Ġwanni Pawlu II dwar il-Ħniena ta’ Alla


ITTRA ENĊIKLIKA TAL-PAPA ĠWANNI PAWLU II

DIVES IN MISERICORDIA

Lill-isqfijiet, lis-saċerdoti u lill-insara kollha tal-Knisja Kattolika

dwar IL-ĦNIENA TA’ ALLA

30 ta’ Novembru 1980

Stampa l-Enċiklika kollha …

Ħuti miqjuma, uliedi egħżież,  Sliem u barka appostolika

Kapitlu I

MIN JARA LILI JARA LILL-MISSIERI (ara Ġw 14, 9)

  1. Ir-rivelazzjoni tal-ħniena

“Alla għani fil-ħniena” hu dak li Ġesù Kristu wriena bħala l-Missier: hu Ibnu stess li, fih innifsu, urihulna u għarrafulna  Dwar dan ta’ min ifakkar il-waqt li fih Filippu, wieħed mit-tnax-il Appostlu, dar lejn Ġesù u qal: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina”; u Ġesù wieġeb: “Ili daqshekk magħkom u għadek ma għarraftnix…? Min ra lili, ra lill-Missier”

Dan il-kliem intqal fid-diskors li għamel Ġesù wara l-Aħħar Ikla mad-dixxipli tiegħu biex isellmilhom, diskors li warajh seħħu l-ġrajjiet kollha ta’ dawk il-jiem imqaddsa li fihom twettaq darba għal dejjem il-fatt li “Alla għani fil-ħniena tiegħu, bis-saħħa ta’ l-imħabba li biha ħabbna, meta aħna konna mejta minħabba fi dnubietna, tana ħajja ġdida flimkien ma’ Kristu”

Fl-enċiklika Redemptor hominis imxejt fuq it-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II, għarbilt sewwa l-ħtiġijiet speċjali ta’ żminijietna u tkellimt fuq il-verità dwar il-bniedem, verità li ntweriet lilna fil-għoli kollu tagħha fi Kristu. U issa ħtieġa mhux inqas importanti għal dawn iż-żminijiet hekk iebsin u hekk kritiċi, iġġiegħelni nerġa’ nitkellem biex nerġgħu naraw fi Kristu l-ħarsa tal-Missier li hu tassew “Missier il-ħniena u Alla ta’ kull faraġ”  Naqraw fil-Kostituzzjoni Gaudium et Spes “Kristu, Adam ġdid… juri lill-bniedem innifsu kollu kemm hu u jurih f’dawl sħiħ is-sejħa għolja tiegħu”; u dan jagħmlu huwa u jurina l-misteru tal-Missier u ta’ mħabbtu  Dan il-kliem huwa xhieda ċara tal-fatt li l-bniedem ma jistax jidher fid-dinjità sħiħa tiegħu bħala bniedem mingħajr l-ebda riferenza għal Alla, u dan tarah mhux biss bil-ħsieb imma ukoll jekk tqis il-bniedem fil-ħajja sħiħa li jrid jgħix fid-dinja. Il-bniedem u s-sejħa għolja tiegħu jidhru fi Kristu permezz tar-rivelazzjoni tal-misteru tal-Missier u ta’ mħabbtu.

Għalhekk jaqbel li wieħed issa jaħseb ftit fuq dan il-misteru. Dan jitolbuh l-esperjenzi kollha li minnhom għaddejja l-Knisja u l-bniedem tal-lum. Dan jitolbuh il-qlub ta’ ħafna bnedmin, it-tbatija u l-ħerqa tagħhom, il-qtigħ il-qalb u t-tamiet tagħhom. Hu veru li kull bniedem, fih innifsu, kif għedt fl-enċiklika Redemptor hominis, hu t-triq għall-knisja, iżda fl-istess waqt, l-Evanġelju u t-tradizzjoni kollha tal-Knisja bla heda juruna li rridu nimxu minn din it-triq ma’ kull bniedem, kif Kristu stess għallimna meta wriena fih innifsu l-Missier u mħabbtu  Kull darba li f’Ġesù Kristu tinqabad din it-triq għall-bniedem, triq fdata lill-Knisja skond is-sura dejjem tidbiddel ta’ kull żmien, il-bniedem kull darba jitqarreb lejn il-Missier u mħabbtu. Il-Konċilju Vatikan II uriena kemm hu veru dan għal żminijietna.

Aktar ma l-Knisja, fil-missjoni tagħha, tieħu ħsieb il-bniedem aktar ma tkun, biex ngħidu hekk, antropoċentrika – aktar jeħtieġ titwettaq u tkun fil-fatt teoċentrika, jiġifieri, tkun kollha kemm hi mehdija fil-Missier bi Kristu. Waqt li fl-imgħoddi u issa wkoll, il-ħsieb tal-bniedem, fis-suriet kollha li wera u juri ruħu, dejjem fittex u għadu jfittex jifred minn xulxin it-teoċentriżmu u l-antropoċentriżmu u xi kultant iġibuhom kontra xulxin, il-Knisja, hija u timxi wara Kristu, tipprova tgħaqqadhom flimkien fil-ġrajja tal-bniedem, b’mod tassew sħiħ. Dan hu wieħed mill-prinċipji ewlenin, u forsi l-prinċipju l-aktar importanti, tat-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II. Għalhekk, jekk minħabba l-qagħda tal-ġrajja tal-Knisja llum inqisu d-dmir ewlieni tagħha hu li naraw li jseħħ tassew it-tagħlim kollu tal-Konċilju, irridu nimxu fuq dan il-prinċipju sħiħ tal-fidi, moħħna miftuħ, u qalbna qawwija. Fl-enċiklika Redemptor hominis ridt nuri li għandu dejjem aktar jiftaħ għal Kristu qlubna u fehmietna l-għarfien dejjem aktar sħiħ tal-Knisja nfisha minnha stess, għarfien li jagħniha dejjem aktar u li hu wkoll frott tal-Konċilju. Illum irrid nuri li l-ftuħ għal Kristu, li bħala Feddej tad-dinja “juri l-bniedem lilu nnifsu” kollu kemm hu, jista’ jinkiseb biss b’riferenza dejjem aħjar u dejjem aqwa għall-Missier u għal imħabbtu.

 

  1. L-inkarnazzjoni tal-ħniena

Għalkemm Alla “igħammar f’dawl li ħadd ma jista’ jersaq lejh” hu jkellem lill-bniedem permezz tal-ħolqien kollu: “il-kobor tiegħu li ma jidhirx, jiġifieri s-setgħa tiegħu ta’ dejjem, id-divinità tiegħu, (il-bniedem) setgħu jagħarfuh sa mill-ħolqien tad-dinja permezz tal-ħlejjaq”  Dan l-għarfien indirett u mhux perfett ta’ Alla, li jinkiseb minn min ifittex ′l Alla permezz tal-ħlejjaq u tad-dinja li naraw, mhuwiex “id-dehra tal-Missier”. “Lil Alla għadu ħadd ma rah”, jikteb San Ġwann biex aktar isaħħaħ lill-fatt li “għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla, li hu fi ħdan il-Missier”  Dan “it-tagħrif” jurina ′l Alla fil-misteru l-aktar għoli tal-eżistenza tiegħu. Alla wieħed fi tliet Persuni, imdawwar b’dawl “li ħadd ma jista’ jersaq lejh”  Madankollu b’dan “it-tagħrif” li tana Kristu, aħna sirna nafu ′l Alla fuq kollox “fl-imħabba tiegħu għall-bniedem” , fil-“filantropija” tiegħu. Hu proprju f’din l-imħabba, li tfeġġ in-natura tiegħu “li ma tidhirx” u narawha b’mod wisq aqwa milli nistgħu narawha permezz “ta’ dak kollu li sar”: narawha fi Kristu u bi Kristu, permezz ta’ l-għemejjel tiegħu u tal-kliem tiegħu, u fl-aħħarnett fil-mewt tiegħu fuq is-Salib u fil-qawmien tiegħu mill-imwiet.

B’dan il-mod, fi Kristu u bi Kristu, Alla jidher b’mod speċjali fil-ħniena tiegħu, jiġifieri f’dak l-attribut ta’ Alla li fil-kotba tal-Patt il-Qadim, permezz ta’ għadd ta’kliem u ħsibijiet hu mfisser bħala “ħniena”. Kristu jagħti tifsir sħiħ għal dejjem lit-tradizzjoni tal-Patt il-Qadim dwar il-ħniena. Mhux biss jitkellem fuqha u jfissirha permezz ta’ paraguni u parabboli, iżda fuq kollox jinkarnaha fih innifsu u b’xi mod ilibbisha persuntu, għax hu, b’xi mod, hu l-ħniena fiha nfisha. Għal min jaraha fih u jsibha bih, Alla “jidher” b’mod speċjali bħala l-Missier “għani fil-ħniena”  In-nies tal-lum, fil-fehma tagħhom, aktar forsi minn nies ta’ dari, huma kuntrarji għall-fehma ta’ xi Alla kollu ħniena, tant li jfittxu jwarrbu mill-ħajja u jħennu minn qalb il-bniedem l-istess idea ta’ ħniena. L-istess kelma ta’ “ħniena”, l-istess ħsieb qishom idejqu lil-bniedem, li, minħabba l-iżvilupp kbir li sar fix-xjenza u t-teknoloġija, li qatt ma kien hemm sa issa bħalu fl-istorja, sar sid l-art, u ħakimha  Din il-ħakma tad-dinja, li xi kull tant tiftiehem b’mod superfiċjali u b’tifsir wieħed biss, milli jidher ma tħalli ebda lok għall-ħniena. Iżda, dwar dan jaqbel insemmu kif ġiet impinġija “l-qagħda tal-bniedem fid-dinja tal-lum” fil-bidu tal-kostituzzjoni Gaudium et Spes. F’din il-kostituzzjoni naqraw dawn is-sentenzi li ġejjin: “Meta dan, id-dinja tidher li hi fl-istess ħin qawwija u dgħajfa, kapaċi tagħmel dak li hu l-aħjar u dak li hu l-agħar, u lesta biex tiftaħ it-triq għall-ħelsien u għall-jasar, għall-mixi ′l quddiem u għall-mixi lura, għall-imħabba ta’ l-aħwa u għall-mibegħda bejn l-aħwa. Il-bniedem qed jintebaħ li hu dmiru jikkontrolla l-qawwiet li jqajjem, u li jistgħu kemm jaħkmuh u kemm jaqduh

Il-qagħda tad-dinja llum mhux biss turi bidliet li jnisslu tama mhux fiergħa ta’ ġejjieni aħjar għall-bniedem fuq l-art iżda turi wkoll għadd ta’ theddid, wisq akbar milli qatt konna nobsru bih. Il-Knisja, għalkemm qatt ma tonqos li turi x’inhu dan it-theddid u ssemmieh kemm-il darba (bħalma sar bid-diskors fl-U.N.O., fl-U.N.E.S.C.O., fil-F.A.O. u f’okkażjonijiet oħra), trid dejjem tistħarrġu fid-dawl tal-verità li rċeviet mingħand Alla.

Il-verità dwar Alla, “il-Missier ta’ kull ħniena” , mgħarrfa lilna fi Kristu, tgħina “narawh” qrib ħafna għall-bniedem, u l-aktar għall-bniedem li jbati, għall-bniedem mhedded fil-qalba ta’ ħajtu u tad-dinjità tiegħu. U dan għaliex, fil-qagħda li fiha jinsabu l-Knisja u d-dinja llum, ħafna individwi u gruppi, imqanqlin minn sentiment ħaj ta’ fidi, qegħdin ifittxu, qisu minn rajhom, biex ngħid hekk, il-ħniena ta’ Alla. Huma żgur imbuttati għal dan minn Kristu stess li, bl-Ispirtu tiegħu, jaħdem fi qlub il-bniedem. Dan għaliex il-misteru ta’Alla “l-Missier ta’ kull ħniena”, mgħarraf lilna minn Kristu, fil-qagħda ta’ theddid li fiha jinsab il-bniedem tal-lum, hu qisu s-sejħa ewlenija li qiegħda ssir lill-Knisja.

B’din l-enċiklika rrid nilqa’ din is-sejħa: mill-kliem tar-rivelazzjoni u tal-fidi, kliem ta’ dejjem u fl-istess ħin – minħabba s-sempliċità u l-għoli tiegħu – kliem li ma hemmx ieħor bħalu, irrid nasal biex b’dan l-istess kliem infisser quddiem Alla u quddiem il-bnedmin kollha t-tħassib u l-qtigħ il-qalb ta’ żminijietna.

Ir-rivelazzjoni u l-fidi jwissuna biex mhux biss nimmeditaw il-misteru ta’ Alla bħala “l-Missier ta’ kull ħniena”, fih innifsu, qisu maqtugħ għal kollox mid-dinja, imma wkoll, f’isem Kristu u flimkien ma’ Kristu, infittxu din il-ħniena ta’ Alla. Ma qalilniex Kristu li Missierna “li jara dak li hu moħbi” dejjem jistenniena mmorru għandu fil-ħtiġijiet kollha tagħna, biex nifhmu l-misteru tiegħu, il-Misteru tal-Missier u ta’ mħabbtu?

Nixtieq għalhekk li dawn il-ħsibijiet tiegħi jqarrbu dejjem aktar dan il-misteru lejn kulħadd. Fl-istess ħin nixtieq li dawn il-ħsibijiet tieghi jkunu s-sejħa tal-Knisja, sejħa ħierġa mill-qalb, għall-ħniena, li d-dinja tal-lum u l-bnedmin kollha kemm huma tant jeħtieġu. Jeħtieġu l-ħniena ta’ Alla għalkemm ma jintebhux b’dan.

 

Kapitlu II

Il-MESSAĠĠ MESSJANIKU

  1. Meta Kristu beda jagħmel il-ġid u jgħallem

Lin-nies ta’ beltu, Nazaret, Ġesù fakkarhom fi kliem il-profeta Isaija: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax huwa kkonsagrani biex inwassal il-bxara it-tajba lill-fqajrin. Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, u d-dawl mill-ġdid lill-għomja. Inrodd il-ħelsien lill-imjassrin u nxandar sena tal-grazzja tal-Mulej”  Dan il-kliem, skond San Luqa, huwa l-ewwel tħabbira tiegħu bħala Messija. Wara dan il-kliem seħħ dak l-għemil kollu u dak, il-kliem li nafuh mill-Evanġelju. B’dan il-kliem u b’dan l-għemil tiegħu Kristu ġab il-Missier fost il-bnedmin. Jiswa ħafna ninnotaw li n-nies li jissemmew huma qabel xejn il-fqar, dawk li neqsin mill-meħtieġ tal-ħajja, dawk imċaħħdin mil-libertà tagħhom, dawk li għax għomja ma jistgħux jaraw il-ġmiel tal-ħolqien, dawk ta’ qalbhom maqsuma, dawk li qegħdin iġarrbu xi inġustizzja soċjali, u fl-aħħarnett il-midinbin. Huwa għal dawn in-nies l-aktar li l-Messija huwa sinjal, li malajr intebħu bih, ta’ Alla, li hu mħabba, sinjal tal-Missier Alla. In-nies ta’ żmienna – bħan-nies ta’ dari – jistgħu jaraw il-Missier f’sinjal bħal dan li jidher.

Jiswa wkoll li wieħed jiftakar li meta dawk li San Ġwann Battista bagħat għand Ġesù, resqu lejh u staqsewh: “Inti huwa dak li għandu jiġi jew nistennew lil ħaddieħor?” , weġibhom billi tahom l-istess xhieda li f”Nazaret biha ta bidu għat-tagħlim tiegħu: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li rajtu u smajtu: kif l-għomja qegħdin jerġgħu jaraw, iz-zopop jimxu, l-imġiddmin ifiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu u kif il-bxara t-tajba qiegħda tixxandar lill-fqar”; u temm kliemu billi qal: “Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija!”

Bil-mod kif għex u bl-għemil tiegħu kollu, Ġesù, għalhekk, wera kif l-imħabba tinsab fid-dinja li fiha ngħixu – imħabba ħabrieka li tqanqal il-bniedem u tħaddan dak kollu li bih il-bniedem hu bniedem. Din l-imħabba tidher fil-qawwa kollha tagħha meta tiltaqa’ mal-mard, mat-tiġrib, mal-faqar – meta tiltaqa’ mal-“qagħda tal-bniedem” tul il-ġrajja kollha tiegħu, qagħda li fis-suriet kollha tagħha turi kemm hu nieqes u dgħajjef il-bniedem, sew fir-ruħ u sew fil-ġisem. Din is-sura ta’ mħabba għal min hu tassew imġarrab, l-Iskrittura jsejħilha “ħniena”. Kristu mela juri ′l Alla, li hu Missier, li San Ġwann fl-ewwel ittra tiegħu jgħollih għax hu “Mħabba” ; Kristu juri ′l Alla bħala “għani fil-ħniena” kif naqraw fl-ittra ta’ San Pawl  Din l-verità, aktar milli hi xi suġġett ta’ tagħlim, hi fiha nfisha fatt konkret, mgħarraf u muri lilna minn Kristu. Kristu kien iħoss li l-aqwa prova tad-dmir u tal-missjoni tiegħu bħala Messija kienet il-fatt li bih il-Missier deher fost il-bnedmin bħala Mħabba u ħniena. Dan iwettqu l-kliem li qal l-ewwel darba fis-sinagoga ta’ Nazaret li mbagħad, quddiem id-dixxipli tiegħu tennih lil dawk li San Ġwann Battista kien bagħat għandu.

Għaliex ried juri ′l Alla fost il-bnedmin l-aktar bħala Missier, Imħabba u Ħniena, Ġesù għażel il-ħniena bħala wieħed mit-temi ewlenin tat-tħabbir tiegħu. Kif kienet id-drawwa tiegħu, l-ewwel għallem permezz tal-parabboli, għax b’hekk seta’ jfiehem aħjar il-qofol tan-natura ta’ kull ħaġa. Biżżejjed insemmu l-parabbola tal-iben il-ħali jew dik tas-Samaritan it-tajjeb , jew – għalkemm din hi l-maqlub tal-oħrajn – dik tal-qaddej ħażin  Fit-tagħlim ta’ Kristu niltaqgħu ma’ ħafna okkażjonijiet li fihom dejjem isib xi triq ġdida biex ifisser l-imħabba u l-ħniena. Biżżejjed inġibu quddiem għajnejna r-ragħaj it-tajjeb li jmur ifittex in-nagħġa mitlufa  L-Evanġelista li l-aktar jitkellem fuq dan huwa San Luqa, hekk li l-Evanġelju tiegħu stħaqqlu jissejjaħ “L-Evanġelju tal-ħniena”.

Meta niġu għax-xandir tal-Kelma t’Alla, niltaqgħu ma’ problema li għandha mportanza kbira, il-problema xi jfissru l-kliem u x’inhu l-ħsieb li jridu jfissru; irridu naraw l-ewwelnett x’nifhmu bil-kelma “ħniena” u kif inhi marbuta ma’ “l-imħabba”. Jekk nifhmu sewwa x’inhuma “l-ħniena” u ‘l-imħabba” jkollna f’idejna qisu muftieħ biex nifhmu verament x’inhi l-ħniena. Iżda qabel ma mmorru ′l quddiem f’din il-ħaġa, jiġifieri qabel stess ma niffissaw il-qawwa kollha tal-kliem u t-tifsir sewwa ta’ x’inhi “il-ħniena”, irridu nfakkru li Kristu, huwa u jurina l-imħabba u l-ħniena ta’ Alla, fl-istess waqt ried li n-nies f’ħajjithom kollha jkunu mmexxija mill-imħabba u l-ħniena  Dan huwa l-qofol tal-messaġġ ta’ Kristu bħala Messija, u huwa l-qalba ta’ l-ethos tal-Evanġelju. Kristu l-Imgħallem tagħna dan jurih kemm permezz tal-Kmandament li jgħidilna li hu “l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed” u permezz tal-barka li fuqha jitkellem fid-diskors tal-muntanja: “Ħenjin dawk li jħennu, għax huma jsibu l-ħniena”

B’hekk it-tħabbira messjanika tal-ħniena għandha sura speċjali, umana u divina, Kristu, li fih intemmu l-profeziji kollha dwar il-Messija, għax hu l-inkarnazzjoni tal-imħabba li turi l-qawwa kollha tagħha ma’ dawk li qegħdin ibatu, mal-imsejknin, u mal-midinbin, iwassal fostna u juri dejjem aħjar il-Missier, li hu Alla “għani fil-ħniena”. U meta aktar bil-għemil milli bil-kliem, Kristu sar għall-bnedmin xempju ta’ mħabba kollha ħniena għall-oħrajn, huwa għamel dik l-istedina għall-ħniena li hi waħda mill-elementi ewlenin tal-ethos tal-Evanġelju. Għax hawn mhux il-każ biss ta’ ħarsien ta’ xi kmandamenti jew ta’ xi preċett dwar imġiba tajba; hu każ tal-ħarsien ta’ kondizzjoni li għandha piż kbir biex Alla juri ruħu lill-bnedmin fil-ħniena tiegħu: “Dawk li jħennu…isibu ħniena”.

Kapitlu III

IL-PATT IL-QADIM

  1. Il-fehma tal-“ħniena” għandha ġrajja twila u għonja tul iż-żmien tal-Patt il-Qadim. Jeħtieġ inqisuha sewwa, biex tiddi aktar il-ħniena li biha għarrafna Kristu. Meta Kristu bil-kliem u b’għemil wera x’inhi l-ħniena, hu kien qed juri x’inhi lil nies li mhux biss kienu jifhmu x’inhi imma wkoll, bħala l-poplu ta’ Alla tal-Patt il-Qadim, fil-ġrajja twila tagħhom, kemm-il darba ġarrbu b’mod speċjali l-ħniena ta’ Alla, u ġarrbuha mhux biss kull wieħed għal rasu, imma wkoll bħala soċjetà u komunità.

Israel kien poplu tal-Patt ta’ Alla, li ta’ spiss kienu jiksruh.

Kull darba li dan il-poplu kien jintebaħ li naqas mill-fedeltà għall-patt – u fil-ġrajja twila ta’ Israel qatt ma kienu nieqsa l-profeti u nies oħra li jġiegħeluh jintebaħ b’dan – il-poplu kien jitlob ħniena. Dwar dan il-kotba tal-Patt il-Qadim jagħtuna ħafna eżempji. Fost il-fatti u l-ġrajjiet l-aktar importanti ta’ min isemmi: il-bidu tal-ġrajja tal-Imħallfin , it-talba ta’ Salamun fid-dedikazzjoni tat-tempju , parti mit-tħabbir tal-profeta Mikea , il-faraġ u l-wegħdiet imħabbra mill-profeta Isaija , it-talba tal-Lhud eżiljati ′l bogħod minn pajjiżhom , it-tiġdid tal-patt wara li l-Lhud reġgħu lura mill-eżilju

Għandu qawwa kbira l-fatt li l-profeti fit-tħabbir tagħhom, ta’ spiss isemmu l-ħniena, u, minħabba d-dnubiet tal-poplu, igħaqqduha ma’ xbieha li tfisser l-imħabba ta’ Alla. Alla jħobb lil Israel b’imħabba li m’hemmx oħra bħalha, imħabba tixbaħ ħafna l-imħabba tal-miżżewġin għal xulxin , għalhekk lest dejjem biex jaħfer sal-ħtijiet tal-infedeltà u tat-tradiment. Iżda Alla, meta jiltaqa’ mal-indiema u l-konverżjoni sinċiera, ireġġa lura għall-grazzja dan il-poplu tiegħu  Fit-tagħlim tal-profeti l-ħniena tfisser l-aktar dik il-qawwa ta’ mħabba li tirbaħ id-dnub u n-nuqqas ta’ fedeltà tal-poplu magħżul ta’ Alla.

Jekk il-ħniena titqies taħt dan l-aspett “soċjali” tassew wiesgħa, tidher qisha dik l-esperjenza li jħoss f’qalbu kull bniedem li jinsab fid-dnub jew hu mġarrab mit-tbatija u kull xorta ta’ disgrazzji. Kemm id-deni tal-ġisem u dak tar-ruħ (li hu d-dnub) iwasslu ′l ulied Israel biex iduru lejn il-Mulej jitolbuh ħniena. Hekk David idur lejn il-Mulej meta jintebaħ bil-kobor tad-dnub tiegħu  Hekk ukoll Ġob, wara li jkun ħadha kontra Alla, idur lejh fil-kobor tat-tiġrib tiegħu  U Ester lilu titlob malli tagħraf it-tiġrib tal-mewt li kien qed ihedded lil ġensha  U nsibu ħafna eżempji oħra bħal dawn fil-kotba tal-Patt il-Qadim

Din il-konvinzjoni hekk sħiħa ta’ kull bniedem Lhudi u tal-poplu kollu, li, matul iż-żminijiet kollha, juruna l-kotba tal-Patt il-Qadim, għandha l-bidu tagħha f’dak li ġarrab il-poplu magħżul ta’ Alla, fil-bidu ta’ ġrajjietu, fi żmien il-ħruġ mill-Eġittu. Alla għaraf it-tiġrib tal-poplu mjassar, u sama’ l-għajat tiegħu, u ra t-tbatijiet tiegħu, u ried jeħlishom  F’dan l-għemil tal-Mulej biex jeħles il-poplu tiegħu, il-profeta seta’ jara kemm l-imħabba u kemm il-ħniena ta’ Alla  Hu proprju għalhekk li kull bniedem Lhudi u l-poplu kollu kien konvint li dejjem seta’ jafda fil-ħniena ta’ Alla f’kull tiġrib.

Ma’ dan għandna nżidu l-fatt li d-dnub ukoll iwaqqa’ l-bniedem fil-miżerja. Din il-miżerja l-poplu tal-Patt il-Qadim ġarrabha sa miż-żmien tal-ħruġ mill-Egittu, meta għamlu l-għoġol tad-deheb. Alla nnifsu ħareġ rebbieħ fuq dan il-ksur hekk ikraħ tal-Patt, meta lil Mosè qallu: “Jahweh! Jahweh! Alla li jagħder u jħenn, tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u s-sewwa”  Hi f’din ir-rivelazzjoni ewlenija li l-poplu magħżul ta’ Alla, u kull wieħed minnhom, kull darba li kien jidneb, kien imbagħad isib il-qawwa u r-raġuni biex idur lejn il-Mulej, u jfakkru f’dak kollu li kien ħabbar fuqu nnifsu u jitolbu ħniena

Bil-kliem u bl-għemil il-Mulej wera l-ħniena tiegħu sa mill-bidunett tal-ġrajja tal-poplu li għażel għalih, li matul ġrajjietu kollha, dejjem ried jafda f’Alla ta’ kull ħniena kemm meta kienu jiġu fuqu d-disgrazzji u kemm meta kien jintebaħ bid-dnub tiegħu. Is-suriet kollha tal-imħabba, fl-irqaqat kollha tagħhom, jidhru fil-ħniena li Alla kien juri ma’ dawk li għażel għalih; hu Missierhom , għaliex Israel hu l-ewwel wieħed fost uliedu ; il-Mulej hu wkoll l-għarus ta’ dik li l-profeta jsejħilha ruhama – il-maħbuba ta’ ruħi u ta’ qalbi, għaliex magħha se juri l-ħniena kollha tiegħu

U wkoll meta Alla, minħabba n-nuqqas ta’ fedeltà tal-poplu tiegħu, jaħseb biex jitilqu waħdu, b’dan kollu l-kobor bla qjies ta’ mħabbtu għall-magħżulin tiegħu, jasal dejjem biex jegħleb l-għadab għalihom  Malajr għalhekk wieħed jifhem għaliex il-kittieba tas-salmi, meta riedu jgħannu bl-ogħla tifħir lill-Mulej, ilissnu innijiet lil Alla ta’ l-imħabba, tal-ħlewwa, tal-ħniena u tal-fedeltà

Minn dan naraw li l-ħniena ma għandhiex x’taqsam biss man-natura ta’ Alla, iżda turi wkoll il-ħajja kollha kemm hi tal-poplu ta’ Israel u ta’ kull wieħed u waħda minnhom: il-qofol tal-ħniena huwa l-mod kif huma l-midħla sewwa tal-Mulej tagħhom, jiġifieri l-mod kif jitkellmu miegħu. Huwa taħt dan l-aspett li tidher il-ħniena fil-Kotba kollha tal-Patt il-Qadim, imfissra b’għadd tassew sabiħ ta’ kelmiet. Forsi m’hijiex ħaġa ħafifa f’dawn il-kotba ssib it-tweġiba purament teroretika (definizzjoni li twieġeb) għall-mistoqsija: x’inhi l-ħniena? Iżda l-kelmiet li jintużaw f’dawn il-kotba biex ifissrulna l-ħniena għandhom ħafna x’jgħallmuna  Il-kotba tal-Patt il-Qadim, biex ifissru l-ħniena, jużaw ħafna kelmiet li għandhom kważi l-istess tifsir,iżda li jintgħażlu minn xulxin bit-tifsir speċjali li għandha kull kelma; iżda nistgħu ngħidu li dawn il-kelmiet kollha, kull waħda minn rajha, magħqudin flimkien, ifissru ħsieb ewlieni wieħed, jiġifieri l-għana bla qjies tal-ħniena, u fl-istess waqt iwassluha taħt ħafna suriet lill-bniedem. Il-Patt il-Qadim iħeġġeġ lil dawk li huma mġarrbin minn xi disgrazzja, u l-ewwelnett lil dawk li huma mgħobbijin bid-dnubiet – u lil Israel kollu wkoll, li għandu patt ma’ Alla – biex jitolbu ħniena u jqawwilhom ukoll qalbhom, biex jafdaw għal kollox fiha: għax ifakkarhom fil-ħniena ta’ Alla fiż-żmien ta’ waqgħat tagħhom u ta’ meta wrew ruħhom kemm kienu dgħajfa. U wara, il-kotba tal-Patt il-Qadim iroddu ħajr lil Alla u jsebbħuh għall-ħniena tiegħu, kull darba li l-ħniena ta’ Alla tidher fil-ġrajja tal-poplu kollu jew fil-ħajja ta’ kull wieħed jew waħda minnhom.

Il-ħniena ta’ Alla, b’hekk, b’xi mod, tidher qisha qed tmur kontra l-ġustizzja ta’ Alla, u spiss tidher mhux biss aqwa minnha imma wkoll ogħla minnha. Il-Patt il-Qadim igħallem ukoll li l-ġustizzja hija virtù vera fil-bniedem u perfezzjoni li tiżboq kollox f’Alla; iżda l-imħabba hi “aqwa” mill-ġustizzja, u hija wisq aqwa għax hija l-ewwel waħda u l-qofol ta’ kollox. L-imħabba, biex ngħidu hekk, ittaffi l-ġustizzja, u, fl-aħħar mill-aħħar, hija l-ġustizzja li taqdi l-imħabba. Huwa permezz tal-ħniena li naraw kemm l-imħabba tiġi qabel u hi aqwa mill-ġustizzja ( u dan narawh fir-rivelazzjoni kollha). Din hi ħaġa hekk ċara għall-profeti u għall-kittieba tas-salmi, li jaslu biex, bil-kelma “ġustizzja”, ifissru s-salvazzjoni li l-Mulej jagħti fil-ħniena tiegħu  Il-ħniena tingħażel mill-ġustizzja imma ma hijiex kontra tagħha jekk nammettu – kif jammettu l-kotba kollha tal-Patt il-Qadim – li fil-ġrajja tal-bniedem jinsab Alla, li, bħala ħallieq ta’ kollox, hu marbut mal-ħlejjaq tiegħu b’rabta ta’ mħabba. L-imħabba minnha nfisha, twarrab il-mibegħda u kull xewqa ta’ deni kontra dak li darba tkun tajtu lilek innifsek: “Ma stmerrejt xejn minn dak li għamilt”  Dan il-kliem juri fuq liema sisien tinbena f’Alla r-relazzjoni tal-imħabba u l-ġustizzja bejniethom, f’kull ma għandu x’jaqsam mal-bniedem u mad-dinja. Dan il-kliem jurina ukoll l-egħruq u r-raġuni ewlenija ta’ din ir-rabta tal-imħabba u l-ġustizzja bejniethom tinsab fil-bidu ta’ kollox, fil-misteru stess tal-ħolqien. Dan il-kliem ġà jħabbar fi żmien il-Patt l-Qadim id-dehra sħiħa ta’ Alla, li hu “Mħabba”

Marbut ħaġa waħda mal-misteru tal-ħolqien hu l-misteru ta’ l-għażla, li b’mod speċjali sawwar il-ġrajja tal-poplu li bħala missier spiritwali għandu ′l Abraham, minħabba l-fidi tiegħu. Madankollu, permezz ta’ dan il-poplu miexi ′l quddiem tul il-ġrajja kollha tal-Patt il-Qadim u l-Patt il-Ġdid, il-misteru tal-għażla jolqot kull bniedem waħdu u l-bnedmin kollha kemm huma flimkien. “B’imħabba ta’ dejjem ħabbejtek għalkemm fit-tjieba tiegħi ġbidtek lejja”  “Jistgħu jitħarrku l-għoljiet…imma mħabbti ma titħarrekx minn miegħek u l-patt tiegħi ta’ sliem ma jitneħħiex”  Din il-verità, imħabbra darba lil Israel, tħaddan magħha l-ġrajja kollha tal-bniedem, ġrajja li fl-istess ħin, storika u eskatoloġika  U f’dehra storika u eskatoloġika fi qlub ġa mħejjija għalhekk, Kristu juri ′l Missier; u dan juruh il-paġni kollha tal-Patt il-Qadim. Fi tmiem ta’ din ir-rivelazzjoni, ewl il-lejl qabel ma miet, Kristu jgħid dan il-kliem lill-appostlu Filippu: “Ili daqshekk magħkom u għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra l-Missier”.

 

Kapitlu IV

IL-PARABBOLA TA’ L-IBEN IL-ĦALI

  1. Analoġija

Fil-bidu stess tal-Patt il-Ġdid, żewġ ilħna f’armonija waħda jidwu fl-Evanġelju ta’ San Luqa biex iħabbru l-ħniena ta’ Alla, li bil-qawwa kollha qishom bħal eku, itennu kull ma jgħid il-Patt il-Qadim. Fihom insibu t-tifsir kollu tal-ħafna kelmiet li bihom il-kotba tal-Patt il-Qadim fissru l-ħniena. Marija, hija hu dieħla f’dar Zakkarija, tfaħħar il-kobor tal-Mulej b’ruħha kollha għall-“ħniena tiegħu li tinfirex f’kull żmien” fuq dawk li jibżgħu minnu. U ftit wara, hija u tfakkar l-għażla ta’ Israel, ixxandar il-ħniena li minn dejjem fiha jiftakar dak li għażilha  U fl-istess dar, aktar tard, meta twieled Ġwanni l- Battista, missieru Zakkarija,ibierek il-Mulej Alla ta’ Israel u jsebbħu għall-ħniena li għamel ma’ missirijietna u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu

Fit-tagħlim ta’ Kristu stess il-ħsieb li ntwerit mill-Patt il-Qadim jidher aktar sempliċi u aktar għoli. Dan il-ħsieb forsi jidher b’mod aktar ċar fil-parabbola tal-iben il-ħali  F’din il-parabbola ma niltaqgħux mal-kelma “ħniena”, iżda l-parabbola turi l-qofol tal-ħniena ta’ Alla b’mod tassew ċar. Dan iseħħ l-aktar mhux bil-kliem li jingħad, kif kien jiġri fil-Patt il-Qadim, imma mill-istorja nfisha, li tgħina nifhmu aktar fil-fond il-misteru tal-ħniena bħala ġrajja tal-biki li fiha jiltaqgħu flimkien l-imħabba ta’ missier u l-ħala u d-dnub ta’ iben.

Dan l-iben, li ħa mingħand missieru sehmu tal-wirt u telaq mid-dar, mar f’pajjiz ′l bogħod u berbaq ġidu kollu “b’ħajja mtajra”, huwa b’xi mod il-bniedem ta’ kull żmien, ibda minn dak li kien l-ewwel wieħed li tilef il-wirt tal-grazzja u tal-ġustizzja tal-bidu. Hawn l-analoġija tidher fil-wesgħa kollu tagħha. Indirettament il-parabbola tolqot kull ksur tal-patt tal-imħabba, kull telfien tal-grazzja, kull ħtija. Iżda jekk inqabblu din l-analoġija mat-tradizzjoni kollha tal-profeti, f’dan it-tqabbil ma tantx jissemma in-nuqqas ta’ fedeltà tal-poplu kollu ta’ Israel, għalkemm il-parabbola tal-iben il-ħali b’xi mod tista’ tfisser ukoll dan in-nuqqas ta’ fedeltà. “Meta ħela kull ma kellu…” dan l-iben “beda jħoss ruħu fil-bżonn”, l-aktar għaliex “waqa’ ġuħ kbir” fuq il-pajjiz fejn kien mar wara li ħareġ minn dar missieru. Fil-qagħda li fiha sab ruħu kien lest jiekol kollox imqar “il-ħarrub li kienu jieklu l-qżieqeż”, li hu kien jirgħa għal “wieħed minn dak il-pajjiz”. Imma minn dan ukoll ġie mċaħħad.

Il-parabbola issa qed tifli l-qalb tal-bniedem. Il-wirt li kien tah missieru kien kotra ta’ ġid materjali, iżda minn dan il-ġid kollu baqgħet dejjem wisq aqwa għalih id-dinjità tiegħu ta’ iben f’dar missieru. Il-qagħda li fiha sab ruħu, għax berbaq ġidu kollu, kellha ġġiegħelu jintebaħ f’din id-dinjità li kien tilef. Żgur ma ħasibtx fuq dan meta talbu ′il missieru jagħtih sehmu tal-wirt biex jitlaq mid-dar. U lanqas jidher li ntebaħ b’dan issa li daħal fih innifsu u qal: “Kemm lavranti ma’ Missieri għandhom ħobż bix-xaba’, u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ!”

Kien qed iqis il-qagħda tiegħu mill-ġid li tilef, jiġifieri li hu “ma kellux” dak li “kellhom” il-lavranti ta’ missieru. Kliemu juri kif kien jaħsibha l-aktar fuq il-ġid tad-dinja, imma moħbi f’dan il-kliem hemm it-traġedja tad-dinjità li kien rema, u l-għarfien li kien tajjar mar-riħ id-dinjità tiegħu ta’ iben.

Wasal imbagħad biex jiddeċiedi: “Ħa nqum u mmur għand missieri u ngħidlu: “Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek: żommni b’wieħed mil-lavranti tiegħek”  Hu dan il-kliem li juri b’aktar qawwa l-qofol tal-problema. Minħabba l-qagħda materjali mħawda li fiha sab ruħu l-iben il-ħali għall-bluha tiegħu, wasal biex għaraf x’kienet id-dinjità li tilef. Malli għamel f’rasu li jerġa’ lura f’dar missieru u jitolbu jerġa’ jilqgħu – mhux bi dritt bħala ibnu, imma bħala lavrant – wieħed għall-ewwel jista’ jaħseb li dan għamlu minħabba l-ġuħ u l-għera li fiha kien waqa’; iżda ma’ din ir-raġuni hemm imsieħeb l-għarfien ta’ telf ta’ ħaġa aqwa: lavrant f’dar missieru kien żgur għalih nuqqas kbir ta’ ġieh u ta’ mistħija liema bħalha. U b’dan kollu l-iben il-ħali kien lest iġarrab din il-mistħija u dan in-nuqqas ta’ ġieh. Għaraf li ma kien baqagħlu ebda dritt ieħor ħlief li jkun lavrant f’dar missieru. Meta għamel f’rasu li jerġa’ lura f’dar missieru, kien jaf tajjeb x’kien jistħoqqlu, u xi dritt kien baqagħlu skond il-ġustizzja. U proprju dan juri li l-iben il-ħali beda jintebaħ x’kienet id-dinjità li tilef, dik id-dinjità li tiġi mir-rabta tal-iben ma’ missieru. U b’din il-fehma qabad it-triq biex jerġa’ lura.

Fil-parabbola ta’ l-iben il-ħali l-kelma “ġustizzja” ma niltaqgħux magħha darba waħda biss, kif lanqas insibu l-kelma “ħniena” fit-test oriġinali tal-Evanġelju, B’dan kollu r-rabta bejn il-ġustizzja u l-imħabba li turi ruħha fil-ħniena nsibuha mdaħħla, bl-għaqal kollu, fit-tagħlim proprju ta’ din il-parabbola tal-Evanġelju. Żgur li l-imħabba tinbidel fi ħniena kull darba li jkun meħtieġ li wieħed imur ′l hemm mir-regola fissa tal-ġustizzja, regola eżatta u spiss ukoll dejqa żżejjed. Wara li kien berbaq il-ġid li tah missieru, l-iben il-ħali, meta reġa lura, kien jistħoqqlu jaqla’ ħobża jaħdem bħala lavrant f’dar missieru, u mbagħad, bil-mod il-mod, iġemma’ ftit ta’ ġid, għalkemm forsi qatt daqskemm kien berbaq. Dan titlob il-ġustizzja, aktar u aktar għaliex dan l-iben mhux biss tilef is-sehem li kien imissu tal-ġid, imma wkoll għax weġġa’ u nikket lil missieru bl-imġiba kollha tiegħu. L-imġiba ta’ l-iben il-ħali, li, fil-fehma tiegħu stess, ċaħħditu mid-dinjità tiegħu ta’ iben, ma setgħetx ma tolqotx lil missieru. Kellha ġġiegħelu jitnikket. B’xi mod kellha tolqtu. Fl-aħħar mill-aħħar dak kien ibnu, u r-rabta miegħu bħala iben ma setgħetx la titneħħa u lanqas tiġi fix-xejn b’xi għemil, ikun li jkun. L-iben il-ħali ntebaħ b’dan kollu: u huwa proprju dan li ġiegħelu jagħraf liema kienet id-dinjità li tilef u jqis sewwa x’seta’ jistenna li jkollu f’dar missieru.

  1. Id-dinjità tal-bniedem

 

Issa li rajna sewwa x’kien il-ħsieb li qanqal lill-iben il-ħali biex jerġa’ lura għand missieru, nistgħu nifhmu sewwa x’inhi l-ħniena t’Alla. F’din l-istorja hekk sempliċi u hekk tolqtok, kulħadd jaqbel li l-missier hu xbieha ta’ Alla bħala Missier. L-għemil tal-missier fil-parabbola u l-imġiba kollha tiegħu, li juri x’kien iħoss f’qalbu, igħinuna naraw fiha s-suriet kollha tal-ħniena ta’ Alla kif jidhru fil-kotba tal-Patt il-Qadim, minsuġin flimkien f’sura ġdida, aktar sempliċi u aktar għolja. Missier l-iben il-ħali juri ruħu fidil għan-natura tiegħu ta’ missier, fidil għall-imħabba li dejjem wera ma’ ibnu. Din il-fedeltà, fil-parabbola, tidher mhux biss għaliex minnufih ħaddan miegħu ′l ibnu li kien reġa’ lura għandu, wara li berbaq ġidu kollu; juriha wisq aktar bil-ferħ u bil-festa kbira li għamel bla ma ħares xejn lejn l-ispejjeż, festa hekk kbira li lill-iben il-kbir, li qatt ma kien tbiegħed minn missieru u lanqas ħalla daru, ġegħelitu jinkorla u jgħir.

Il-fedeltà tal-missier lejh innifsu – fedeltà li fil-kotba tal-Patt il-Qadim hi mfissra mill-kelma hesed – hi fl-istess ħin imwettqa b’mod kollu mħabba. Naqraw dan: meta l-missier ra ′l ibnu ġej lura, “tħassru u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu”  Dan żgur għamlu mqanqal minn imħabba liema bħalha: u dan ġara għaliex laqa’ ′l ibnu b’qalb hekk kbira, li ġiegħelet l-iben il-kbir jinkorla. Iżda rridu nfittxu aktar fil-fond ir-raġuni ta’ din il-qalb kbira kollha. Ara: il-missier jintebaħ li ġie salvat ġid tassew mill-aqwa: il-ġid ta’ ibnu bħalha bniedem. Għalkemm ibnu kien berbaq wirtu, b’dan kollu, hu, bħalha bniedem, kien salv. Id-dinjità tiegħu bħalha bniedem, b’xi mod, reġgħet instabet. Dan jixhdu l-kliem tal-missier li qal lil ibnu l-kbir: “Kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax ħuk kien mejjet u reġa’ qam, kien mitluf u nstab”  Fl-istess kapitlu 5 tal-Evanġelju ta’ San Luqa niltaqgħu mal-parabboli tan-nagħġa l-mitlufa u tal-biċċa flus mitlufa li reġgħu nstabu  Kull darba, bil-qawwa kollha, jissemma l-ferħ li niltaqgħu miegħu fil-parabbola tal-iben il-ħali. Il-fedeltà tal-missier lejh innifsu hi kollha kemm hi miġbura f’ibnu bħala bniedem u fid-dinjità tiegħu bħala bniedem. B’hekk li l-aktar jitfisser il-ferħ tassew kbir ta’ meta l-iben reġa’ lura d-dar.

Nistgħu nżidu u ngħidu li l-imħabba tal-missier għal ibnu, imħabba li toħroġ mill-istess natura tiegħu ta’ missier, b’xi mod iġġiegħel il-missier jieħu ħsieb id-dinjità ta’ ibnu. Dan it-tħassib huwa l-qjies ta’ mħabbtu, imħabba li fuqha San Pawl kiteb: “l-imħabba taf tistabar u tħenn… ma tfittex dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla, ma żżommx f’qalbha għad-deni… tifraħ bil-verità… kollox tittama, kollox tissaporti” u “ma tintemm qatt”  Il-ħniena – kif urina Kristu fil-parabbola tal-iben il-ħali – għandha fiha dik is-sura tal-imħabba li fil-kotba tal-Patt il-Ġdid hi msejħa “agape”. Imħabba bħal din tintwera ma’ kull iben ħali, ma’ kull sura ta’ miżerja li jista’ jġarrab bniedem, u l-aktar ma’ dik il-miżerja morali li hu d-dnub. Meta dan iseħħ, il-bniedem li miegħu ssir ħniena bħal din ma jħoss ruħu mċekken, iżda li “reġa’ qam” u “nstab”. Dan il-ferħ juri li hemm xi ġid li baqa’ sħiħ: l-iben minkejja li kien ħali, baqa’ iben missieru: dan il-ferħ juri wkoll ġid li reġa’ nkiseb li, fil-każ tal-iben il-ħali, hu l-fatt li reġa’ għaraf il-verità fuqu nnifsu.

Ma għandniex inqisu biss “minn barra” dak li skond il-parabbola ta’ Kristu ġara bejn il-missier u l-iben dwar ir-rabta tagħhom ma’ xulxin. Il-fehmiet mgħawġa tagħna kollha dwar il-ħniena huma, tista’ tgħid, kollha ġejjin mill-fatt li nħarsu lejn il-ħniena biss “minn barra”. Jiġri xi kull tant li aħna u nqisu l-ħniena b’dan il-mod, naslu biex naħsbu li dak li juri ħniena u dak li miegħu ssir ħniena m’humiex f’qagħda indaqs. U għalhekk insibu ruħna malajr qed inħaddnu din il-fehma: li ma’ min issir il-ħniena jonqoslu ġiehu, titnaqqaslu d-dinjità tiegħu ta’ bniedem. Iżda l-parabbola tal-iben il-ħali turi li jiġri proprju l-maqlub ta’ dan: il-ħniena tinbena fuq dak li kull bniedem iqis li hu l-ġid ta’ kulħadd, il-bniedem fih innifsu, u fuq dak li kull bniedem iqis li hi d-dinjità tiegħu bħala bniedem. Dan li kull bniedem iħoss ġiegħel lill-iben il-ħali jara l-verità sħiħa tiegħu nnifsu u ta’ kull ma għamel (din id-dehra sħiħa tal-verità hija sura vera ta’ umiltà); min-naħa l-oħra minħabba f’hekk l-iben isir il-ġid li nkiseb minn din id-dehra misterjuża ta’ verità u ta’mħabba, li l-imħabba qisha tnissih id-deni kollu magħmul minn ibnu.

Il-parabbola ta’ l-iben il-ħali għalhekk, b’mod tassew sempliċi u fl-istess ħin għoli wkoll, turi l-verità tal-konversjoni. Il-konversjoni hija wiri tassew bil-fatti tal-ħidma tal-imħabba u tal-ħniena fid-dinja tal-bniedem tal-lum. Il-qawwa vera u proprja tal-ħniena m’hijiex biss ħarsa qawwija kollha mogħdrija lejn kull xorta ta’ deni, morali, fiżiku u materjali; il-ħniena tidher fis-sura vera u proprja tagħna meta turi x’jiswa l-ġid u ġġibu ′l quddiem u toħorġu minn kull xorta ta’ deni li hawn fid-dinja u fil-bniedem. Meta nifhmu hekk il-ħniena, naraw li hi l-qofol tal-bxara t-tajba ta’ Kristu l-Messija u l-qawwa li fuqha hi mibnija l-missjoni tiegħu. Id-dixxipli ta’ Kristu u dawk li marru warajh hekk fehmu l-ħniena u hekk urewha. Il-ħniena qatt ma naqset li turi ruħha, f’qalbhom u f’għemilhom, bħala prova li toħloq imħabba, li ma tħallix il-ħażen jirbaħha, iżda “tirbaħ il-ħażen bit-tajjeb”  Jeħtieġ għalhekk li nagħrfu mill-ġdid x’inhi verament il-ħniena; minkejja l-ħajja preġudizzji tal-lum, il-ħniena hi verament meħtieġa għal żminijietna.

 

Kapitlu V

IL-MISTERU TA’ L-GĦID

  1. Il-ħniena tintwera fis-Salib u fil-qawmien mill-imwiet

It-tħabbira messjaniku ta’ Kristu u l-ħidma tiegħu fost il-bnedmin jintemmu fuq is-salib u bil-qawmien tiegħu mill-imwiet. Irridu nidħlu fil-fond sewwa ta’ din il-ġrajja ta’ l-aħħar – li, speċjalment fi kliem il-Konċilju, hi msejħa l-misteru ta’ l-Għid – jekk irridu naraw sa fejn tasal il-verità sħiħa tal-ħniena, sa fejn waslet il-ħniena fil-ġrajja kollha tas-salvazzjoni tagħna. Issa, b’dawn il-ħsibijiet tagħna, irridu nersqu aktar fil-qrib lejn it-tagħlim li hemm fl-enċiklika Redemptor hominis. Jekk il-fidwa, meta nħarsu lejha min-naħa tal-bniedem, turi l-kobor liema bħalu tal-bniedem li stħoqqlu jkollu “Feddej kbir bħal dan” , fl-istess ħin meta nħarsu lejha min-naħa ta’ Alla, tgħinna naraw, biex ngħid hekk, – l-aktar mill-esperjenża u mill-“istorja” – kemm hi għolja dik l-imħabba li bla ebda mod ma tistmerr is-sagrifiċċju tassew ta’ l-għaġeb tal-Iben, biex ma tonqos il-fedeltà ta’ Alla, il-Ħallieq u l-Missier, lejn il-bnedmin, maħluqin sura xbieha tiegħu u “sa mill-bidu” magħżulin biex ikollhom grazzja u glorja.

Dak kollu li ġara nhar il-Gimgħa l-Kbira, u, qabel, l-istess talba fil-Ġetsemani, ġabu bidla tassew kbira fil-kors sħiħ tar-rivelazzjoni tal-imħabba u l-ħniena permezz tal-missjoni messjanika ta’ Kristu. Dak li “għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq” “kull xorta ta’ mard u ′l kull min kien nieqes minn saħħtu” , issa hu stess jeħtieġ min jurih ħniena u qiegħed jitlobha għax maqbud u mżeblaħ, ikkundannat u fflaġellat, inkurunat b’kuruna tax-xewk, u msammar fuq is-salib irodd ruħu fost tbatijiet mill-aktar kiefra  F’dan il-waqt hu dak li l-aktar jistħoqqlu jsib ħniena mingħand dawk li għamlilhom tant ġid: u ma sabiex. U dawk stess li kienu l-aktar qrib tiegħu ma setgħux igħinuh u jaħtfuh minn idejn dawk li kienu jaħqruh. F’dawn l-aħħar mumenti tal-ħidma messjanika tiegħu jseħħ fi Kristu kliem il-profeti u l-aktar kliem tal-profeta Isaija dwar il-Qaddej ta’ Jahweh: “bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna”

Bħala l-bniedem, li fil-Ġnien taż-Żebbuġ u fuq il-Kalvarju qed ibati tbatijiet tassew tal-biża’, Kristu jdur lejn il-Missier, lejn dak il-Missier li fuq imħabbtu għall-bnedmin hu kien jippriedka lin-nies u ta’ xhieda tal-ħniena tiegħu b’kull ma għamel. Iżda ma ħelishiex l-anqas hu l-kefrija tal-mewt fuq is-Salib. Dak li ma kienx jaf x’inhu d-dnub, Alla għamlu dnub għalina , kiteb San Pawl, meta ried jiġbor fi ftit kliem il-kobor tal-misteru tas-Salib u fl-istess ħin jara x’kienet min-naħa ta’ Alla l-verità sħiħa tal-fidwa. Il-fidwa hija l-aħħar u l-aqwa rivelazzjoni tal-qdusija ta’ Alla, li fih innifsu hu l-milja sħiħa tal-perfezzjoni: il-milja ta’ ġustizzja u mħabba, għaliex il-ġustizzja tinbena fuq l-imħabba, minnha toħroġ u lejha twassal. Fis-sabar ta’ Kristu u fil-mewt tiegħu – għax il-Missier lanqas lil Ibnu stess ma ħelisha, imma “għamlu dnub għalina” – tintwera b’mod sħiħ il-ġustizzja għaliex Kristu jbati u jmut minħabba d-dnubiet tal-bnedmin. Il-ġustizzja “kotrot fuq li kotrot”, għaliex id-dnubiet tal-bnedmin “tpattew” bis-sagrifiċċju tal-Bniedem-Alla. Din is-sura ta’ ġustizzja, li hi ġustizzja “ skond il-qjies ta’ Ala”, ġejja kollha kemm hi mill-imħabba t’Alla: mill-imħabba tal-Missier u ta’ l-Iben; u kollha kemm hi tagħti frott l-imħabba. Minħabba f’dan, il-ġustizzja ta’ Alla li dehret fis-Salib ta’ Kristu, hi ġustizzja “skond il-qjies ta’ Alla”, għax ġejja mill-imħabba u tintemm fl-imħabba, hija u tagħti l-frott tas-salvazzjoni. Il-fidwa, min-naħa ta’ Alla, mhux biss isseħħ malli ssir it-tpattija għad-dnubiet, imma meta lill-imħabba tingħata dik il-qawwa fil-bniedem li twasslu biex mill-ġdid jilħaq dik il-milja tal-ħajja u tal-qdusija li tiġi minn Alla. B’hekk il-fidwa turi l-ħniena fil-milja kollha tagħha.

Fil-misteru ta’ l-Għid jidher u jseħħ il-qofol kollu tal-ħniena li tista’ tiġġustifika l-bniedem u ġġedded lill-istess ġustizzja, dik il-ġustizzja li hi l-ordni tas-salvazzjoni li Alla ried sa mill-bidu tal-bniedem, u, permezz tal-bniedem, fid-dinja. Kristu fi tbatijietu jkellem b’mod speċjali kull bniedem, u mhux biss il-bniedem li jemmen. Għaliex ukoll min ma jemminx fi Kristu jista’ jsib dik il-qawwa li ġġiegħelu jissieħeb mal-bnedmin kollha f’xortihom, u dik il-ħerqa f’waqtha, bla ebda interess, għall-ġid tal-bniedem, għall-verità u għall-imħabba. Iżda min-naħa ta’ Alla l-misteru ta’ l-Għid imur aktar fil-fond. Is-Salib fuq il-Kalvarju, li minn fuqu Kristu jitkellem għall-aħħar darba mal-Missier, qisu hiereġ mill-qalba stess tal-imħabba li ġiet mogħtija bħala don lill-bniedem, maħluq sura xbieha t’Alla, skond il-pjan ta’ dejjem ta’ Alla. Alla, kif urihulna Kristu, mhux biss hu marbut b’rabtiet liema bħalhom mad-dinja għax ħalaqha u huwa l-bidu tal-ħajja kollha tagħha; il-Missier hu wkoll marbut b’rabtiet wisq aktar qawwija minn dik tal-ħolqien mal-bniedem, li hu sejjaħ għall-ħajja f’din id-dinja li tidher. Għax l-imħabba mhux biss toħloq il-ġid imma twassal ukoll biex ikun hemm tisħib fl-istess ħajja ta’ Alla: il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Għax min iħobb, irid jagħti lilu nnifsu.

Is-Salib ta’ Kristu fuq il-Kalvarju hu qrib it-triq ta’ dik il-bidla tal-għaġeb – l-admirabile commercium – li hi l-għoti ta’ Alla nnifsu stess lill-bniedem, għoti li jħaddan fih ukoll is-sejħa lill-bniedem biex jissieħeb fl-istess ħajja ta’ Alla billi jagħti lilu nnifsu lil Alla, flimkien mad-dinja kollha li tidher, u biex, bħala iben adottiv, jissieħeb fil-verità u fl-imħabba li hemm f’Alla, u li ġejja min Alla. Hu proprju fit-triq ta’ l-għażla, sa minn dejjem, tal-bniedem biex ikun iben adottiv ta’ Alla, li jidher fl-istorja, il-kobor tas-Salib ta’ Kristu, l-Iben waħdieni, li bħala “Dawl minn Dawl, Alla veru minn Alla veru” ,ġie biex jagħti l-aħħar u l-aqwa xhieda tal-Patt tal-għaġeb ta’ Alla mal-bnedmin kollha u ma’ kull bniedem. Dan il-Patt, antik daqs il-bniedem, jasal sa l-istess misteru tal-ħolqien: imġedded kemm-il darba mal-poplu magħżul, hu llum il-Patt il-ġdid u ta’ l-aħħar, li seħħ fuq il-Kalvarju, u huwa mhux biss ma’ poplu wieħed, mal-poplu ta’ Israel, imma hu miftuħ għal kull bniedem u għall-bnedmin kollha.

X’jgħallimna aktar s-Salib ta’ Kristu, li hu b’xi mod l-aħħar kelma tat-tħabbira messjanika u tal-missjoni ta’ Kristu? Għalkemm, b’dan kollu, għadu m’huwiex l-aħħar kelma ta’ Patt ta’ Alla: din il-kelma ntqalet mas-sebħ ta’ dak il-jum li fih, l-ewwel in-nisa, u mbagħad l-appostli, marru lejn il-qabar ta’ Kristu msallab, sabuh vojt u għall-ewwel darba semgħu l-aħbar: “Irxoxta”. Huma tennew din l-aħbar lill-oħrajn u mbagħad saru xhieda ta’ Kristu rxoxt. Iżda f’din il-glorifikazzjoni tal-Iben ta’ Alla, is-Salib jibqa’ wkoll is-Salib li, tul ix-xbieha messjanika kollha tal-Bniedem-Iben, li fuqu miet, jitkellem u ma jehdiex jitkellem fuq il-Missier li qatt ma jonqos mill-fedeltà ma’ l-imħabba tiegħu ta’ dejjem għall-bnedmin, għaliex hekk “ħabb id-dinja” – u għalhekk, hekk ħabb il-bniedem li hu fid-dinja – “li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem”  Temmen fl-iben imsallab għalhekk ifisser “tara l-Missier” ; ifisser li fid-dinja tinsab l-imħabba u li din l-imħabba hija aqwa min kull xorta ta’ deni, li fih hu mdaħħal il-bniedem, il-bnedmin kollha, id-dinja. Temmen f’imħabba bhal din ifisser temmen fil-ħniena. Għalhekk il-ħniena hi parti meħtieġa ta’ l-imħabba, u qisha t-tieni isem ta’ l-imħabba; fl-istess waqt hu permezz tal-ħniena li tidher l-imħabba u tegħleb il-ħażen veru li hawn fid-dinja jġarrab u jhedded il-bniedem għax jindiehes saħansitra f’qalbu u jista’ jwasslu biex “jeqirdu l-infern”

  1. L-imħabba li hi aktar qawwija mill-mewt, aktar qawwija mid-dnub

 

Is-Salib ta’ Kristu fuq il-Kalvarju huwa wkoll xhieda tal-qawwa tal-ħażen kontra l-Iben ta’ Alla, jiġifieri kontra dak li hu waħdu fost kollha kemm huma wlied il-bnedmin li kien min-natura tiegħu stess ħieles minn kull ħtija u mingħajr ebda dnub, u li d-dħul tiegħu fid-dinja kien għal kollox ħieles mit-tebgħa tad-disubbidjenza ta’ Adam u mill-wirt tad-dnub tan-nisel. U proprju fih, fi Kristu, sar ħaqq mid-dnub bis-sagrifiċċju tiegħu u bl-ubbidjenza tiegħu “sal-mewt”  Hu, li ma kienx jaf x’inhu dnub, Alla “għamlu dnub għalina”  Sar ħaqq ukoll mill-mewt li, sa mill-bidu tal-ġrajja tal-bniedem, kienet dejjem imsieħba mad-dnub. Jekk sar ħaqq mill-mewt, dan sar bil-mewt ta’ Kristu stess, li ma kellu ebda dnub, u għalhekk bil-mewt tiegħu seta’ jagħti l-mewt lill-mewt  B’dan il-mod, is-Salib ta’ Kristu li fuqu l-Iben, natura waħda mal-Missier, jagħmel tpattija sħiħa lill-ġustizzja ta’ Alla, hu dehra tassew “radikali” tal-ħniena, jew aħjar tal-imħabba li hi kollha kemm hi kontra l-veru għerq tal-ħażen kollu li hemm fl-istorja tal-bniedem: speċjalment id-dnub u l-mewt.

Permezz tas-Salib Alla jitbaxxa u jiċċekken għall-bniedem u għal dak li l-bniedem – l-aktar fi żminijiet iebsin u mwiegħra tal-lum – isejjaħ ix-xorti ħażina tiegħu. Is-Salib qisu jmiss b’imħabba ta’ dejjem kollha ħlewwa l-ġerħat kiefra u jweġġgħu tal-ħajja tal-bniedem fuq l-art; hu t-tmiem sa l-aħħar tal-missjoni tal-Messija li Kristu kien ħabbar fis-sinagoga ta’ Nazaret u reġa’ tenna lil dawk li San Ġwann kien bagħat għandu  Skond il-kliem li ġa nsibu fil-profeziji ta’ Isaija din il-ħidma kellha twassal biex turi mħabba kollha ħniena għall-foqra, għall-imnikktin, għal dawk li huma fil-ħabs, għall-għomja, għall-maħqurin u għall-midinbin. Iżda fil-misteru ta’ l-Għid immorru ′l hemm mill-għatba tad-deni ta’ kull sura li jissieħeb mal-bniedem tul ħajtu fuq l-art: is-Salib ta’ Kristu jwassalna biex naraw li l-egħruq tal-ħażen jaslu ′l isfel sad-dnub u l-mewt; hekk is-Salib isir sinjal eskatoloġiku. Biss fit-tmiem ta’ kollox, fl-eskaton, u fit-tiġdid sħiħ tad-dinja, l-imħabba, fil-magħżulin kollha, tegħleb l-egħjun l-aktar fil-qiegħ tal-ħażen; hija u twassal għall-milja kollha tagħha s-Saltna tal-ħajja u tal-qdusija u tal-immortalità glorjuża. Is-sisien ta’ dan it-tiġdid eskatoloġiku ġa jinsab fis-Salib u l-mewt ta’ Kristu. Il-fatt li Kristu “qam mill-imwiet fit-tielet jum” hu fih innifsu l-aħħar u l-aqwa sinjal tal-missjoni ta’ Kristu bħala Messija, għax itemm ir-rivelazzjoni sħiħa tal-imħabba kollha ħniena f’dinja maħkuma mill-ħażen. Fl-istess ħin hu sinjal li jħabbar “sema ġdida u art ġdida” , meta Alla “jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajjat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ ta’ qabel”

Meta fit-tmiem ta’ kollox kull ħaġa tilħaq il-perfezzjoni tagħha, il-ħniena tidher bħala mħabba, waqt li issa, f’din id-dinja, fil-ġrajja tal-bniedem – li hi fl-istess waqt ġrajja ta’ dnub u ta’ mewt – l-imħabba tidher l-aktar bħalha ħniena u sseħħ bħala għemil ta’ ħniena. L-għan ta’ Kristu bħala Messija, għan ta’ ħniena, isir l-għan tal-poplu tiegħu, l-għan tal-Knisja. Iżda f’nofs il-Knisja dejjem hemm is-Salib, għax fis-Salib tidher fil-milja tagħha l-imħabba kollha ħniena. Sakemm “il-ħwejjeġ ta’ qabel” ma jgħaddux, is-Salib jibqa’ dik il-“ħaġa” li magħha jrid jorbot il-kliem l-ieħor tal-Apokalissi ta’ San Ġwann: “Ara, jien fil-bieb, u qiegħed inħabbat, jekk xi ħadd jismagħni u jiftaħli l-bieb, jien nidħol għandu u niekol miegħu, u hu jiekol miegħi”  B’mod speċjali Alla juri l-ħniena tiegħu, kull meta jistieden lil bniedem juri “ħniena” ma Ibnu l-waħdieni, ma’ l-Imsallab.

Kristu, proprju bħala l-Imsallab, huwa l-Kelma li qatt ma tgħaddi , huwa dak li qiegħed fil-bieb u qiegħed iħabbat mal-qalb ta’ kull bniedem , mingħajr ma jxekkillu l-libertà tiegħu, imma jipprova minn din il-libertà joħroġ l-imħabba, li mhux biss hi waqfien ma’ Bin il-Bniedem fi tbatijietu, imma wkoll, b’xi mod, “ħniena” li kull wieħed minna juri lil Bin il-Missier etern. F’kull ħidma ta’ Kristu bħala Messija, f’kull rivelazzjoni tal-ħniena permezz tas-Salib, id-dinjità tal-bniedem ma tiksibx forsi aktar rispett u ġieh, meta, huwa u “juri ħniena”, b’xi mod, issir ukoll ħniena miegħu?

Fl-aħħar mill-aħħar mhux Kristu stess juri dan is-sentiment tal-qalb għall-bniedem meta jgħid:”Kull ma għamiltu ma’ wieħed minn dawn…għamiltuh miegħi”?  Il-kliem “Ħenjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena” b’xi mod jiġbor fih il-Bxara t-tajba kollha, u l-“bidla glorjuża” kollha (l-admirabile commercium) li tinsab fiha: Din il-“bidla glorjuża” hija l-liġi ħafifa, soda u “kollha ħlewwa” tal-pjan stess tas-salvazzjoni. U l-kliem mid-diskors tal-muntanja, kliem li mill-ewwel juri sa fejn tasal qalb il-bniedem – jiġifieri li l-bnedmin għandhom il-ħila jħennu – ma jurix forsi wkoll fl-istess dawl misteru ieħor ta’ Alla? Il-misteru għoli u kbir ta’ Alla wieħed fi Tliet Persuni, il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, fejn l-imħabba msieħba mal-ġustizzja, tiftaħ it-triq għall-ħniena, li mbagħad min-naħa tagħha turi l-perfezzjoni tal-ġustizzja?

Il-misteru ta’ l-Għid huwa Kristu stess fil-qofol tar-rivelazzjoni tal-misteru ta’ Alla li ebda moħħ tal-bniedem ma jista’ jifhem. Hawn seħħ għal kollox il-kliem li ntqal fiċ-Ċenaklu: “Min jara lili, jara lill-Missier”  Kristu, li lanqas lilu l-Missier “ma ħafirha” minħabba l-bniedem, u li fost it-turmenti u t-tiġrib tas-Salib ma rax ħniena mill-bnedmin, wera fil-qawmien tiegħu mill-imwiet il-milja kollha tal-imħabba tal-Missier għalih, u, fih, għall-bnedmin kollha. “Alla mhux tal-mejtin, iżda tal-ħajjin!”  Fil-qawmien tiegħu mill-imwiet Kristu wriena lil Alla tal-imħabba u l-ħniena, għaliex hu laqa’ s-Salib bħala t-triq għall-qawmien mill-imwiet. Għalhekk, meta niftakru fis-Salib ta’ Kristu, u fil-Passjoni u l-Mewt tiegħu, il-fidi u t-tama tagħna jmorru fuq l-Irxoxt, fuq dak Kristu li “dak il-Ħadd fil-għaxija..qagħad f’nofshom”, iċ-Ċenaklu fejn kienu d-dixxipli…“nefaħ fuqhom u qalilhom: ‘Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma’ ”

Araw l-Iben t’Alla li il-qawmien tiegħu mill-imwiet ġarrab bis-sħiħ il-ħniena, jiġifieri l-imħabba tal-Missier, imħabba li hi aktar qawwija mill-mewt. Hu Kristu wkoll, Kristu, l-Iben t’Alla, li sat-tmiem, anzi b’xi mod, aktar ′l hemm mit-tmiem tal-missjoni tiegħu bħala Messija, wera lilu nnifsu bħala għajn ta’ ħniena li qatt ma tonqos, għajn ta’ dik l-istess imħabba li, minn dak il-mument u matul il-ġrajja twila tas-salvazzjoni, fil-Knisja, qatt ma naqset li turi ruħha aktar qawwija mid-dnub. Kristu, fil-misteru ta’ l-Għid, huwa l-inkarnazzjoni darba u għal dejjem tal-ħniena u sinjal ħaj tagħha; sinjal ta’ salvazzjoni storiku u eskatoloġiku. B’dan l-istess ħsieb, il-liturġija ta’ żmien il-Għid tqiegħed fuq fommna l-kliem tas-Salm: “Il-ħniena tal-Mulej irrid dejjem ngħanni”

  1. Omm tal-ħniena

 

F’dan il-kliem tal-Knisja fi żmien il-Għid, jidwi l-kliem profetiku li qalet Marija meta żaret lil Eliżabetta, mart Zakkarija: “Il-ħniena tiegħu .. f’kull żmien”  Dan il-kliem mill-ewwel mument tal-Inkarnazzjoni, juri dehra ġdida tal-istorja tas-salvazzjoni. Wara l-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet din id-dehra hi ġdida kemm fl-aspett storiku u kemm fl-aspett eskatoloġiku tagħha. Minn dak iż-żmien kien hemm nisel wara l-ieħor ta’ bnedmin, dejjem jiżdiedu fil-għadd, kien hemm nisel wara l-ieħor tal-Poplu ta’ Alla, immarkat bis-sinjal tas-Salib u tal-qawmien mill-imwiet, u “issiġġillat” bis-siġill tal-misteru ta’ l-Għid ta’ Kristu, għax f’dan il-Poplu jseħħ ir-rivelazzjoni sħiħa ta’ dik il-ħniena li Marija ħabbret fuq il-għatba tad-dar tal-qariba tagħha Elizabetta: “Il-ħniena tiegħu .. f’kull żmien”

Marija hija dik li b’mod tassew tal-għaġeb, b’mod li ma hemmx ieħor bħalu, għarfet x’inhi l-ħniena, u ebda ħadd ieħor ma għarafha qatt daqsha; fl-istess waqt, b’mod tassew speċjali, permezz tas-sagrifiċċju ta’ qalbha seta’ jseħħ it-tisħib tagħha fir-rivelazzjoni tal-ħniena ta’ Alla. Dan is-sagrifiċċju ta’ qalbha hu marbut b’rabta liema bħalha mas-sagrifiċċju ta’ Binha fuq is-Salib, li fejnu qagħdet fuq il-Kalvarju. Is-sagrifiċċju tagħha hu tisħib tassew speċjali fir-rivelazzjoni tal-ħniena, jiġifieri hu tisħib fil-fedeltà sħiħa ta’ Alla għall-imħabbtu, u għall-patt li sa minn ewl id-dinja ried u, tul iż-żminijiet, għamel mal-bniedem, ma’ poplu, mal-bnedmin kollha; hu tisħib fir-revelazzjoni li saret darba għal dejjem permezz tas-Salib. Bħal Marija, Omm l-Imsallab, ħadd ma ġarrab il-misteru tas-Salib, jiġifieri l-għaqda tal-ġustizzja ta’ Alla, li tiżboq, kollox, mal-imħabba tiegħu tal-għaġeb: “il-bewsa” mogħtija lill-ġustizzja mill-ħniena. Daqs Marija ħadd ma laqa’ f’qalbu dan il-misteru: jiġifieri l-qofol tal-ħidma ta’ Alla fil-fidwa li seħħet fuq il-Kalvarju bil-mewt ta’ Binha flimkien mas-sagrifiċċju tal-qalb tagħha ta’ omm u bil-“fiat” sħiħ tagħha (“Ikun minni skond kelmtek”).

Marija għalhekk hija dik li għarfet l-għoli kollu tal-misteru tal-ħniena ta’ Alla, għarfet ukoll kemm tiswa u fehmet kemm kienet tassew tal-għaġeb. Għalhekk insejħulha Omm il-ħniena, Sidtna tal-ħniena, Omm il-ħniena ta’ Alla. F’dawn it-titoli hemm moħbija qawwa teoloġika kbira, għaliex juru kemm u kif kienet imħejjija ruħha, l-intelliġenza tagħha, anzi hija kollha kemm hi, biex tagħraf il-ħniena, l-ewwel fil-ġrajja mqallba ta’ Israel, mbagħad fil-ġrajja ta’ kull bniedem u fl-aħħar tal-bnedmin kollha kemm huma, dik il-ħniena li “f’kull żmien” għandna sehem minnha għax hekk minn dejjem riedet it-Trinità Qaddisa.

It-titoli mogħtijin lil Omm Alla, li għadna kemm semmejna, jitkellmu l-ewwelnett fuqha bħala Omm l-Imsallab u l-Irxoxt: jiġifieri jitkellem fuq dik li ġarrbet ħniena b’mod tassew ta’ l-għaġeb u bl-istess mod speċjali “immeritat” din il-ħniena tul ħajjitha kollha fuq l-art u l-aktar fejn is-Salib ta’ Binha; u fuq dik li, fil-moħbi imma fl-istess ħin imsieħba b’mod tal-għaġeb fil-missjoni ta’ Binha bħala Messija, intgħażlet b’mod speċjali biex twassal lill-bnedmin dik l-imħabba li Binha ġie biex jurihom, dik l-imħabba li tintwera b’mod l-aktar konkret ma’ dawk li qed ibatu, mal-fqar, ma’ dawk li huma mċaħħdin mil-libertà tagħhom, mal-għomja, mal-maħqurin, mal-midinbin, kif qal Kristu fuqhom bi kliem il-profeta Isaija l-ewwel fis-sinagoga ta’ Nazaret , imbagħad meta wieġeb għall-mistoqsija ta’ dawk li bagħat għandu San Ġwann Battista

Hi proprju f’din l-imħabba “kollha ħniena”, li l-aktar tidher fejn hemm id-deni tar-ruħ u tal-ġisem, li kellha sehem b’mod tassew speċjali u singulari l-qalb ta’ dik li kienet Omm l-Imsallab u l-Irxoxt: li kellha sehem Marija. U fiha u biha din l-imħabba ma tehda qatt tidher fil-Knisja u fil-ġrajja tal-bniedem. Dan il-mod kif tintwera l-imħabba jagħti kotra ta’ frott għaliex, f’Omm Alla, ġej minn kif taħdem il-qalb tagħha ta’ omm, minn kif tħoss għall-oħrajn, minn kemm tasal biex tilħaq lil dawk kollha li aktar malajr lesti biex jilqgħu l-imħabba kollha ħniena li turi omm. Dan huwa wieħed mill-misteri kbar tat-twemmin nisrani, misteru li jagħti l-ħajja, misteru marbut b’rabta liema bħalha mal-misteru tal-inkarnazzjoni.

Fuq dan il-Konċilju Vatikan II igħallimna li Marija saret ommna u għadha ommna fl-ordni tal-grazzja: bdiet tkun ommna minn dak il-waqt li, b’fidi kbira, laqgħet il-messaġġ li tħabbrilha mill-Anġlu; bla biża’ ta’ xejn baqgħet iġġib ruħha ta’ ommna fejn is-Salib; u għadha u tibqa’ dejjem ommna sa ma sseħħ għal kollox ix-xirka kollha tal-magħżulin. Għax għalkemm ġiet imtellgħa s-sema hija ma telqitx minn taħt idejha din il-ħidma għas-salvazzjoni tagħna, imma għadha tidħol għalina b’kull mod biex Alla jagħtina l-grazzji meħtieġa għas-salvazzjoni ta’ dejjem. Fl-imħabba tagħha ta’ omm hija l-ħin kollu taħseb f’ħut Binha fil-mixi tagħhom lejn is-sema, “fost it-tiġrib u d-dwejjaq kollu tal-ħajja, sa ma jaslu fil-hena tas-sema pajjiżhom”

 

Kapitlu VI

“ ĦNIENA .. F’KULL ŻMIEN”

  1. Xbieha għan-nisel tagħna

Għandna kull dritt nemmnu li għal żmienna wkoll igħodd il-kliem li qalet l-Omm ta’ Alla meta faħħret il-ħniena li – “f’kull żmien” tinfirex fuq dawk li jibżgħu minn Alla. Kliem il-Verġni Marija fil-Magnificat għandu tagħlim profetiku li ma huwiex biss dwar l-imgħoddi ta’ Israel imma wkoll dwar il-ġejjieni kollu tal-Poplu ta’ Alla fuq l-art. Aħna lkoll li llum ninsabu fid-dinja, aħna dak in-nisel li jaf li qed toqrob it-tielet elf sena u qed iħoss il-bidla li qiegħda sseħħ fl-istorja. Iż-żmien tagħna jqis ruħu xxurtjat għax il-progress qed jagħtih tant opportunitajiet li ftit għaxriet ta’ snin ilu ħadd ma kien jobsorhom. Il-ħidma kreattiva tal-bniedem, l-intelliġenza tiegħu u x-xogħol tiegħu ġabu tibdil kbir kemm fl-oqsma tax-xjenza u tat-teknoloġija u kemm fl-oqsma tal-ħajja soċjali u tal-kultura. Il-bniedem għaraf is-setgħa tiegħu fuq il-ħolqien u kiseb tagħrif akbar dwar il-liġijiet li jirregolaw l-imġiba tal-bniedem fis-soċjetà. Ra jiġġarfu u jiġu fix-xejn l-ostakoli u d-distanzi bejn bniedem u ieħor u bejn in-nazzjonijiet għax kiber is-sens ta’ l-universalità, għax sirna nafu b’mod aktar ċar li l-bnedmin kollha huma familja waħda, għax illum inħossu li kulħadd għandu jgħin wieħed lill-ieħor meta jkun hemm bżonn li naqbżu għal xulxin, għax fl-aħħarnett kibret fina x-xewqa u s-setgħa li nitkellmu ma’ ħutna l-bnedmin l-oħra, ′l hemm mid-diviżjonijiet ġeografiki artifiċjali u mit-trufijiet kollha bejn nazzjonijiet jew ġnus. Qabel kulħadd, iż-żgħażagħ il-lum jifhmu li l-progress tax-xjenza u tat-teknika qed joħolqu mhux biss ġid materjali imma wkoll tisħib akbar fil-għerf tal-bnedmin. Il-progress tal-għaġeb fil-mezzi tal-informazzjoni, biex insemmu eżempju, ikabbru l-ħila tal-bniedem ħa jagħmel ħwejjeġ ġodda u jiftaħ għalih il-bieb għall-ġid u l-għana tal-kultura u tal-intelliġenza ta’ ġnus oħra.

Mezzi ġodda fit-teknika tax-xandir igħinu biex wieħed jissieħeb aktar f’dak li qed jiġri u fit-tqabbil tal-fehmiet. Dak li kisbu x-xjenzi bijoloġiċi, psikoloġiċi, u soċjali jgħinu l-bniedem biex jagħraf aktar u aħjar l-għana tan-natura tiegħu stess. U għalkemm dan il-progress kollu sal-lum għadu wisq il-privileġġ tal-pajjiżi industrijalizzati, ma nistgħux niċħdu li fil-ġejjieni n-nazzjonijiet u l-ġnus kollha jista’ jkollhom sehem minn dan il-ġid kollu; din mhijiex xi ħolma fiergħa jekk ikun hemm rieda politika vera dwar dan. Iżda barra dan il-progress kollu – anzi flimkien ma’ dan il-progress – hemm ħafna diffikultajiet li jinbtu kull fejn ikun hemm il-progress. Il-bniedem jaqta’ qalbu u jħossu dgħajjef meta jiġi biex jagħti dik it-tweġiba mill-qiegħ ta’ qalbu li jħoss li għandu jagħti. Id-dehra tad-dinja l-lum fiha wkoll ħafna nuqqasijiet u dellijiet li mhux dejjem huma biss superfiċjali, li mhux dejjem jidhru minn barra. Il-kostituzzjoni pastorali, Gaudium et Spes, tal-Konċilju Vatikan II mhijiex id-dokument waħdieni li jitkellem fuq il-ħajja ta’ żmienna, imma hu dokument ta’ importanza speċjali. “L-iżbilanċ kollu li qiegħed iħawwad id-dinja tal-lum”, naqraw fih, “huwa marbut ma’ dak l-iżbilanċ aktar mill-qiegħ li għandu l-egħruq tiegħu fil-qalb tal-bniedem. Għax il-bniedem għandu fih innifsu bosta elementi li jeħduha kontra xulxin. Min-naħa l-waħda ta’ bniedem maħluq li hu, b’ħafna modi jħoss li għandu tarf sa fejn jista’ jasal; min-naħa l-oħra mbagħad iħoss li ma għandu ebda tarf għax-xewqat tiegħu li hu msejjaħ għall-ħajja ogħla. Fost il-ħafna ħwejjeġ li jħajruh u jiġbduh, huwa dejjem isib ruħu f’qagħda li jkollu bilfors jagħżel xi wħud, u oħrajn iwarrabhom. Mhux biss, imma ta’ dgħajjef u midneb li hu, sikwit jagħmel dak li ma jridx u ma jagħmilx dak li jrid. Għalhekk iġarrab firda fih innifsu u din l-istess firda ġġib ħafna nuqqas kbir ta’ ftehim fis-soċjetà

Lejn it-tmiem tad-daħla tal-kostituzzjoni naqraw: “Fl-iżvilupp li d-dinja laħqet il-lum qegħdin niltaqgħu dejjem iżjed ma’ nies li jqanqlu kwistjonijiet l-iżjed fondamentali jew iħarsu lejhom b’ħarsa ġdida li tinfed ′il ġewwa. X’inhu l-bniedem? Għalfejn it-tbatija, id-deni, il-mewt, li għadna nħabbtu wiċċna magħhom minkejja li mxejna tant ′l quddiem? X’fejda sibna fil-ħafna rebħiet miksuba bi prezz kbir?”

Tul il-ħmistax-il sena minn mindu ntemm il-Konċilju Vatikan II din id-dehra ta’ tensjoni u ta’ theddid, proprju ta’ żmienna, forsi naqset xi ftit li tinkwetana? Milli jidher, le. Anzi, bil-maqlub, it-tensjonijiet u t-theddid li fid-dokument tal-Konċilju jidhru qishom għadhom qegħdin jinbtu u kienu għadhom ma jurux il-ħażen moħbi fihom mill-egħruq, illum, f’dan l-intervall ta’ snin, dehru aktar x’inhuma, b’kemm-il sura wrew li huma ta’ periklu, u għalhekk ma jagħtux aktar lok għall-illużjonijiet tal-imgħoddi.

  1. Minn fejn ġej il-qtigħ il-qalb ta’ żmienna

Minħabba f’hekk id-dinja tħoss li l-periklu qiegħed dejjem aktar jikber. Qiegħed jikber dak il-biża’ fil-ħajja ta’ kull jum – kif semmejt fuq fuq fl-enċiklika Redemptor hominis – li tqum xi gwerra li, minħabba l-għadd kbir ta’ armi nukleari li hawn illum, tista’ tfisser il-qerda ta’ parti kbira tal-bnedmin minnhom stess. Imma t-theddida ma hijiex biss ta’ dak li l-bnedmin jistgħu jagħmlu ′l xulxin bil-mezzi li tagħtihom f’idejhom it-teknika militari; il-periklu ġej ukoll minn ħafna theddid ieħor, li hu l-frott ta’ soċjetà materjalistika li, għalkemm ixxandar fehmiet “umanistiċi”, b’dan kollu żżomm li l-ġid materjali hu aqwa mill-persuna tal-bniedem. Il-bniedem tal-lum għalhekk jibża’ li, bl-użu ta’ mezzi maħluqa minn soċjetà ta’ din is-sura, l-individwi, il-komunitajiet, is-soċjetajiet u n-nazzjonijiet jistgħu jġarrbu moħqrija u ħsara minn individwi jew komunitajiet jew soċjetajiet oħra. L-istorja taż-żminijiet tagħna tagħtina eżempji kemm irridu ta’ dan. Minkejja l-ħafna dikjarazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem bħala bniedem kollu kemm hu, jiġifieri tal-bniedem fir-ruħ u l-ġisem tiegħu, ma nistgħux ngħidu li dawn l-eżempji huma biss xi ħaġa tal-imgħoddi.

Bir-raġun kollu l-bniedem jibża’ jaqa’ vittma tal-moħqrija li ttellfu l-libertà li jaħsibha kif irid hu u li jgħid il-verità kif iħossha, il-fidi li jħaddan, is-setgħa li jobdi leħen il-kuxjenza tiegħu li turih it-triq li għandu jaqbad. Il-mezzi tekniċi li għandha f’idejha is-soċjetà tal-lum, għandhom moħbija fihom mhux biss il-qawwa li jeqirdu lilhom infushom f’xi gwerra, imma wkoll is-setgħa li, “paċifikament” jaħkmu individwi, komunitajiet, soċjetajiet sħaħ u nazzjonijiet ukoll, li, għal xi raġuni jew oħra, jitqiesu li huma ta’ tfixkil għal dawk li għandhom f’idejhom dawn il-mezzi u lesti dejjem jużawhom bla ebda skrupli ta’ kuxjenza. Ta’ min ifakkar li fid-dinja tal-lum teżisti wkoll it-tortura, li qiegħda tiġi wżata bi ħsieb minn min għandu s-setgħa jaħkem u jaħqar politikament, tortura li l-qaddejja ta’ dawn is-setgħanin jużawha mingħajr ħadd ma jgħidilhom xejn.

Flimkien mat-theddida bijoloġika l-bniedem iħoss li qiegħda tikber ukoll theddida oħra li aktar tista’ teqred dak li hu verament tal-bniedem jiġifieri dak li jaqbel perfettament mad-dinjità tal-bniedem u mad-dritt tiegħu għall-verità u għall-libertà.

Dan kollu qiegħed iseħħ waqt li fost il-bnedmin hemm djieqa għax fid-dinja, flimkien ma’ nies u soċjetajiet għonja u mfawwra b’kull ġid, u mogħtijin għall-ħala u għax-xalar, jinsabu wkoll nies u soċjetajiet li qegħdin ibatu l-ġuħ. Hemm trabi li qegħdin imutu bil-ġuħ taħt il-ħarsa mnikkta ta’ ommijiethom. F’ħafna partijiet tad-dinja u f’ħafna sistemi soċjali-ekonomiċi jinsabu oqsma kbar ta’ faqar, ta’ miżerja, u ta’ nuqqas kbir ta’ progress u ta’ żvilupp. Dan il-lum kulħadd jafu. Anzi mhux biss hawn individwi u nazzjonijiet f’qagħda wisq agħar minn oħrajn, iżda l-għadd tagħhom dejjem qed tikber. U l-lum qed jiġri wkoll li, bieb ma’ bieb ma’ dawk li huma għonja u qed jgħixu fl-abbundanza, hemm oħrajn li qed jgħixu f’faqar kbir, qed iġarrbu l-miżerja u spiss qed imutu bil-ġuħ; u l-għadd tagħhom jilħaq l-għaxriet, anzi l-mijiet ta’ eluf u eluf. Minħabba f’dan kollu ma jistax ikun li ma jikbirx il-qtigħ il-qalb. Bilfors hemm xi difett fondamentali, jew aħjar għadd ta’ nuqqasijiet, u nuqqasijiet kbar fl-amministrazzjoni tal-ġid, tal-ekonomija ta’ żmienna flimkien ma’ nuqqasijiet kbar fl-istess soċjetà ċivili li ma jħallux lill-bnedmin jeħilsu minn qagħdiet hekk kiefra u ħżiena.

Din id-dehra tad-dinja tal-lum – fejn hawn tant deni fir-ruħ u fil-ġisem, hekk li d-dinja qisha mxekkla minn għadd ta’ kontradizzjonijiet u ta’ tensjonijiet waqt li hija wkoll imġarrba minn ħafna theddid għal-libertà fil-kuxjenza tal-bniedem u għar-reliġjon – turina għaliex il-biża’ qed jaħkem il-bniedem tal-lum. Qegħdin iġarrbu llum dan il-qtigħ il-qalb mhux biss il-fqar u l-maħqurin, imma wkoll dawk li qed igawdu l-ġid u l-progress u għandhom is-setgħa f’idejhom. U għalkemm ma jonqsux nies li qed iħabirku biex jifhmu għaliex hawn dan il-qtigħ il-qalb kollu fid-dinja, għalkemm hawn nies li qegħdin jippruvaw jegħilbuh bil-mezzi materjali, li jiġuhom mill-flus, mit-teknika u mis-setgħa li għandhom, b’dan kollu, fil-qiegħ tal-qalb tal-bniedem, dan il-qtigħ tal-qalb hu aqwa minn dawn il-mezzi kollha. Għax, kif għaraf sew ir-raġunijiet l-Konċilju Vatikan II, dan il-qtigħ il-qalb ġej minħabba l-problemi fondamentali tal-ħajja tal-bniedem. Dan il-qtigħ il-qalb hu marbut mat-tifsir stess tal-ħajja tal-bniedem fuq l-art u hu tħassib dwar il-ġejjieni tal-bniedem u tal-bnedmin kollha ta’ żmienna; jeħtieġ għalhekk li jittieħdu deċiżjonijiet b’rieda sħiħa, deċiżjonijiet li ma jistgħux jeħilsu aktar minnhom il-bnedmin kollha.

 

  1. Il-ġustizzja biżżejjed?

Mhijiex ħaġa tqila tintebaħ li fid-dinja tal-lum is-sens tal-ġustizzja qiegħed dejjem aktar jiġi f’tiegħu: ħaġa bħal din żgur turi aħjar x’qiegħed isir kontra l-ġustizzja fir-relazzjonijiet bejn bniedem u ieħor, bejn gruppi soċjali u bejn “klassijiet”, bejn popli u bejn nazzjonijiet, u, fl-aħħarnett, bejn sistemi politiċi, bejn dinja u oħra, kif jgħidu. Din il-fehma għolja, li turi ruħha f’aktar minn sura waħda, u li, fil-kuxjenza tal-bniedem tal-lum, għandha l-bidu tagħha mis-sens tal-ġustizzja, li hemm fil-bniedem, tixhed li t-tensjonijiet u l-ġlied kollu li hawn fid-dinja għandhom karattru morali.

Il-knisja flimkien mal-bnedmin tal-lum, tixtieq bil-ħeġġa kollha ħajja ġusta fl-oqsma kollha, u qatt ma tonqos tistieden lil-bnedmin iqisu s-suriet kollha tal-ġustizzja, meħtieġa mill-ħajja tal-bniedem u tas-soċjetà. Prova ta’ dan l-interess tal-Knisja hu t-tagħlim soċjali tagħha, li żviluppa b’mod tassew ta’ l-għaġeb tul din l-aħħar mitt sena. Fid-dawl ta’ dan it-tagħlim qed tingħata llum l-edukazzjoni u titrawwem il-kuxjenza tal-bniedem fi spirtu ta’ ġustizzja; fid-dawl ta’ dan it-tagħlim ukoll qed issir ħidma individwali, l-aktar fil-qasam tal-appostolat tal-lajċi: ħidma li qiegħda tiżviluppa proprju b’dan l-ispirtu.

Iżda mhijiex xi ħaġa tqila biex tifhem li, ta’ spiss fehmiet u ħidmiet li jkollhom il-bidu tagħhom f’sens ta’ ġustizzja u għalhekk għandhom iwasslu biex isseħħ il-ġustizzja fost il-bnedmin u fost il-gruppi u soċjetajiet tal-bnedmin, ta’ spiss fil-fatt imorru żmerċ. Għalkemm ikomplu jgħidu li qed iħabirku għall-ġustizzja, l-esperjenza turina li l-ġustizzja fil-fatt tiġi megħluba mill-piki, mill-mibegħda, u, xi kull tant, mill-kefrija wkoll, u minn qawwiet negattivi oħra bħal dawn. F’dawn il-każi l-ħeġġa biex teqred l-għadu, biex ixxekkillu l-libertà tiegħu, jew ukoll tpoġġih f’qagħda li jkun jiddependi għal kollox min ħaddieħor, isir l-għan ewlieni ta’ kull ma jiġri; u dan hu kontra l-essenza tal-ġustizzja li fin-natura tagħha stess, trid li jseħħ il-qbil u l-armonija bejn dawk li huma miġġieldin bejniethom. Din is-sura ta’ abbuż tal-ġustizzja, dan it-tagħwiġ tagħha bil-fatti, juri kemm għemil il-bniedem jista’ jitbiegħed mill-istess ġustizzja, ukoll meta, dak li jagħmel, igħid li qiegħed jagħmlu f’isem il-ġustizzja. Mhux ta’ xejn Kristu ċanfar lil dawk li kienu jisimgħuh, għax kienu jġibu ruħhom skond it-tagħlim tal-Patt il-Qadim imfisser bil-kliem “Għajn b’għajn, u sinna b’sinna”  Dak iż-żmien hekk kienu jgħawġu l-ġustizzja; il-mod kif tiġi mgħawġa llum jixbaħ lil dan. Qed jiġri li f’isem ġustizzja taparsi (il-ġustizzja ta’ l-istorja, kif igħidu, jew il-ġustizzja ta’ “klassi”), xi kull tant, il-proxxmu qed jiġi meqrud, maqtul, imċaħħad mil-libertà tiegħu, u mnezza’ mid-drittijiet tiegħu ta’ bniedem li hu. L-esperjenza tal-imgħoddi u tal-lum juruna li l-ġustizzja waħedha mhijiex biżżejjed, u tista’ twassal biex tiċħad u teqred lilha nfisha, jekk ma tħallix il-qawwa aktar setgħana tal-imħabba ssawwar il-ħajja tal-bniedem fl-oqsma kollha tagħha. Kienet l-esperjenza ta’ l-istorja li ħolqot, fost ħwejjeġ oħra, l-espressjoni: summum ius, summa iniuria. Espressjoni bħal din ma tnaqqas xejn mill-qawwa tal-ġustizzja u lanqas tnaqqas xejn mit-tifsir tal-ordni li hu mibni fuqha; turi biss, taħt aspett ieħor, kemm hu meħtieġ li joħorġu mir-ruħ qawwiet wisq aqwa biex isawru l-istess ordni tal-ġustizzja.

Il-Knisja, hija u żżomm quddiem għajnejha ż-żmien tagħha tal-lum, iġġarrab l-istess qtigħ il-qalb ta’ tant nies ta’ żmienna. U wieħed ma jistax ma jitħassibx jara kemm qegħdin jonqsu u jiġu fix-xejn ħafna prinċipji fondamentali li huma ta’ għana bla qjies mhux biss għall-imġiba nisranija imma wkoll għall-imġiba tal-bniedem bħala bniedem, u għall-kultura morali tiegħu: fost dawn il-valuri hemm il-ħarsien tal-ħajja sa mill-ewwel mument tat-tnissil fil-ġuf, il-ħarsien tas-sħuħija taż-żwieġ fir-rabta tiegħu li ma tinħallx, ir-rispett tas-sħuħija tal-familja. L-imġiba laxka l-aktar li tolqot hu fl-oqsma l-aktar sensittivi tal-ħajja u tas-soċjetà. Flimkien ma’ dan kollu, hemm ukoll il-kriżi tal-verità fil-relazzjonijiet tal-bnedmin bejniethom, in-nuqqas ta’ sens ta’ responsabbiltà f’dak li wieħed jgħid, it-tfixxija biss ta’ dak li jaqbel fir-relazzjonijiet ta’ bniedem ma’ ieħor, in-nuqqas ta’ apprezzament ta’ dak li hu tassew ta’ ġid għal kulħadd, u l-ħeffa li biha qiegħed jiġi mwarrab kull ma hu tajjeb u ta’ ġid. Fl-aħħarnett kull ħaġa qiegħda titlef is-sura qaddisa tagħha u b’hekk malajr issir ħaġa ta’ deni għall-bniedem: għax il-bniedem u s-soċjetà, li ma baqgħalhom xejn “qaddis” għalihom malajr jiġġarfu moralment minkejja lli juru ħaġa b’oħra.

 

Kapitlu VII

IL-ĦNIENA TA’ ALLA FIL-MISSJONI TAL-KNISJA

Quddiem din id-dehra ta’ żmienna, dehra li ma jistax ikun ma ġġibilniex ħafna qtigħ ta’ qalb, ħsiebna malajr imur f’dawk il-kelmiet li, wara li l-Iben ta’ Alla sar bniedem, instemgħu fl-innu ta’ Marija, il-Magnificat, kelmiet li jfaħħru l-ħniena ta’ Alla – f’kull żmien”. Il-Knisja ta’ żmienna, hija u timmedita bla heda fuq il-qawwa ta’ dan il-kliem ispirat minn Alla, waqt li tapplikah għat-tbatijiet tal-bnedmin kollha, għandha tħoss dejjem aktar u aktar fil-fond il-ħtieġa li fil-missjoni kollha tagħha tagħti xhieda tal-ħniena ta’ Alla, u hekk tkun timxi mat-tradizzjoni tal-Patt il-Qadim u tal-Patt il-Ġdid, u, aktar u aktar, ma’ Kristu stess u mal-Appostli. Il-Knisja trid tagħti xhieda tal-ħniena ta’ Alla li dehret fi Kristu, fil-missjoni kollha tiegħu bħala Messija, u trid ixxandarha l-ewwelnett bħala verità tal-fidi li ssalvana u bħala ħtieġa għall-ħajja mdawwla bil-fidi, u mbagħad trid tħabrek biex iddaħħalha u tinkarnaha fil-ħajja tal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba. Fl-aħħarnett il-Knisja – hija u xxandar il-ħniena u turi fedeltà sħiħa lejha – għandha d-dritt u d-dmir titlob għall-ħniena ta’ Alla, meta tara tant suriet ta’ deni tar-ruħ u l-ġisem, u tant theddid li bħal sħab qed jinġabar fuq ix-xefaq kollu tal-ħajja tal-bnedmin tal-lum.

  1. Il-Knisja tistqarr il-ħniena ta’ Alla u xxandarha

Il-Knisja trid tistqarr u xxandar il-ħniena ta’ Alla fil-verità sħiħa tagħha, kif waslitilna mit-tradizzjoni. Ippruvajna, fil-paġni ta’ dan id-dokument, nagħtu almenu l-punti ewlenin ta’ din il-verità li hi mfissra b’mod hekk sabiħ fil-kotba ta’ l-Iskrittura u fit-tradizzjoni mqaddsa. Fil-ħajja ta’ kuljum tal-Knisja, il-verità dwar il-ħniena ta’ Alla, imfissra fl-Iskrittura, tinstama’ bla qatt ma tieqaf, fil-ħafna qari tal-Liturġija mqaddsa. Is-sens veru tal-fidi tal-Poplu ta’ Alla wkoll jintebaħ b’din il-verità, kif jixhdu l-ħafna egħmejjel ta’ tjieba ta’ kull xorta minn individwi u minn komunitajiet. Mhijiex ħaġa ħafifa tagħmel lista tagħhom kollha jew tgħid fil-qosor x’inhuma għax ħafna minnhom huma minquxin b’mod tassew ħaj fil-fond tal-qalb u tar-ruħ ta’ ħafna nies. Xi teoloġi jgħidu li l-ħniena hija l-akbar fost il-perfezzjonijiet u l-attributi kollha ta’ Alla, u l-Iskrittura, it-Tradizzjoni, u l-ħajja kollha tal-fidi tal-Poplu ta’ Alla jagħtu provi qawwija ta’ dan. Hawn m’aħniex nitkellmu fuq il-ħniena bħala perfezzjoni tan-natura ta’ Alla li tisboq kull ma l-bniedem jista’ jifhem, fuq il-ħniena fil-misteru ta’ Alla nnifsu, imma qegħdin nitkellmu fuq il-ħniena bħala dik il-perfezzjoni u dak l-attribut li bih il-bniedem, fil-verità sħiħa ta’ ħajtu stess, jiltaqa’ ma’ Alla l-ħaj ta’ spiss u mill-qrib. “Id-dehra tal-Missier” kif qal Kristu lil Filippu – dehra ta’ Alla permezz tal-fidi – imlaqqa’ mal-ħniena ta’ Alla, hi mument liema bħalu ta’ sempliċità tar-ruħ u ta’ verità, mument bħal dak li niltaqgħu miegħu fil-parabbola ta’ l-iben il-ħali.

“Min ra lili ra lill-Missier”  Il-Knisja tistqarr il-ħniena ta’ Alla u biha tgħix l-esperjenza kbira tagħha ta’ fidi u ta’ tagħlim ukoll hija u tikkontempla bla heda ′l Kristu, mehdija bih, b’ħajtu, bl-Evanġelju tiegħu, bis-salib u l-qawmien tiegħu mill-imwiet, bil-misteru tiegħu kollu kemm hu. Kull ma jwassal għad-“dehra” ta’ Kristu fil-fidi ħajja u fit-tagħlim tal-Knisja, iqarrabna lejn “id-dehra tal-Missier” fil-qdusija kollha tal-ħniena tiegħu. Il-Knisja b’mod speċjali tidher li qiegħda tistqarr il-ħniena ta’ Alla u tqimha meta tħares lejn il-Qalb ta’ Kristu. Hu proprju dan it-tqarrib lejn Kristu fil-misteru tal-Qalb tiegħu, li jgħina nieqfu fuq dan il-ħsieb – ħsieb li hu ħafif ħafna għall-bnedmin biex jifhmuh, u, b’xi mod, hu wkoll il-qofol tar-rivelazzjoni tal-imħabba kollha ħniena tal-Missier, rivelazzjoni li kienet il-qofol tal-missjoni messjanika tal-Iben t’Alla.

Il-Knisja tkun tgħix ħajja vera meta tistqarr u xxandar il-ħniena – l-aqwa attribut jew perfezzjoni ta’ Alla l-Ħallieq u l-Feddej – u meta tressaq lill-bnedmin lejn l-egħjun tal-ħniena tas-Salvatur, li huma fdati lilha biex tħarishom u tqassam minnhom. F’dan il-qasam tgħin ħafna l-meditazzjoni bla heda tal-Kelma ta’ Alla u fuq kollox it-tisħib sħiħ u attiv fl-Ewkaristija u fis-sagrament tal-penitenza u tar-rikonċiljazzjoni. L-Ewkaristija tqarrabna dejjem aktar lejn dik l-imħabba li hi aktar qawwija mill-mewt: “Kull meta nieklu dan il-ħobż u nixorbu dan il-kalċi” mhux biss inħabbru mewt il-Feddej imma wkoll il-Qawmien tiegħu mill-imwiet “sa ma jiġi” fil-glorja  Iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika b’tifkira ta’ Dak li fil-missjoni messjanika tiegħu wriena l-Missier bi kliemu u fuq is-Salib, tagħti xhieda tal-imħabba bla qjies, li biha jrid jingħaqad u jkun ħaġa waħda magħna, biex jiltaqa’ mal-qalb ta’ kull bniedem. Is-sagrament tal-penitenza jew rikonċiljazzjoni jiftaħ it-triq tal-ħniena għal kull bniedem, ukoll għal dawk li huma mtaqqlin b’ħafna ħtijiet. F’dan is-sagrament kull bniedem iġarrab b’mod speċjali l-ħniena, jiġifieri dik l-imħabba li hi aktar qawwija mid-dnub. Fuq dan ġa tkellimt fl-enċiklika Redemptor hominis, imma jaqbel li nerġgħu nitkellmu fuq dan is-suġġett importanti.

Hu proprju għaliex hawn id-dnub fid-dinja li “Alla hekk ħabb… li ta lil Ibnu l-waħdieni” ; jiġifieri Alla, li “Hu mħabba” , ma setax juri lilu nnifsu jekk mhux bħala ħniena. Dan jaqbel mhux biss mal-verità kollha ta’ dik l-imħabba li hi Alla stess, imma wkoll mal-verità sħiħa tal-bniedem fih innifsu u tad-dinja li hi l-għamara tiegħu għaż-żmien li jgħix fuq l-art.

Il-ħniena fiha nfisha, bħala perfezzjoni ta’ Alla li hu ta’ perfezzjoni bla qjies, hi wkoll bla qjies, infinita. U hi bla qjies ukoll, għalhekk, u ma tonqos qatt, ir-rieda mħeġġa ta’ Alla li jilqa’ kull iben il-ħali li jerġa’ lura d-dar. Bla qjies hija r-rieda u l-qawwa tal-maħfra li bla heda joħorġu mis-sagrifiċċju tal-Iben ta’ siwi tassew ta’ l-għaġeb. Ebda dnub tal-bniedem ma jista’ jegħleb din il-qawwa jew jillimitaha. Min-naħa tal-bniedem jillimitaha biss in-nuqqas ta’ rieda tajba, in-nuqqas ta’ ħeġġa għall-konverżjoni u għall-indiema; fi kliem ieħor, jillimitaha l-bniedem li jwebbes qalbu, li jfixkel il-grazzja u jmur kontra l-verità, u dan l-aktar quddiem ix-xhieda tas-Salib u tal-Qawmien ta’ Kristu.

Il-Knisja għalhekk tistqarr u xxandar il-konverżjoni. Il-konverżjoni lejn Alla dejjem tfisser issib il-ħniena, jiġifieri ssib dik il-ħniena li hi l-imħabba li “tistabar u tħenn” , skond il-qjies ta’ Alla l-Missier li ħalaq kollox; dik l-imħabba li “Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu” hu fidil għaliha sa l-aħħar fil-ġrajja kollha tal-patt tiegħu mal-bniedem, sas-Salib u l-mewt u l-qawmien mill-imwiet tal-Iben. Il-konverżjoni lejn Alla hi dejjem il-frott li jikseb min “isib” mill-ġdid lill-Missier, għani fil-ħniena.

Il-konverżjoni mhux biss il-konverżjoni bħala l-bidla ta’ mument fir-ruħ, imma wkoll il-konverżjoni li hi mod ta’ mġiba li jibqa’, li hi qagħda tar-ruħ, tibda dejjem meta wieħed jagħraf verament lil Alla tal-ħniena, lil Alla ta’ l-imħabba ħanina. Dawk biss li jaslu biex jagħarfu ′l Alla b’dan il-mod, li “jarawh” b’dan il-mod, jistgħu jgħixu f’qagħda ta’ konverżjoni bla waqfien lejn Alla. Qegħdin jgħixu għalhekk in statu conversionis; u hija din il-qagħda ta’ konverżjoni li turi x’għandha tkun is-sura ewlenija tal-mixi ta’ kull bniedem fuq din l-art: in statu viatoris. Il-Knisja tistqarr il-ħniena ta’ Alla, irrivelata lilna fi Kristu msallab u rxoxt, mhux biss fit-tagħlim tagħha, imma, l-aktar, fit-taħbit tal-ħajja tal-Poplu ta’ Alla kollu kemm hu. B’din ix-xhieda ta’ ħajja l-Knisja taqdi l-missjoni proprja tal-Poplu ta’ Alla, missjoni li għandha sehem fil-missjoni messjanika ta’ Kristu stess u b’xi mod tkompliha.

Il-Knisja ta’ żmienna tifhem sewwa li biss fuq il-pedament tal-ħniena ta’ Alla hi tista’ tkompli d-dmirijiet li jiġuha mit-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II u, l-ewwelnett, id-dmir ekumeniku li jrid iwassal għall-għaqda bejniethom ta’ dawk kollha li jistqarru ′l Kristu. Fit-tħabrik kollu tagħha għal dan il-għan, il-Knisja, bl-umiltà kollha, tistqarr li biss l-imħabba, li hi aktar qawwija mill-firdiet dgħajfa tal-bnedmin bejniethom, tista’ ġġib darba għal dejjem dik il-għaqda li Kristu talab għaliha lill-Missier u li l-Ispirtu s-Santu ma jehda qatt jitlobha għalina “bi tnehid li ma jistax jitfisser bi kliem

  1. Il-Knisja tħabrek biex turi ħniena

Kristu għallem li l-bniedem mhux biss isib u jara l-ħniena ta’ Alla, imma hu wkoll imsejjaħ biex “juri ħniena” ma’ l-oħrajn: “Ħenjin dawk li jħennu, għaliex huma jsibu ħniena” F’dan il-kliem il-Knisja tara sejħa għall-ħidma, u għalhekk tħabrek biex turi ħniena. Jekk it-tmien beatitudni tad-diskors tal-muntanja kollha juru t-triq għall-konverżjoni u għall-bidla fil-ħajja, il-beatitudni li titkellem fuq dawk li jħennu, titkellem b’qawwa tassew kbira fuq hekk. Il-bniedem jersaq lejn l-imħabba ħanina ta’ Alla, lejn il-ħniena ta’ Alla, daqskemm hu jinbidel fih innifsu fl-ispirtu ta’ l-imħabba għal għajru.

Din il-bidla verament evanġelika m’hijiex xi bidla fir-ruħ li sseħħ darba għal dejjem: hija sura sħiħa ta’ ħajja, hi sinjal meħtieġ għal dejjem tas-sejħa nisranija. Tikkonsisti filli wieħed kontinwament isib x’inhi l-imħabba u bla heda juri li hija dejjem qawwa li tgħaqqad u ttejjeb, minkejja kull tfixkil psikoloġiku u soċjali: imħabba bħal din mhix ħlief imħabba kollha ħniena, imħabba li fiha nfisha, toħloq dejjem ħaġa ġdida. Fir-relazzjonijiet tal-bnedmin bejniethom, din l-imħabba kollha ħniena qatt ma tkun ġejja min-naħa waħda biss, qatt ma tkun għemil ta’ naħa waħda biss. Ukoll meta qisu jidher li naħa waħda biss tkun qed tagħti u toffri sinjali ta’ mħabba, u in-naħa l-oħra tkun qiegħda biss tirċievi u tieħu (bħalma jiġri, biex insemmu xi eżempji, meta tabib ifejjaq, jew surmast igħallem, jew ġenituri jaħsbu għat-trobbija ta’ wliedhom, jew xi benefattur jgħin lil min hu fil-bżonn), fil-fatt dak li qed jagħti qiegħed ukoll jikseb xi ħaġa. Hu x’inhu, dejjem jista’ jsib ruħu f’qagħda ta’ wieħed li jrid jirċievi, li jikseb xi ġid, li juruh imħabba u ħniena: hu wkoll jista’ jsib ruħu f’qagħda li jkun jeħtieġ li juruh ħniena.

Kristu msallab hu f’dan l-aqwa eżempju għalina, eżempju li jqawwina u jħeġġiġna. Meta aħna nimxu fuq eżempju bħal dan li tant iqanqalna, inkunu nistgħu, bl-umiltà kollha, nuru ħniena ma’ l-oħrajn, għax nafu li Kristu jqisha magħmulha miegħu  Fuq eżempju bħal dan jeħtieġ li bla heda nsaffu kull għemil u kull fehma tagħna li bihom nuru li l-ħniena li qed nagħmlu ma’ l-oħrajn, minn għalina ġejja min-naħa tagħna biss. Veru għemil ta’ mħabba u ħniena huwa biss dak l-għemil li, aħna u qegħdin nagħmluh, inħossu fil-fond ta’ qalbna li dawk in-nies stess li qegħdin nuruhom ħniena, qegħdin juruna huma wkoll ħniena. Jekk ma hemmx din il-fehma, għemilna għadu mhuwiex veru għemil ta’ ħniena, u lanqas għadha ma seħħet għal kollox il-konverżjoni li Kristu wriena t-triq għaliha bi kliemu u b’għemilu, sa fuq is-Salib, u lanqas għadna ma qegħdin nieħdu għal kollox sehem minn dik il-għajn tal-għaġeb ta’ mħabba u ħniena li hu wriena.

Għalhekk it-triq li Kristu wriena fid-diskors tal-muntanja bil-beatitudni dwar dawk li jħennu hi wisq aktar għonja minn dak li nsibu fil-fehmiet tal-bnedmin dwar il-ħniena. F’dawn il-fehmiet tal-bnedmin il-ħniena hi għemil min-naħa waħda, u tqis li hemm u żżomm ċertu bogħod bejn dak li qed juri ħniena u dak li miegħu qed issir ħniena, bejn dak li qed jagħmel xi ġid u dak li jirċevih. Minħabba din il-fehma, ħafna jridu li r-relazzjonijiet kollha bejn bniedem u ieħor u f’kull soċjetà ikunu mibnija mhux fuq il-ħniena imma biss fuq il-ġustizzja.Iżda fehma bħal din fuq il-ħniena ma tasalx biex tara x’rabta fondamentali hemm bejn il-ħniena u l-ġustizzja, li fuqha titkellem it-tradizzjoni kollha fl-Iskrittura, u wisq aktar il-missjoni messjanika ta’ Ġesù Kristu. Il-vera ħniena, biex ngħidu hekk, hi l-għajn ewlenija tal-ġustizzja. Jekk il-ġustizzja fiha nfisha tiswa fost il-bnedmin għall-“arbitraġġ” biex jitqassam skond is-sewwa l-ġid materjali, l-imħabba, u l-imħabba biss, (dik l-imħabba kollha tjieba wkoll, li nsejħulha “ħniena”) tista’ treġġa lura l-bniedem għad-dinjità tiegħu ta’ bniedem li hu.

Il-ħniena nisranija tassew imbagħad hi wkoll, b’xi mod, l-inkarnazzjoni l-aktar perfetta tal-“egwaljanza” bejn il-bnedmin, u għalhekk l-inkarnazzjoni l-aktar perfetta wkoll tal-ġustizzja, meta l-ġustizzja trid tilħaq l-istess skop fil-qasam tagħha. Iżda l-“egwaljanza” li tista’ ġġib il-ġustizzja hi biss fil-qasam tal-ġid materjali u oġġettiv, waqt li l-imħabba u l-ħniena jġibu l-“egwaljanza” f’dak il-valur il hu l-bniedem fih innifsu, fid-dinjità tiegħu bħala bniedem. Fl-istess ħin l-“egwaljanza” bejn il-bnedmin permezz ta’ l-imħabba li tistabar u tħenn ma twarrabx id-distinzjonijiet: dak li jagħti jsir aktar ġeneruż meta jħoss li hu qed jikseb ġid minn għand dak li qed jirċievi meta jintebaħ li huwa wkoll qed jagħmel ġid lil min qed jagħtih, huwa u jilqa’ dak li qed jingħatalu, huwa wkoll, bil-mod tiegħu, qed igħin biex iġib ′l quddiem id-dinjità tal-bniedem: u dan igħin ħafna biex jgħaqqad il-bnedmin flimkien b’mod aktar profond.

Il-ħniena b’hekk issir element meħtieġ ħafna ħa jissawru relazzjonijiet bejn il-bnedmin fi spirtu ta’ rispett kbir għal kull ma hu tal-bniedem, u fi spirtu ta’ rispett għal xulxin bħal aħwa. Ma tistax isseħħ rabta bħal din bejn il-bnedmin, jekk ikunu jridu jfasslu r-relazzjonijiet ta’ bejniethom biss skond il-ġustizzja. Fl-oqsma kollha tar-relazzjonijiet tal-bnedmin bejniethom, il-ġustizzja, biex ngħid hekk, trid tkun imtaffija sewwa b’dik l-imħabba li San Pawl jgħidilna li taf “tistabar” u “tħenn”, jew, fi kliem ieħor, li għandha dawk il-kwalitajiet ta’ mħabba kollha ħniena tant meħtieġa għall-Evanġelju u għar-reliġjon nisranija. Ma ninsewx imbagħad li l-imħabba kollha ħniena tfisser ukoll dik l-imħabba kollha ħlewwa u dik il-qalb tajba li l-parabbola ta’ l-iben il-ħali turi b’mod hekk qawwi , u kif juruhom ukoll il-parabboli tan-nagħġa mitlufa u tal-biċċa flus mitlufa  Għalhekk bl-ebda mod ma jistgħu jgħaddu mingħajr din l-imħabba kollha ħniena dawk li huma qrib ħafna lejn xulxin: il-miżżewġin bejniethom, il-ġenituri u l-ulied, il-ħbieb bejniethom; u ma tista’ qatt tonqos lanqas fl-edukazzjoni u l-ħidma pastorali.

Iżda l-ħidma ta’ din l-imħabba m’hijiex daqshekk biss. U jekk Pawlu VI aktar minn darba tkellem fuq “iċ-ċiviltà ta’ l-imħabba” bħala l-għan ta’ kull ħidma mhux biss fl-oqsma ekonomiċi u politiċi, irridu zżidu u ngħidu wkoll li qatt ma se nilħqu dan il-għan jekk fi ħsibijietna u f’għemilna u f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-ħafna oqsma kbar u iebsin tas-soċjetà tal-bniedem, aħna nibqgħu marbutin mal-prinċipju: “għajn b’għajn u sinna b’sinna” ,u ma nippruvawx inbiddlu dan il-prinċipju mill-fond tiegħu billi nġedduh bi spirtu ieħor. Iva, il-Konċilju Vatikan II imexxina lejn dan meta jitkellem ta’ spiss u jgħid li d-dinja jeħtieġ li tkun aktar “umana” , u jżid jgħid li l-missjoni tal-Knisja llum hi proprju li tara li dan iseħħ fid-dinja. Is-soċjetà ssir aktar “umana” jekk, fir-relazzjonijiet ta’ kull xorta tal-bnedmin bejniethom u bejn is-soċjetajiet, indaħħlu mhux biss il-ġustizzja imma ukoll dik “l-imħabba kollha ħniena” li hi l-qofol tal-messaġġ messjaniku tal-Evanġelju.

Is-soċjetà tista’ “ssir aktar umana” biss jekk fir-relazzjonijiet kollha tal-bnedmin bejniethom li juru s-sura morali tas-soċjetà, ikun hemm żmien u lok għall-maħfra li hi l-qofol tal-messaġġ tal-Evanġelju. Il-maħfra turi li fid-dinja hemm imħabba li hi aktar qawwija mid-dnub. Il-maħfra hija kondizzjoni li mingħajrha ma jistax ikun hemm rikonċiljazzjoni, mhux biss bejn Alla u l-bniedem, imma wkoll bejn bniedem u ieħor. Dinja li minnha titwarrab il-maħfra ma hijiex ħlief dinja ta’ ġustizzja kiesħa u bierda, u nieqsa minn kull sentiment, li f’isimha kull bniedem jitlob id-drittijiet kollha tiegħu kontra l-bnedmin l-oħra kollha: is-suriet kollha tal-egoiżmu li hemm moħbija fil-bniedem imbagħad jibdlu l-ħajja u s-soċjetà tal-bnedmin f’sistema fejn min hu dgħajjef jinħaqar minn min hu b’saħħtu, u fejn qatt ma jieqaf il-ġlied bejn grupp u ieħor.

Għalhekk il-knisja tqis bħala wieħed mid-drittijiet ewlenin tagħha – f’kull żmien tal-istorja tagħha u l-aktar fi żmienna – li xxandar u ddaħħal fil-ħajja tal-bniedem il-misteru tal-ħniena, mgħarraf lilna fil-milja kollha tiegħu minn Ġesù Kristu. U mhux għall-Knisja biss bħala x-xirka ta’ dawk li jemmnu, imma, b’xi mod, għall-bnedmin kollha, dan il-misteru hu għajn ta’ ħajja li ma taqbel xejn ma’ dik il-ħajja li l-bniedem jibni meta jsib ruħu maħkum mill-qawwa kbira tat-tliet ġibdiet li hemm fih  Hu f’isem dan il-misteru li Kristu jgħallimna naħfru dejjem. Kemm-il darba ntennu f’talbna dak il-kliem li hu għallimna, aħna u ngħidulu “jaħfrilna ħtijietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina”, kliem li jfisser li aħna wkoll ħatjin ta’ xi ħaġa kontra tagħna  Hi ħaġa tassew tqila turi x’siwi kbir għandha l-imġiba li dan il-kliem ifisser u jgħallem. Kemm ħwejjeġ sbieħ igħid dan il-kliem lil kull wieħed minna fuq l-oħrajn u fuqu nnifsu! Il-fatt li nagħarfu li aħna naħtu għal xulxin imur flimkien mal-fatt li aħna nħossu li għandna naqbżu għal xulxin bħal aħwa, ħaġa li San Pawl ifissirha b’erba’ kelmiet kollha ħeġġa: “aħmlu u ħobbu ′l xulxin”  X’tagħlim kbir ta’ umiltà hemm f’dan il-kliem dwar il-bniedem, u wkoll dwar il-proxxmu u dwarek innifsek! Xi skola ta’ rieda tajba għall-ħajja ta’ kuljum, għas-suriet kollha tal-ħajja li ngħixu. Jekk ser inħallu fil-ġenb dan it-tagħlim, x’ikun jifdal mill-programm “umanistiku” tal-ħajja u ta’ l-edukazzjoni?

Kristu jtenni hekk bil-qawwa l-ħtieġa tal-maħfra ta’ l-oħrajn li meta San Pietru staqsieh kemm-il darba għandu jaħfer lil għajru, wieġbu bin-numru simboliku ta’ “sebgħa u sebgħin” biex ifissirlu li għandu jaħfer dejjem lil kulħadd. Ma għandniex naħsbu li l-kmandament ta’ maħfra daqshekk kbir se jneħħi l-ħtieġa oġġettiva tal-ġustizzja. F’ebda pass tal-Evanġelju, il-maħfra, u l-ħniena li hi l-għajn tal-maħfra, ifissru mogħdrija għad-deni, għall-ħażen, għall-iskandli, għall-ħsarat, għall-insulti. It-tpattija għad-deni li jsir, għall-iskandli li jingħataw, għall-ħsara, għall-insulti hi meħtieġa dejjem, għal kull każ, biex ikun hemm maħfra.

L-istruttura fondamentali tal-ġustizzja dejjem tidħol fil-qasam tal-ħniena. Iżda l-ħniena għandha l-qawwa li tagħti tifsir ġdid lill-ġustizzja, tifsir li jidher, b’mod tassew sempliċi u sħiħ, fil-maħfra. Il-maħfra turi li, aktar minn kull “tpattija” u “waqfien mill-ġlied”, li huma proprji tal-ġustizzja, hi meħtieġa l-imħabba biex il-bniedem juri ruħu ta’ bniedem li hu. Is-sħuħija fil-kondizzjonijiet li titlob il-ġustizzja hi meħtieġa biex l-imħabba tidher sewwa dak li hi. Meta studjajna il-parabbola tal-iben il-ħali, rajna li min jaħfer u min jikseb il-maħfra jiltaqgħu flimkien f’pont importanti ħafna, fid-dinjità jew fis-siwi fondamentali tal-bniedem, pont li ma jistax jintilef, pont li meta wieħed isostnih bil-qawwa jew meta wieħed jerġa’ jsibu wara li jkun tilfu, ikun għalih għajn ta’ ferħ bla qjies

Il-Knisja għalhekk tagħmel sewwa tqis bħala dmirha u bħala skop tal-missjoni tagħha li tħares il-verità tal-maħfra kemm fil-ħajja u kemm fl-imġiba, kemm fil-ħidma edukattiva u kemm fil-ħidma pastorali. Tħarisha billi tħares il-bidu tagħha, li hu l-misteru tal-ħniena ta’ Alla nnifsu kif ġie rivelat lilna minn Ġesù Kristu.

Il-missjoni tal-Knisja, fl-oqsma kollha li fuqhom jitkellmu l-ħafna dokumenti tal-aħħar Konċilju u, tul il-mijiet tas-snin, l-esperjenza kollha tal-appostolat, bħala pedament ma għandhiex ħlief li “timla l-ilma mill-egħjun tas-salvazzjoni” : hu dan li jmexxi s-suriet kollha tal-qadi u tal-ħidma tal-Knisja fil-ħajja ta’ kull nisrani, ta’ kull komunità, u wkoll tal-Poplu kollu ta’ Alla. “Timla l-ilma mill-egħjun tas-salvazzjoni jista’ biss isir fi spirtu ta’ faqar, li għalih aħna lkoll msejħin mill-kliem u mill-eżempju tal-Mulej: b’xejn ħadtu, b’xejn agħtu”  Għalhekk fis-suriet kollha tal-ħajja u tal-ministeru tal-Knisja – permezz tal-faqar evanġeliku tal-ministri u tal-amministraturi tagħha u tal-poplu kollu li jagħti xhieda tal-“għemejjel kbar” tal-Mulej – deher dejjem aktar aħjar Alla li hu “għani bil-ħniena”.

 

Kapitlu VIII

IT-TALBA TAL-KNISJA FI ŻMINIJIETNA

  1. Il-Knisja titlob ħniena lil Alla

Il-Knisja tħabbar il-verità tal-ħniena ta’ Alla li ntweriet lilna fi Kristu msallab u rxoxt, u tistqarrha b’ħafna modi. Barra dan, tfittex turi ħniena mal-bnedmin permezz ta’ bnedmin oħra, u f’dan tara kondizzjoni meħtieġa għat-tħabrik biex ikun hemm dinja aħjar u “aktar xierqa għall-bniedem”, illum u għada. Iżda qatt u f’ebda żmien tal-istorja tagħha – speċjalment fi żminijiet kritiċi bħal tagħna – ma tista’ l-Knisja tinsa dik it-talba li hi għajta għall-ħniena ta’ Alla quddiem il-qawwiet kollha tal-ħażen li qed jagħfsu fuq il-bnedmin u jhedduhom. Aktar mal-kunxjenza tal-bniedem iċċedi quddiem is-sekularizzazzjoni , u titlef it-tifsir sħiħ tal-kelma “ħniena”, u aktar ma twarrab minn Alla u titbiegħed mill-misteru tal-ħniena, aktar għandha il-Knisja titlob ħniena mingħand Alla “b’leħen għoli”  Dan “il-leħen għoli” għandu jkollha l-Knisja ta’ żmienna, leħen li jitla’ quddiem Alla jitlob ħniena, dik il-ħniena li l-Knisja tistqarr u xxandar li seħħet fi Kristu msallab u rxoxt, jiġifieri l-misteru ta’ l-Għid. Hu dan il-misteru li juri b’mod tassew sħiħ il-ħniena jiġifieri dik l-imħabba li hi aktar qawwija mill-mewt, li terfa’ l-bniedem meta jaqa’ fil-fond u teħilsu minn kull theddid kbir. Il-bniedem tal-lum iħossu sewwa dan it-theddid. Dak li għidna fuq dan it-theddid f’dan id-dokument hu biss xi ħaġa fuq fuq. Il-bniedem tal-lum spiss b’qalbu maqtugħa jistaqsi meta ser jispiċċaw dawk it-tensjonijiet tal-biża’ li nġabru fuq id-dinja u qed jixterdu fost il-bnedmin. U jekk il-bniedem il-lum, xi kull tant, ma għandux ħila jgħid il-kelma “ħniena” jew jekk fil-kuxjenza tiegħu ma jsib xejn x’jixbah il-ħniena għax nieqes minn kull sentiment reliġjuż, wisq aktar kbira hi għalhekk il-ħtieġa li l-Knisja tgħidha din il-kelma “ħniena”, mhux biss f’isimha, imma wkoll f’isem il-bnedmin kollha ta’ żmienna.

Kull ħaġa li għidt f’dan id-dokument fuq il-ħniena jeħtieġ li bla heda jinbidel f’talba mħeġġa, f’leħen għoli jitlob ħniena skond il-ħtiġijiet tal-bniedem fid-dinja tal-lum. Jalla dan il-leħen għoli jkun mimli b’dik il-verità fuq il-ħniena, li nsibu mfissra b’għana hekk kbir ta’ kliem fl-Iskrittura u t-tradizzjoni, kif ukoll fil-ħajja vera tal-fidi ta’ ġenerazzjonijiet bla għadd tal-Poplu ta’ Alla. B’dan il-leħen għoli , bħalma għamlu l-kittieba qaddisin, nitolbu aħna ′l Alla li ma jista’ jistmerr xejn minn dak li għamel , ′l Alla li hu fidil għalih innifsu, għall-imħabba tiegħu, għall-paternità tiegħu. U bħal profeti nitolbu għal dik l-imħabba, li, bħala omm, tmur tiġri wara wliedha kollha, wara kull nagħġa mitlufa, ukoll jekk huma eluf ta’ eluf, ukoll jekk fid-dinja l-ħażen qed jegħleb il-ġid, ukoll jekk il-bnedmin kollha jkun jistħoqqilhom jinqerdu minn “dilluvju” ieħor minħabba dnubiethom, kif ġara fi żmien Noѐ. Nirrikorru għal dik l-imħabba ta’ missier li wriehilna Kristu fil-missjoni tiegħu bħala Messija, imħabba li laħqet il-quċċata tagħha fuq is-Salib, bil-mewt u l-qawmien tiegħu mill-imwiet. Nirrikorru għand il-Missier bi Kristu, aħna u niftakru fil-kliem tal-Magnificat ta’ Marija li jxandar l-ħniena ta’ Alla – “kull żmien”. Nitolbu l-ħniena ta’ Alla għal żmienna. Jalla l-Knisja fuq l-eżempju ta’ Marija, tfittex li tkun l-omm spiritwali tal-bnedmin kollha, u f’din it-talba għall-ħniena turi l-ħerqa tagħha ta’ omm u fl-istess ħin l-imħabba tagħha kollha tama, dik l-imħabba li minnha tiġi l-ħtieġa kbira tat-talb.

Ngħollu t-talb tagħna, imqanqlin mill-fidi, mit-tama, mill-imħabba li Kristu ħawwel fi qlubna. Din l-imġiba hi wkoll imħabba ta’ Alla, ta’ dak Alla li l-bniedem tal-lum xi drabi jbiegħed ′l bogħod ħafna minnu, jagħmlu barrani għalih, u b’ħafna modi jxandar li Alla hu “żejjed” għalih. Din hi mela l-imħabba ta’ Alla, li l-bniedem tal-lum qed jiċħad u joffendi b’mod hekk ikrah, ċaħda li nħossu f’qiegħ qalbna u twassalna biex ma’ Kristu fuq is-Salib ngħidu: “Missier, aħfrilhom għax ma jafux x’qegħdin jagħmlu”  Hi wkoll imħabba għall-bniedem, għall-bnedmin kollha, huma min huma, huma minn fejn huma, bla ebda għażla ta’ razza, kultura, ilsien u fehmiet fuq id-dinja, mingħajr għażla bejn ħbieb u għedewwa. Din hi mħabba għall-bnedmin – tixtieq il-ġid lil kull bniedem, lil kull komunità ta’ bnedmin, lil kull familja, lil kull nazzjon, lil kull grupp soċjali, liż-zgħażagħ, lill-kbar, lill-ġenituri, lix-xjuħ – imħabba għal kulħadd bla eċċezzjoni. Din hi mħabba, jew aħjar ħerqa mħeġġa biex tara li kull bniedem għandu kull ġid veru u biex tbiegħed minn kull bniedem kull xorta ta’ deni.

U jekk xi wħud min-nies ta’ żmienna ma għandhomx il-fidi u t-tama li qed imexxu lili, bħala qaddej ta’ Kristu u amministratur tal-misteri ta’ Alla biex nitlob il-ħniena ta’ Alla għall-bnedmin kollha f’din is-siegħa tal-istorja, għall-inqas jippruvaw jifhmu t-tħassib tiegħi, li ġej mill-imħabba tiegħi għall-bniedem, għal kull ma hu tal-bniedem, li, kif jaħsbu ħafna nies ta’ żmienna, hu mħedded minn periklu tassew kbir. Il-misteru ta’ Kristu, li jurina s-sejħa għolja tal-bniedem, li ġiegħelitni nitkellem bil-qawwa fuq id-dinjità liema bħalha tal-bniedem fir-Redemptor hominis, igiegħelni wkoll inxandar li l-ħniena hi l-imħabba kollha ħniena ta’ Alla, irrivelata lilna f’dan l-istess misteru ta’ Kristu. Iġiegħelni wkoll nirrikorri għal din il-ħniena u nitlob għaliha f’dan il-mument hekk iebes u hekk kritiku tal-ġrajja tal-Knisja u tad-dinja, aħna u qegħdin noqorbu għat-tmiem tat-tieni elf sena.

F’isem Kristu msallab u rxoxt, fl-ispirtu tal-missjoni tiegħu bħala Messija, li għadha sejra fil-ġrajja tal-bniedem, ngħollu leħenna u nitolbu li l-Imħabba li l-Missier għandu għalina, għal darba oħra, tiġi revelata lilna f’dan il-mument tal-ġrajja tal-bniedem, u li, bil-ħidma ta’ l-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, tidher fid-dinja tal-lum, u turi li hi aktar qawwija minn kull deni, aktar qawwija mid-dnub u l-mewt. Nitolbu dan bl-interċessjoni ta’ dik li ma tehdiex ixxandar il-ħniena ta’ Alla – “f’kull żmien”, u bl-interċessjoni ta’ dawk ukoll li għalihom seħħu għal kollox il-kliem tad-diskors tal-muntanja: “Ħenjin dawk li jħennu għax huma jsibu l-ħniena”

Hija u tkompli l-ħidma iebsa tagħha biex jitwettaq il-Konċilju Vatikan II, li fih bir-raġun kollu naraw fażi ġdida ta’ kif il-Knisja sseħħ fiha nfisha – skond ma jitolbu ż-żminijiet li fihom ngħixu – il-Knisja stess trid bla heda tifhem sewwa li f’din il-ħidma hi, għall-ebda raġuni, ma tista’ tingħalaq fiha nfisha. Il-Knisja twaqqfet biex turi lil Alla, il-Missier, li jħallina “narawh” fi Kristu  Qawwija kemm hi qawwija r-reżistenza tal-istorja tal-bniedem, huma x’inhuma l-ħafna għażliet ta’ kull xorta taċ-ċiviltà ta’ żmienna, kbira kemm hi kbira ċ-ċaħda ta’ Alla fid-dinja tal-bniedem tal-lum, wisq aktar trid il-Knisja tersaq qrib il-misteru, li moħbi għall-mijiet ta’ snin f’Alla, ġie fiż-żmien irrivelat lill-bniedem permezz ta’ Ġesù Kristu.

Bil-Barka Apostolika tiegħi.

 

Mogħtija f’Ruma, f’San Pietru, fit-30 ta’ Novembru, l-ewwel Ħadd ta’ l-Avvent tas-sena 1980, it-tielet sena tal-Pontifikat.

IOANNES PAULUS pp II

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.