L-Istemma Episkopali tal-Isqof Anton Teuma


Id-Djoċesi ta’ Għawdex qed ixxandar l-Istemma Episkopali tal-Isqof il-ġdid Mons. Anton Teuma, li nħadmet miċ-Ċentru tal-Arti Liturġika Eikon (Għawdex).

L-Istemma Episkopali tal-Isqof Anton TeumaDeskrizzjoni tal-Istemma

Kif diġà tħabbar, il-motto tal-istemma episkopali tal-Isqof Teuma – “U baqa’ miexi magħhom” – meħud mill-Vanġelu skont San Luqa, fejn il-Mulej imqajjem mill-mewt jimxi mad-dixxipli fit-triq lejn Għemmaws (Lq 24:13-35), juri l-missjoni tal-Knisja li f’isem Kristu takkumpanja lill-bniedem fil-mixja tal-ħajja tiegħu, anki fil-mumenti tqal u ta’ dlam.

Bħala element viżiv fl-istemma, li juri din ir-realtà, għandna figura mill-Ewwel Ktieb tas- Slaten (17:2-6) fejn il-profeta Elija jaħrab u jinħeba fil-wied ta’ Kerit. Hemmekk, il-profeta ppersegwitat u maħrub, li jagħmel esperjenza tal-falliment, iduq il-preżenza u l-providenza ta’ Alla li takkumpanjah fiċ-ċawl li kien iġiblu l-laħam u l-ħobż kull filgħodu u kull filgħaxija.

Fil-kummentarju tad-Djaknu San Efrem tas-Sirja, dan il-ħobż huwa dak imsemmi mill-profeta Iżaija (33:16-17) meta jgħid: “Dan [il-bniedem] jgħammar fl-għoli: fortizza taż-żonqor il-kenn tiegħu, il-ħobż tiegħu jsibu u l-ilma qatt ma jonqsu. Jaraw għajnejk sultan fi ġmielu, jaraw art mifruxa ’l bogħod”.

Għalhekk dan il-ħobż huwa figura tal-Ewkaristija, il-Ħobż maqsum li jsir manifestazzjoni u ċelebrazzjoni ta’ Kristu mqajjem mill-mewt; il-Ħobż li jmantni lill-bniedem fil-mixja tiegħu f’din id-dinja lejn id-Dar tal-Missier fis-Sema.

San Efrem jikkummenta wkoll li l-laħam li ġie mitmugħ il-profeta huwa figura tal-Kelma ta’ Alla, li fi Kristu ssir il-Kelma-bniedem, imlibbes bil-ġisem uman, li “jimla b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ” (Lq 1:53).

Din il-Kelma, għalhekk, mhijiex għarfien astratt, imma hija Kelma inkarnata fi Kristu, kif huwa stess juri lid-dixxipli fit-triq meta “beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kulma kien hemm fl-Iskrittura fuqu” (Lq 24:27).

Il-Kelma u l-Qsim tal-Ħobż huma l-għemejjel li bihom il-Mulej imqajjem mill-mewt jakkumpanja lid-dixxipli ta’ Għemmaws fil-mixja tagħhom, u jgħinhom joħorġu mid-dlam tad-dubju u n-niket għall-esperjenza Paskwali tal-Mulej li hu ħaj u preżenti.

Iċ-ċawla li tidher fl-istemma, bil-ħobż f’munqarha u l-ktieb imkebbeb f’difrejha, turi ż-żewġ sinjali tal-preżenza ta’ Kristu li niltaqgħu magħhom fis-silta ta’ San Luqa. Huwa permezz tal- Kelma u l-Ewkaristija li l-Knisja llum tkompli takkumpanja lill-bniedem fil-mixja tal-ħajja, speċjalment meta, bħall-profeta u bħad-dixxipli, il-bniedem tal-lum jagħmel esperjenza tal- falliment u d-dubju.

Fin-naħa ta’ isfel tal-iskud għandna rappreżentazzjoni araldika ta’ nixxiegħa tal-ilma. Peress li San Efrem jgħid li t-tifsira teoloġika tal-wied ta’ Kerit minn fejn kien jixrob il-profeta hija dik in-nixxiegħa li toħroġ mit-Tempju (Eż 47) u ssir xmara li tagħti l-ħajja kull fejn tgħaddi u tfejjaq ukoll il-Baħar il-Mejjet, allura hija figura tal-ħajja ġdida fi Kristu. Hija l-istess xbieha li nsibu fil-ktieb tal-Apokalissi (22:1-2). Dan l-ilma huwa sinjal tal-Ispirtu s-Santu li jagħti l- ħajja, ifejjaq u jaħfer id-dgħufija tal-bniedem. Kif Ġesù stess jgħid fil-Vanġelu ta’ San Ġwann: “Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob… min jemmen fija, minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj” (7:37-38).

Fir-ras tal-iskud naraw l-istemma ta’ Għawdex – jiġifieri t-tliet għoljiet wieqfa fuq il-mewġ – peress li l-missjoni tal-Isqof hija marbuta intimament ma’ din il-Knisja partikulari, li tagħha huwa r-ras u l-għarus, simbolu ta’ Kristu li hu r-Ras u l-Għarus tal-Knisja tiegħu.

Il-Poster Ufficjali

Aġġornamenti dwar il-Programm tal-Inawgurazzjoni tal-Ministeru Episkopali

Fid-dawl tal-miżuri aġġornati maħruġa mill-Awtoritajiet tal-Saħħa u dawk tal-Knisja f’rabta mal-imxija tal-Covid-19, id-Djoċesi ta’ Għawdex qed tħabbar dawn id-dettalji aġġornati dwar il-Programm tal-Inawgurazzjoni Uffiċjali tal-Ministeru ta’ Mons. Anton Teuma bħala Isqof ta’ Għawdex:

  • Il-KONĊELEBRAZZJONI TA’ RADD IL-ĦAJR għall-Ministeru Episkopali ta’ Mons. Mario Grech bħala Isqof ta’ Għawdex, li kienet ġiet imħabbra għall-5 ta’ Settembru, se tinżamm nhar il-Ħamis 27 ta’ Awwissu, fis-6.30pm, fir-Rotunda ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija.

Għall-benefiċċju tal-pubbliku, din iċ-ċelebrazzjoni se tkun imxandra fuq Xejk TV, kif ukoll fuq il-mezzi soċjali tad-Djoċesi ta’ Għawdex (YouTube u Facebook).

  • ĊELEBRAZZJONI TA’ TALB bi tħejjija għall-Konsagrazzjoni Episkopali ta’ Mons. Anton Teuma, nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Settembru, fit-8.00pm, se ssir bil-magħluq fil- Kappella tal-Istitut tal-Familja Papa Ġwanni Pawlu II, il-Belt Victoria.

Għall-benefiċċju tal-pubbliku, din iċ-ċelebrazzjoni se tkun imxandra fuq il-mezzi soċjali tad- Djoċesi.

  • Il-KONSAGRAZZJONI EPISKOPALI ta’ Mons. Anton Teuma, nhar il-Ħadd 13 ta’ Settembru, fil-5.30pm, se tinżamm fil-miftuħ fuq iz-Zuntier tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb.

Għall-benefiċċju tal-pubbliku, din iċ-ċelebrazzjoni se tkun imxandra fuq TVM 2, kif ukoll fuq il-mezzi soċjali tad-Djoċesi.

  • L-Isqof il-ġdid Mons. Anton Teuma se jagħmel il-QUDDIESA TAL-INGRESS SOLENNI fil-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria, nhar l-Erbgħa 16 ta’ Settembru, fis-6.30pm. Dakinhar jaħbat il-156 anniversarju mit-twaqqif tad-Djoċesi ta’ Għawdex.

Ir-Ritratt Ufficjali tal-Isqof Anton Teuma [Ritratt - CVC Media]Għall-benefiċċju tal-pubbliku, din iċ-ċelebrazzjoni se tkun imxandra fuq il-mezzi soċjali tad- Djoċesi.

Il-programm jibqa’ suġġett għal tibdil u l-possibbiltà li wieħed jieħu sehem tiddependi miċ- ċirkustanzi tal-mument. Għal dettalji aġġornati wieħed għandu jsegwi l-midja soċjali tad- Djoċesi.

Ritratt uffiċjali

Id-Djoċesi ta’ Għawdex qed tippubblika wkoll ir-ritratt uffiċjali tal-Isqof Anton Teuma.