Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha

Print Friendly, PDF & Email

Il messaġġ tal Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi
Flimkien – Settembru 2021

Settembru hu x-xahar li fih niċċelebraw it-twelid ta’ Marija, jum għażiż ħafna għalina lkoll f’Malta, għax ifakkarna f’Jum il-Vitorja. Marija hi marbuta mill-qrib mal-istorja tal-poplu Malti. Nixtieq li aħna ngħożżu dejjem lil Marija bħala ommna, u nitolbuha biex tgħinna ħalli nkunu nixbħuha f’ħajjitna.

Hemm l-innu sabiħ tal-Magnificat li għandu ħafna x’jgħid lilna l-Maltin, ukoll jekk nieqfu fuq l-ewwel kelmiet tiegħu: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-salvatur tiegħi”. Marija għandha kliem ta’ tifħir lil Alla, u hi u tfaħħar lil Alla, qalbha timtela bil-ferħ.

Kemm ikun sabiħ jekk, bħal Marija, aħna spiss ngħidu: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej”! Aħna nafu x’ħasra f’pajjiżna li kull fejn timxi, dejjem tisma’ t-tkasbir ta’ Alla u tal-Madonna. Jien nimxi ħafna fit-toroq, u tolqotni kemm  kultant nisma’ħiereġ, anke minn xi djar jew bini ieħor, mhux il-kliem ta’ Marija “ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej” imma kliem ta’ tkasbir.

Jista’ jkun li l-bniedem ma jkunx jaf x’qed jgħid, ikun mitluf; jista’ jkun irrabbjat. Imma hi tassew ħasra li jeħlu Alla u l-Madonna f’dawn il-mumenti. Għalhekk hu importanti li fina jkollna attitudni ta’ tifħir, li mbagħad toħroġ b’mod naturali! Bħalma xi wħud toħroġilhom naturali li bi kliemhom jkasbru lil Alla u lill-Madonna, hekk għandu joħroġ b’mod naturali, jekk ikollna l-ispirtu ta’ Marija, il-kliem “ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej”. U dan nuruh bi kliemna, u dan nuruh b’għemilna, biex il-ħajja kollha tagħna tkun ħajja ta’ tifħir lil Alla.

Kif jgħid Salm 133: “Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha, ikun imfaħħar isem il-Mulej!”

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading