Meta pajjiż joqtol lil Alla, joqtol il-kuxjenza tan-nies.


L-Arċisqof Socrates Villegas

“Agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari u lil Alla dak li hu ta’ Alla. “

Kumment mill-Arċisqof Socrates Villegas tad-Djoċesi ta’ Lingayen-Dagupan fil-Filippini

Waqt Quddiesa nhar is-Sibt, is-17 ta’ Ottubru 2020, l-Arċisqof Socrates Villegas, Arċisqof tad-djoċesi ta’ Lingayen-Dagupan fil-Filippini, ikkummenta dwar dak li jgħid Ġesu: Agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla.

Huwa qal li din is-sentenza hija ħafna għal qalb dawk li jippriedkaw is-separazzjoni bejn l-istat u l-Knisja. U hekk għandhom ikunu: separati. Il-Knisja għandha biżżejjed esperjenza matul is-sekli, li meta hi tiċċappas mal-politika, dejjem hemm vittma. U din hija l-fidi. Il-fidi fin-nies tonqos. Imma dan jista’ jiġri wkoll bil-maqlub. Meta l-politiċi jindaħlu fil-fidi tan-nies, u jippretendu li huma jsiru għalliema ta’ x’inhu tajjeb jew ħażin, hawnhekk għandna problema wkoll. Il-Knisja trid tirrispetta din is-separazzjoni, imma l-istat ukoll m’għandux jindaħal fil-fidi tan-nies. Is-separazzjoni hi importanti. Imma m’għandux ikun hemm separazzjoni bejn Alla u l-bniedem. Għax meta lil Alla nisseparawh mill-bniedem, hu l-bniedem li joħroġ tellief. 

L-Arċisqof Villegas qal li f’xi pajjiżi is-separazzjoni bejn stat u knisja evolviet fi ġlieda bejn il-gvern u Alla, il-gvern iżeblaħ lil Alla, il-gvern jirridikola lill-isqfijiet, allura mhemmx libertà biex inti tesprimi l-fidi tiegħek, mhemmx libertà biex tmur il-Knisja għax tispiċċa diskriminat fuq ix-xogħol. Ma tistax issemmi lil Alla, ma tistax tagħmel slaleb fil-postijiet pubbliċi bħall-isptar jew uffiċċji jew skejjel. Imma din mhix separazzjoni bejn Knisja u stat.

Isma’ lill-politiċi meta jitkellmu fuq l-onestà, fuq kemm jaħdmu kontra l-korruzzjoni, fuq kemm jaħdmu biex isem pajjiżhom ikun miżmum tajjeb, fuq kemm jagħtu għajnuna lil min hu batut, fuq kemm jagħtu xogħol lil dawk li jfittxu x-xogħol. Dawn il-valuri li jsemmu jinstemgħu tajbin u dejjem ikunu pożittivi meta jitkellmu. Imma aktar ma tismagħhom, aktar tirrejalizza li l-politiċi saru jippretendu li huwa huma li jgħidulek x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. U b’daqshekk x’hemm ħażin? Dażgur li hu ħażin. Dawn huma l-istess politiċi li jitkellmu fuq separazzjoni bejn knisja u stat, xi wħud minnhom saħansitra jwaqqgħu għaċ-ċajt liċ-ċittadini li jemmnu, u jgħidulhom li Alla ma jeżistix, Alla hu mejjet. Bħalma qal il-President Duerte tal-Filippini li Alla hu daqshekk stupidu li miet fuq salib.  


F’xi pajjiżi, biex nisseparaw l-istat u l-knisja, it-tagħlim tar-reliġjon fl-iskejjel inbidel fit-tagħlim tal-etika. X’inhi d-differenza? Meta tgħallem ir-reliġjon, inti tibda minn Alla. Alla huwa ċ-ċentru. Meta tgħallem l-etika, inti tibda mill-bniedem, il-bniedem huwa ċ-ċentru. Meta inti tinsa li Alla huwa ċ-ċentru, inti tista’ toħloq valuri li huma popolari man-nies u sbieħ fil-għajn, u b’hekk il-politiċi jiżguraw li s-surveys tagħhom telgħin. U fid-diskorsi tagħhom spiss isemmu dawn il-valuri: onestà, libertà tal-espressjoni, dritt għall-ħajja, imma jgħawġuhom kif iridu huma. Imma valuri li mhumiex ikkonnettjati ma’ Alla huma farsa. U x’jiġri mbagħad? Meta joqtlu lil Alla, tmut il-kuxjenza. U allura kollox isir politika. Is-sesswalità ssir suġġett politiku, u l-gvern jiddeċiedi fuq is-sesswalità tan-nies, il-gvern jiddeċiedi x’inhi l-familja, il-gvern ikun hu li jgħid jekk il-ħajja tal-bniedem tibdiex qabel jew wara t-twelid – allura l-abort li minn ħażin isir tajjeb. Is-sesswalità ssir mhux rigal ta’ Alla imma dritt tiegħi – u separata minn Alla. Meta pajjiż joqtol lil Alla, joqtol il-kuxjenza tan-nies. U meta tmut il-kuxjenza u l-valuri ta’ Alla jeħdulhom posthom valuri oħra bl-istess isem: onestà, dritt għall-ħajja, eċċ… il-mewt li jkun imiss imbagħad hija l-mewt tan-nazzjon. Nazzjon bla Alla ma jmurx ʼil quddiem. Imut.
 
Hemm is-separazzjoni bejn stat u knisja. U din jeħtieġ inżommuha u nibżgħu għaliha. Iż-żewġ naħat iridu jibżgħu għaliha. U jekk il-Knisja ma tindaħalx fl-affarijiet tal-istat, l-istat ma jistax jippretendi li jindaħal f’affarijiet ta’ fidi u valuri. U wara kollox, anke jekk hemm separazzjoni bejn stat u Knisja, l-unur ta’ Alla jrid jinżamm u jitħares.

 

Hemm bżonn immorru f’dak li hu bażiku. U lill-mexxejja politiċi ngħidulhom: fil-bidu, qabel ma inti kont teżisti, qabel ma kienet teżisti l-politika, qabel ma kienu jeżistu l-partiti politiċi, fil-bidu kien hemm Alla. U Alla sar bniedem u għex fostna. Dak hu l-bidu ta’ kollox. Għax dak in-nazzjon li joqtol lil Alla, joqtol ukoll il-kuxjenza tan-nies, u meta tmut il-kuxjenza tan-nies, il-pajjiż ukoll imut.
 
Nitolbu biex pajjiżna ma jkunx pajjiż bla ruħ. Nitolbu biex pajjiżna jerġa’ jmur lura lejn Alla. Mulej, fejjaq lil pajjiżna, għax inti biss tista’ tfejjaqna. Imma qabel ifejjaqna, hu jistenniena biex aħna nerġgħu lura mit-toroq ħżiena li qbadna u li qed jeqirduna, li nduru lura mill-egoiżmu tagħna, li nkissru l-ateiżmu prattiku li qed jgħixu xi nies, li nirranġaw il-valuri mgħawġin tagħna u nibdluhom f’dawk il-valuri li tana Alla, għax Alla tahomlna biex ngħixu kuntenti u għall-ġid tagħna – mentri l-valuri li nivvintaw aħna għalkemm jidhru sbieħ fl-isem huma valuri li joqtluna.
 
Ejjew inżommu lil Alla f’qalbna u f’ħajjitna, u fil-familji tagħna, fl-irħula tagħna. Ejjew inżommu lil Alla f’pajjiżna u fin-nies li jmexxuna. Għax fejn hemm Alla, kollox huwa għall-ġid tagħna.

Rapport għal-Laikos minn Fr Roy Galdes