Il-Mirakli ta’ Kristu – Sinjali Salvifiċi

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 2 ta’ Diċembru  1987

37. Il-Mirakli ta’ Kristu – Sinjali Salvifiċi

  1. Mhemmx dubju dwar il-fatt li fil-Vanġeli l-mirakli ta’ Kristu jġu ppreżentati bħala sinjali tas-saltna ta’ Alla, li daħlet fl-istorja tal-bniedem u tad-dinja. “Jekk jiena nkeċċi x-xjaten bis-saħħa tal-Ispirtu ta’ Alla, mela żgur li waslet fostkom is-saltna ta’ Alla”, jgħid Ġesù (Mt12, 28). Għal kemm diskussjonijiet iridu jagħmlu u diġa għamlu dwar it-tema tal-miraklu (għal liema mill-bqija wieġbu l-apoloġisti nsara), hija ħaġa ċerta li mhux possibbli tifred il-“mirakli, għeġubijiet u sinjali” attribwiti lil Ġesù, u saħansitra lill-appostli u d-dixxipli operanti tiegħu “f’ismu”, mill-kuntest awtentiku tal-Vanġelu. Fil-predikazzjoni tal-appostli, minn liema prinċipalment joriġinaw il-Vanġeli, l-ewwel insara kienu jisimgħu rrakkuntati minn xhieda okulari dawk il-fatti straordinarji, li seħħew fi żminijiet qrib u allura kontrollabbli taħt l-aspett li nistgħu ngħidu kritiku-storiku, għalhekk ma kinux sorpriżi bl-inseriment tagħhom fil-vanġeli. Kienu x’kienu l-kontradizzjonijiet taż-żmenijiet suċċessivi, minn dak is-sors ġenwin tal-ħajja u tat-tagħlim ta’ Kristu toħroġ l-ewwel ħaġa ċerta: l-appostli, l-evanġelisti u l-Knisja primittiva kollha kienu raw f’kull wieħed minn dawk il-mirakli il-poter suprem ta’ Kristu fuq in-natura u fuq il-liġijiet. Dak li jirrivela lil Alla bħala Missier, Ħallieq u Mulej tal-ħolqien, meta jwettaq dawk il-mirakli bil-qawwa propja tiegħu, jirrivela lilu nnifsu bħala Iben konsustanzjali għall-Missier u ugwali għalih fis-sinjorija fuq il-ħolqien.
  2. Xi mirakli jippreżentaw però wkoll aspetti kumplimentari għas-sinifikat fondamentali ta’ prova tal-poter divin ta’ Bin il-bniedem, fir-rigward tal-ekonomija tal-fidwa.

Hekk waqt li jitkellem minn l-ewwel “sinjal” imwettaq ġo Kana tal-Galilea, l-evanġelista Ġwanni jinnota li permezz tiegħu Ġesù “wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih” (Ġw 2, 11). Il-miraklu huwa mela mwettaq għal skop ta’ fidi, imma dan iseħħ waqt festa ta’ tieġ. Wieħed jistà jgħid għalhekk li, almenu fl-intenzjoni tal-evanġelista, is-“sinjal” iservi biex jenfasizza  l-ekonomija kollha divina tal-patt u tal-grazzja li fil-kotba tat-Testment il-Qadim u l-Ġdid spiss jiġu espressi b’immaġni taż-żwieġ. Il-mraklu ta’ Kana tal-Galilea jistà mela jkun  in konnessjoni mal-parabbola tal-festa tat-tieġ li sultan għamel għal ibnu, u mas- “saltna tas-smewwiet” eskatoloġika li “hija simili” propju għal tali festa (cf. Mt 22, 2). L-ewwel miraklu ta’ Ġesù jistà jkun moqri bħala “sinjal” ta’ din is-saltna, speċjalment jekk wieħed jaħseb li, billi ma kinitx waslet “is-siegħa ta’ Ġesù”, jew aħjar is-siegħa tal-passjoni tiegħu u tal-glorifikazzjoni tiegħu (Ġw 2, 4; cf. 7, 30; 8, 20; 12, 23. 27; 13, 1; 17, 1), li trid tkun imħejjija mill-predikazzjoni tal-“Vanġelu tas-saltna” (cf. Mt 4, 23; 9, 35), il-miraklu miksub bl-interċessjoni ta’ Marija jistà jkun ikunsidrat bħala “sinjal” u taħbira simbolika ta’ dak li kien sejjer jiġri.

  1. Bħala “sinjal” tal-ekonomija feddejja jippermettilna naqraw ferm iktar b’mod ċar il-miraklu tal-multiplikazzjoni tal-ħobż, li seħħ fl-inħawi qrib Kafarnaw. Ġwanni jorbot id-diskors magħmul minn Ġesù il-jum ta’ wara, li fih jinsisti fuq il-bżonn tal-kisba “tal-ħobż li ma jgħaddix” permezz tal-“fidi f’dak li bagħatni” (Ġw6, 29), u jitkellem dwaru stess bħala l-ħobż tassew li “jagħti l-ħajja lid-dinja” (Ġw6, 33) u anzi dwar dak li jagħti ġismu “għall-ħajja tad-dinja” (Ġw 6, 51). Din hija t-tħabbira tal-passjoni u l-mewt feddejja, mhux mingħajr referenza u tħejjja għall-Ewkaristija li kellha tiġi mwaqfa il-jum ta’ qabel il-passjoni tiegħu, bħala sagrament-ħobż tal-ħajja li ma tintemmx (cf. Ġw 6, 52-58).
  2. Minn naħa tagħha t-tempesta kkalmata fuq il-lag ta’ Ġenażżaret tistà tinqara bħala “sinjal” ta’ preżenza kostanti ta’ Kristu fid-“dgħajsa” tal-Knisja, li bosta drabi tul il-mixja tal-istorja tiġi esposta għall-furja tar-riħ fis-sigħat tat-tempesta. Ġesù, imqajjem mid-dixxipli, jamar lir-riħ u lill-baħar u taqà kalma kbira. Imbagħad jgħid lilhom: “Għaliex intom hekk imbeżżà? Għadkom m’għandkomx fidi?” (Mk4, 40). F’dan, bħal f’episodji oħra, tidher ir-rieda ta’ Ġesù li jdaħħal fl-appostli u fid-dixxipli l-fidi fil-preżenza operatriċi u protettriċi  tiegħu ukoll fis-sigħat l-iktar tempestużi tal-istorja, f’liema jistà jinfiltra fl-ispirtu d-dubja dwar l-għajnuna divina tiegħu. Infatti fil-priedki u fl-ispiritwalità nisranija l-miraklu spiss kien interpretat bħala “sinjal” tal-preżenza ta’ Ġesù u garanzija tal-fiduċja fih minn naħa tal-insara u tal-Knisja.
  3. Ġesù, li jmur lejn id-dixxipli, waqt li jimxi fuq l-ilmijiet, joffri “sinjal” ieħor tal-preżenza tiegħu, u jassikura viġilanza kostanti fuq id-dixxipli u fuq il-Knisja. “Kuraġġ, huwa jien, la tibżgħux”, jgħid Ġesù lill-appostli, li kienu ħasbuh fantażma (cf.Mk 6, 49-50; cf. Mt 14, 26-27; Ġw 6, 16-21). Marku jinnota l-istagħġib tal-appostli “għaliex ma kinux fehmu l-fatt tal-ħobż u qalbhom kienet ibbieset” (Mk 6, 52). Mattew jirraporta l-mistoqsija ta’ Pietru li ried jinżel fuq l-ilma biex imur jiltaqà ma’ Ġesù u jirreġistra l-biżà tiegħu u s-sejħa tiegħu għall-ajjut, meta jħossu nieżel: Ġesù jsalvah, imma jċanfru bil-ħlewwa: “Bniedem ta’ ftit fidi, għaliex iddubitajt?” (Mt 14, 31). Iżid ukoll li “dawk li kienu fid-dgħajsa inxteħtu f’riġlejh jgħidu: Inti tassew l-Iben ta’ Alla”  (Mt 14, 33).
  4. Is-sajdiet mirakolużi huma għall-appostli u għall-knisja is-“sinjali” tal-fertilità tal-missjoni tagħhom jekk iżommu lilhom infushom magħqudin b’mod profond mal-qawwa feddejja ta’ Kristu (cf.Lq 5, 4-10; Ġw 21, 3-6). Difatti Luqa jinserixxi fl-irrakkuntar tal-fatt ta’ Xmun Pietru li jinxteħet ma’ rkupptejn Ġesù waqt li jgħid: “Mulej, tbiegħed minni għax jiena midneb” (Lq 5, 8), u t-tweġiba ta’ Ġesù: “La tibżax: minn issa ‘l hemm se tkun sajjied tal-bnedmin”(Lq 5, 10). Ġwanni minn naħa tiegħu idaħħal in-narrazzjoni tas-sajda wara l-qawmien mill-imwiet, il-mandat ta’ Kristu lil Pietru. “Irgħa l-ħrief tiegħi, irgħa n-nagħaġ tiegħi” (cf. Ġw 21, 15-17).Din hija  kombinazzjoni sinifikattiva.
  5. Wieħed mela jistà jgħid li l-mirakli ta’ Kristu, manifestazzjoni tal-omnipotenza divina fir-rigward tal-ħolqien, li tirrivela ruħha fil-poter messjaniku tiegħu fuq bnedmin u ħwejjeġ, huma fl-istess ħin is-sinjali permezz ta’ liema tirrivela ruħha l-opra divina tal-fidwa, l-ekonomija feddejja li bi Kristu tiġi ntrodotta u tattwa ruħha b’mod definittiv fl-istorja tal-bniedem u tiġi hekk minquxa b’dan il-mod viżibbli , li hija wkoll opra divina. In-nies li – hekk bħall-appostli fuq il-lag – “waqt li raw il-“mirakli” ta’ Kristu jistaqsu lilhom infushom: “Min huwa . . . dan, li wkoll ir-riħ u l-baħar jobduh?” (Mk4, 41), permezz ta’ dawn is-“sinjali” jiġu mħejjija biex jilqgħu l-fidwa offruta lill-bniedem minn Alla f’Ibnu  .

Dan huwa l-għan essenzjali tal-mirakli u sinjali kollha magħmula minn Kristu fl-għajnejn tal-kontemporanji tiegħu, u ta’ dawk il-mirakli li fil-mixja tal-istorja jkunu mwettqa mill-appostli u d-dixxipli tiegħu b’referenza għall-qawwa feddejja ta’ ismu: “Fl-isem ta’ Ġesù Kristu, in-Nażżarenu. Imxi!” (At 3, 6).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading