Marija għajn tas-saħħa


Il-Ħadd, 18 ta’ Ottubru 2020: Omelija tal-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Festa tal-Madonna tas-Saħħa. Knisja ta’ San Franġisk, Rabat.

Marija għajn tas-saħħa

Il-festa tal-Madonna tas-Saħħa – festa li ilha tiġi ċċelebrata hawnhekk f’din il-knisja mill-1815, jiġifieri aktar minn 200 sena – din is-sena ġiet fi żminijiet partikolarment diffiċli. Il-pandemija tal-Covid-19 – theddida kbira għas-saħħa ta’ kulħadd – laqtet id-dinja kollha u bħalissa qed inħossu ħafna l-piż tagħha f’diversi pajjiżi tal-Ewropa u f’pajjiżna. Din l-aħħar ġimgħa f’Malta kienet iebsa ħafna – għal dawk li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem u l-familjari tagħhom; għal dawk milquta mill-virus fejn kellna record wara l-ieħor; u għal dawk kollha li nsejħulhom frontliners li ħafna minnhom qed jaħdmu bla nifs imma ġieli l-ħidma tagħhom hekk importanti, avolja frontliners, ma tidhirx.

Id-devozzjoni lejn il-Madonna tas-Saħħa meqjuma f’din il-knisja bdiet għall-ħabta ta’ nofs is-seklu tmintax fi żmien li kien hawn ħafna mard. In-nies li kienu jżuru l-morda tagħhom fl-Isptar Santu Spiritu u l-Ospizio Saura, maġenb din il-knisja, kienu jiġu jitolbu għall-fejqan quddiem ix-xbieha tal-Madonna Orante – Marija b’idejha ma’ xulxin, titlob, dik ix-xbieha tant assoċjata ma’ din il-knisja. Maż-żmien bdiet tissejjaħ il-Madonna tas-Saħħa, għax kienet fil-qalba ta’ fejn kien hemm il-mard u l-periklu għas-saħħa. Lejn il-Madonna tas-Saħħa daru l-antenati tagħna b’fiduċja fl-għajnuna kbira tagħha.

Fis-sitwazzjoni verament kerha li qed ngħixu bħalissa, aħna llum qed induru lejn il-Madonna tas-Saħħa b’talba ħerqana biex tidħol għalina u tħarisna. Aħna nafu li Marija hija dik li dejjem tagħti każ, li jimpurtaha, sensittiva għall-bżonnijiet tagħna. Tħoss għalina u tħoss magħna. Nafuha din mill-kelma ta’ Alla fejn dejjem hekk insibuha lil Marija, ta’ ftit kliem imma ta’ azzjoni pronta għall-ġid ta’ dawk li huma fil-bżonn – bħalma għadna kif smajna fl-Evanġelju tat-tieġ ta’ Kana – u nafuha wkoll mill-istorja tal-Knisja u tal-umanità. Kemm hi ta’ għajnuna nafuha wkoll ħafna mill-istorja ta’ pajjiżna.

Marija hija omm li tgħożż il-ħajja u li tagħmel dak kollu li tista’ biex tipproteġi l-ħajja. Sa minn qabel twieled Ġesù, fittxet li tipproteġih. Kellha d-dulur li tarah imut fuq is-salib vittma tal-inġustizzji u l-mibegħda, imma għarfet li Ġesù kien is-salvatur, dak li jagħti s-saħħa u l-ħajja b’mod sħiħ permezz tal-qawmien tiegħu mill-mewt, u li jwassal lilna lkoll għall-ħajja ta’ dejjem.

X’tgħidilna Ommna Marija llum f’din is-sitwazzjoni diffiċli li qegħdin fiha? Tgħidilna, qabel xejn, biex aħna nafdaw f’Alla u nagħmlu dak li jgħidilna hu. “Agħmlu dak li jgħidilkom hu” hu l-parir li tat lill-qaddejja fit-tieġ ta’ Kana, huma l-aħħar kelmiet li nisimgħu ta’ Marija fl-Evanġelju, u l-parir li tagħti dejjem lilna. Imma tgħidilna wkoll xi ħaġa oħra importanti – dak li bil-Malti nesprimuh tajjeb: “Għin ruħek u Alla jgħinek”. Aħna nafu li ma nistgħux induru lejha biex tidħol għalina, jekk aħna fl-istess waqt ma nagħmlux ħilitna biex insegwu bir-reqqa l-miżuri għall-ħarsien tas-saħħa u tal-ħajja tan-nies, speċjalment id-distanza soċjali, l-użu tal-maskra, u l-użu tas-sanitiser – dak kollu li hu meħtieġ biex inħarsu l-ħajja u s-saħħa. Għalhekk l-appell li tagħmlilna Marija hija biex aħna nagħrfu d-dmir li għandna li nsegwu dawn il-miżuri. Din mhix xi ħaġa li nagħmlu biss jekk togħġobna jew li nagħmluha bil-mod li togħġobna. Il-Knisja f’Malta trid twassal dan il-messaġġ ċar. Din hi responsabbiltà li lkoll irridu nerfgħu. Tkun ħasra jekk ikun hemm min jiġi jaqa’ u jqum għax ma jimpurtahx mis-saħħa ta’ ħaddieħor, jew għax ma jintebahx bis-serjetà tas-sitwazzjoni li qegħdin fiha.

Fl-istess waqt li nagħmlu dmirna, illum nitolbu bil-ħerqa lil Marija għalina u għall-familji tagħna biex inkunu qawwijin u sħaħ fir-ruħ u l-ġisem. Nitolbuha wkoll: ftakar, Marija, f’dawk li qed ibatu minn nuqqas ta’ saħħa fiżika jew mentali u agħtihom l-għajnuna tiegħek; ftakar f’dawk li bħalissa qed ibatu s-solitudni, jew qed iġorru s-salib waħedhom; f’dawk li m’għandhomx il-konfort tal-preżenza ta’ nies li jakkumpanjawhom fil-mumenti l-iktar iebsa ta’ ħajjithom. Ftakar ukoll f’dawk li qegħdin jaħdmu lejl u nhar u jagħmlu kull sforz biex jieqfu mal-morda u biex jipproteġu n-nies. Idħol għalina f’dan iż-żmien hekk ta’ tbatija. Tħallix li aħna nintrikbu mill-mewġ li jġorrna miegħu. U għinna biex inkunu tassew nies responsabbli.

Nixtieq li f’din il-festa nagħmlu tagħna talba sabiħa – il-poeżija ħelwa li kiteb il-poeta Malti Karmenu Vassallo, li kien devot kbir ta’ din il-knisja. Meta fl-1940 Malta kienet mhedda bil-gwerra, hu ġie f’din il-knisja u kiteb dan is-sunett lill-Madonna tas-Saħħa. Nistgħu naraw kif dak li kiteb Karmenu Vassallo madwar tmenin sena ilu tant għadu attwali llum:

Int, li fil-milja ta’ xbubitek Ommna
u Omm Min ħalqek sirt bir-rieda tiegħu
isma’, qalb it-tnehid, it-talb ta’ fommna
u għid ‘l Ibnek Ġesù jorbotna mieghu.

Hekk kif ahna mheddin bil-biża’, dommna
f’ħannieqa t’ahwa u tħalliniex ninbigħu;
ieqaf magħna, ħarisna, qribek żommna;
u itlob ‘l Ibnek izomm fuqna driegħu.

Għaxqa tas-sema u l-art, tama ta’ ruħna,
faraġ tal-imnikktin, kewkba dawlija,
tina dak li għalih xerridna dmugħna.

Idħol għalina Int: fittex ismagħha
din it-talba ta’ wliedek, ja Marija,
għajnuna tal-insara u għajn tas-saħħa.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.