedem fuq l-art li jista’ jgħid li dan il-kliem ma jgħoddx għalih.

B’xi mod l-Evanġelju dan ukoll igħidu, bħala l-aħħar kelma tiegħu fil-misteru ta’ l-Għid ta’ Ġesú Kristu. Hawn irridu nfittxu t-tweġiba għal dawn il-problemi hekk important għall-ispiritwalitá tax-xogħol tal-bniedem. Fil-misteru ta’ l-Għid insibu s-salib ta’ Kristu, l-obbedjenza tiegħu sal-mewt, li l-Appostlu jqegħdha f’kuntrast mad-diżubbidjenza li sa mill-bidu taqqlet il-ħajja tal-bniedem fuq l-art[84]. Fil-misteru ta’ l-Għid ukoll hemm il-glorifikazzjoni ta’ Kristu li għadda mill-mewt fuq is-salib u reġa’ lura għand id-dixxipli tiegħu meta qam mill-imwiet bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

L-għaraq u t-tbatija, li x-xogħol bilfors iġib miegħu fil-qagħda tal-bniedem f’din il-ħajja, lin-nisrani, anzi lil kull bniedem imsejjaħ biex jimxi wara Kristu, jagħtuh il-mezz biex, b’imħabba, jissieħeb fil-ħidma li Kristu ġie biex jagħmel fid-dinja”[85]. L-opra tas-salvazzjoni seħħet bit-tbatija u l-mewt tas-salib. Il-bniedem għalhekk, huwa u jġarrab it-tbatija tax-xogħol flimkien ma’ Kristu msallab għalina, b’xi mod qiegħed, flimkien ma’ l-Iben ta’ Alla, iħabrek għall-fidwa tal-bnedmin kollha. Ikun qiegħed juri lilu nnifsu bħala veru dixxiplu ta’ Ġesú, iġorr kuljum salibu[86] bix-xogħol li hu msejjaħ jagħmel.

Kristu “miet għalina lkoll, midinbin, biex bl-eżempju tiegħu jgħallimna li aħna wkoll irridu nerfgħu s-salib, li n-natura tagħna u d-dinja tgħabbi fuq spallejn dawk li jħabirku għall-ġustizzja u s-sliem” u, fl-istess waqt lil “Kristu, magħmul Mulej bil-qawmien tiegħu mill-imwiet, ġiet mogħtija kull setgħa fis-sema u fl-art, bil-qawwa ta’ l-Ispirtu tiegħu hu jaħdem fi qlub il-bnedmin…u wkoll isaħħaħ, itejjeb u jwettaq ix-xewqat ħerqana ta’ dawk li jridu jagħmlu aktar tixraq lill-bnedmin il-ħajja fuq l-art, u li biex jilħqu dan il-għan, iħabirku ha jaħkmu d-dinja”[87]. In-nisrani fix-xogħol tal-bniedem isib farka mis-salib ta’ Kristu u jilqagħha bl-istess spirtu ta’ fidwa li bih Kristu laqa’ s-salib għalina. Minħabba d-dawl li bih jiddi fina l-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet, fix-xogħol dejjem naraw ħjiel ta’ dawl ta’ ħajja ġdida, ta’ ġid ġdid, li qisu jħabbrilna “smewwiet ġodda u art ġdida”[88], li fihom il-bniedem u d-dinja jissieħbu proprju bl-għejja li jġib ix-xogħol, bl-għejja li bl-ebda mod ma nistgħu neħilsu minnha.

Dan, min-naħa waħda, jwettaq il-ħtieġa tas-salib għall-ispiritwalitá tax-xogħol tal-bniedem, u, min-naħa l-oħra, juri fis-salib u t-tbatija l-ġid ġdid li jiġi mill-istess xogħol: mix-xogħol, fil-qofol kollu tiegħu u fl-aspetti kollha tiegħu u bl-ebda mod mingħajru.

Dan il-ġid ġdid – frott ix-xogħol tal-bniedem – mhux forsi qisu farka ta’ dik “l-art ġdida” fejn jgħammru l-ġusti?[89] X’rabta għandu mal-qawmien ta’ Kristu jekk hu minnu li l-ħafna taħbit tax-xogħol tal-bniedem hu farka mis-salib ta’ Kristu? Il-Konċilju jipprova jwieġeb ukoll għal din il-mistoqsija, fid-dawl tal-istess għejun tar-rivelazzjoni: “Iwissina l-Mulej li xejn ma jiswa lill-bniedem li jirbaħ id-dinja kollha u mbagħad jitlef ruhu (ara Lq 9, 25). It-tama ta’ din l-art ġdida m’għandhiex tnaqqas, iżda għandha tqawwi, it-tħabrik tagħna biex inġibu ‘l quddiem din l-art fejn issa qegħdin ngħammru, fejn qiegħda tikber il-familja ġdida tal-bnedmin, magħqudin flimkien f’ġisem wieħed, u hekk qegħdin jagħtu ħjiel, b’xi mod, ta’ żminijiet ġodda. Għalhekk, għalkemm għandna nagħżlu bejn il-mixi ‘l quddiem ta’ din id-dinja u bejn il-kobor tas-Saltna ta’ Alla fuq l-art, ma għandniex ninsew li jekk il-mixi ‘l quddiem tad-dinja se jgħin biex il-bnedmin kollha flimkien ikunu f’qagħda aħjar, dan se jkun ta’ siwi kbir għas-saltna ta’ Alla”[90].

F’dawn il-ħsibijiet fuq ix-xogħol tal-bniedem ridna nuru sewwa dak kollu li dehrilna kien meħtieġ, minħabba li bix-xogħol tal-bniedem iridu joktru fuq l-art mhux biss “il-ġid kollu li jiġi mix-xogħol tal-bniedem” imma wkoll id-dinjitá tal-bniedem, l-imħabba bejn l-aħwa u l-libertá [91]. Kull nisrani, li jisma’ l-kelma ta’ Alla l-ħaj u jsieħeb it-talb max-xogħol, jeħtieġlu jkun jaf x’post għandu x-xogħol tiegħu, mhux biss fil-progress tal-ġid ta’ l-art imma wkoll fil-kobor tas-Saltna ta’ Alla li għaliha aħna lkoll imsejħin bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu u bil-Kelma tal-Evanġelju.

Aħna u ntennu dawn il-ħsibijiet għandna pjaċir nagħtu lilkom, ħuti meqjuma, u lill-ulied għeżież kollha tagħna fil-Mulej il-barka appostolika, bħala għajnuna u rahan ta’ kull ġid mis-sema.

Din l-ittra enċiklika ħejjejtha biex toħroġ fil-15 ta’ Mejju, egħluq id-90 sena tar-Rerum novarum, iżda stajt biss nirrivediha wara li ħriġt mill-isptar.

Mogħtija minn Castel Gandolfo, fl-14 ta’ Settembru 1981, jum il-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib, fit-tielet sena tal-Pontifikat.

Joannes Paulus pp. II

Ħajr lil Ms Mary Borg għat-typing ta’ din l-enċiklika.

 

[1] . Ara Salm 127(128); 2, ara wkoll Ġen. 3:17-19; Prov. 10,22; Ex 1: 8-14; Ġer. 22,13.

[2] . Ara Ġen. 1: 26.

[3] . Ara Ġen. 1: 28.

[4] . Redemptor hominis, 14 A.A.S. 71 (1979) p.284.

[5] . Ara Salm 127(128), 2.

[6] . Ġen. 3,19

[7] . Ara Mt. 13. 52

[8]. Gaudium et Spes 38; A.A.S. 58 (1966) p 1055.

[9] . Ara Ġen. 1, 27.

[10] . Ara Ġen. 1,28.

[11] . Ara Lh. 2, 17; Fil. 2, 5-8

[12] . Ara Quadrogesimo anno,A.A.S. 23 (1931) p. 221.

[13] . Ara Dewt. 24,15; Ġak. 5,4; u wkoll Ġen. 4,10.

[14] . Ara Gen. 1,28.

[15] . Ara Ġen. 1, 26-27.

[16] . Ara Ġen. 3,19.

[17] . Lh. 6,8; ara Ġen. 3,18.

[18] . Ara Summa Theol. I-II q.40 a.l.c.; l-II q.34 a. 2 ad 1.

[19] . ibid.

[20] . Quadrogesimo anno, A.A.S. 23 (1931) p. 221-222.

[21]. Ara Ġw. 4, 38.

[22] . Fuq id-dritt tal- proprjetá, ara Summa Theol. II-II q.66 a. 2.6; De regimine principum L.I cc.15.17. Fuq il-funzjoni

soċjail tal- proprjetá, ara Summa Theol. II-II q. 134 a.l ad 3.

[23] . Ara Quadrogesimo anno. A.A.S. 23 (1391) p. 199; Gaudium et spes, A.A.S. 58 (1966) p. 1089-1090.

[24] . Mater et Magistra, A.A.S. 53 (1961) p. 419.

[25] . Ara Summa Theol. II-II q.65 a. 2.

[26] . Ara Gaudium et spes 67, A.A.S. 58 (1966 ) p. 1089

[27] . Gaudium et spes 34, A.A.S. 58 (1966) p. 1052-1053.

[28] . Ara Ġen. 2.2; Es. 20, 8.11, Dewt. 5, 12-14

[29] . Ara Ġen. 2,3.

[30] . Apok. 15, 3

[31]. Ġen. 1, 4. 10. 12. 18. 21. 25. 31.

[32] . Ġw. 5, 17.

[33] . Lh. 4, 1.9-10.

[34] . Ġw. 14, 2.

[35] . Dewt. 5, 12-14; Es. 20, 8-12.

[36] . Ara Mt. 25,21.

[37] . Gaudium et spes 34, A.A.S. 58 (1966) p. 1052-1053.

[38] . Ibid.

[39] . Lumen gentium 36, A.A.S. 57 (1965), p. 41.

[40] . Mk. 6, 2-3.

[41] . Ara Mt. 13, 55.

[42] . Ara Mt. 6, 25-34.

[43] . Ara Ġw. 15,1.

[44] . Ara Sir 28, 1-3.

[45]. Ara Sir. 38,4-8.

[46] . Ara Es. 31, 1-5; Sir. 38,27.

[47]. Ara Ġen, 4, 22; Is. 44,12.

[48] . Ara Ġer. 18, 3-4; Sir. 38, 29-30.

[49] . Ara Ġen. 9,20; Is. 5:1-2.

[50] . Ara Qoh. 12, 9-12; Sir. 39, 1-8.

[51] . Ara Salm 107 (108) 23-30; Gherf 14, 2-3a

[52] . Ara Ġen. 11, 3; 2 Slat 12: 12-13; 22: 5-6.

[53] . Ara Ġen. 4, 21.

[54] . Ara Ġen. 4: 2; 37, 3; Es. 3, 1; 1 Sam. 16, 11; passim.

[55]. Ara Ezek. 47, 10.

[56] . Ara Prov. 31, 15-27.

[57] . v.g. Ġw. 10, 1-16.

[58] . Ara Mk. 12, 1-12.

[59] . Ara Lq. 4, 23.

[60] . Ara Mk. 4, 1-9.

[61] . Ara Mt. 13, 52.

[62] . Ara Mt. 24, 45; Lq. 12, 42-48.

[63] . Ara Lq. 16, 1-8.

[64] . Mar Mt. 13, 47-50.

[65]. Ara Mt. 13, 45-46.

[66]. Ara Mt. 20, 1-16.

[67] . Ara Mt. 13, 33; Lq. 15, 8-9.

[68] . Ara Mt. 9, 37; Ġw. 4, 35-38.

[69]. Ara Mt, 4, 19.

[70]. Ara Mt. 13, 52.

[71]. Ara Atti 18, 3.

[72]. Ara Atti 20, 34-35.

[73]. 2 Tes. 3, 8; San Pawl jgħid li l-missjunarji għandhom dritt għall-għajxien: 1 Kor. 9, 6-14; Gal. 6,6; 2 Tes. 3, 9

ara Lq. 10, 7

[74]. 2 Tes. 3, 12.

[75]. 2 Tes. 3, 11.

[76]. 2 Tes. 3, 10.

[77]. Kol. 3, 23-24.

[78]. Atti 1, 1.

[79]. Gaudium et spes 35, A.A.S. 58 (1966) p. 1053.

[80]. Ibid.

[81]. Ġen. 3, 17.

[82] . Ġen. 3, 19.

[83]. Qoh. 2, 11.

[84]. Ara Rum. 5, 19.

[85]. Ara Ġw. 17, 4.

[86]. Ara Lq. 9, 23.

[87]. Gaudium et spes 38, A.A.S. 58 (1966) p. 1055-1056.

[88]. Ara 2 Piet. 3, 13; Apok. 21, 1.

[89]. Ara 2 Piet. 3, 13.

[90]. Gaudium et spes 39, A.A.S. 58 (1966) p. 1057.

[91]. Ibid.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading