Il-fejqan madwar il-mejda tal-ikel

Print Friendly, PDF & Email

Jekk hawn xi ħaġa sabiħa fil-ħajja hi l-ikel! Bħalissa nimmaġinak tgħid: Waqa’ l-għażż! Ara min qed jitkellem!

Veru, ħija u oħti! Żaqqi nħobbha! Hux veru kemm jidher fija? Fil-fatt, meta jistaqsuni int min int, inħobb nintroduċi lili nnifsi b’dan il-mod: Jiena mug tal-birra b’saqajn ċkejknin! Għax tassew li hekk jien! Ħa ngħidha kif inħossha: l-ikel inħobbu. Bħalma diġà għedt. Biss ma naħsibx li bl-ikel biss jien ballun. Niekol. Imma mhux il-kwantità li biha jien minfuħ. U hemm hi t-tweġiba ħbieb: minfuħ! Għax il-mediċina biex tikkalma l-mudullun tiegħi milli joqgħod jisfratta nefħittni wkoll tafux! Imma issa mhux il-waqt li noqgħod ingerger. Anzi! Aħjar niżżi ħajr lill-Mulej li għadni magħkom u tal-ispeċjalist li jieħu ħsiebi daqskieku kont ħuħ tad-demm. Intant! …

L-ikel! Il-kwalità tgħin hux! Altru naqra soppa tal-pakkett u altru xi biċċa fenek issemmix eh! Inkella, ħaġa bajda moqlija, li fiha l-preġju tagħha u ħaġa oħra xi biċċa lasanja li, bir-riħa tagħha, tieħdok fil-pajjiż tal-ħolm. L-ikel ikun speċjali minħabba l-kumpanija li jkun hemm takkumpanjah. Dan l-aħħar dan stajt tabilħaqq napprezzah bil-kbir. Dan l-għaliex il-kappillan tal-kunvent fejn qiegħed għalaq 50 sena saċerdot. U allura, il-gwardjan flimkien mal-fraternità tagħna iddeċidejna li nagħmlulu ikla.

Din l-ikla qed insemmieha l-ewwel nett għall-kumpanija sabiħa li kien fiha. Kulħadd jitħaddet ma’ kulħadd. Waqt il-pranzu apprezzajt ħafna l-fatt li kull wieħed mill-aħwa beda jaqsam l-esperjenzi tiegħu tal-ħajja tal-kunvent. U, ix-xebgħa stejjer li smajt f’din l-ikla ta’ patrijiet li m’għadhomx magħna kienet tabilħaqq impressjonanti. Ma kinitx xi ikla li noqgħodu ngħidu fuq il-patrijiet. Lanqas xejn. Aħna l-ġudizzju nħalluh f’idejn il-Mulej. U, wara kollox, aħna lanqas dritt m’għandna li niġġudikaw lilna nfusna aħseb u ara mela kemm għandna d-dritt li noqgħodu niġġudikaw lill-patrijiet li ħallewna.

Imma, dan l-eżerċizzju ferm sabiħ ta’ fraternità, ħalla ħafna u ħafna frott. Għall-mument minnhom l-Ispirtu s-Santu donnu ħadni naqra minn fuq il-mejda tar-refittorju u mgħammra b’ikel il-faraġ tal-kunvent u, għal ftit waqtiet, reġa’ tefagħni fuq il-mejda ta’ dar missieri u ommi. Għadni niftakar qisu issa nħares lejn l-għażiż missieri, li kien iħobb ipoġġi quddiem it-taraġ ta’ fuq, jirrakkuntalna l-istejjer dwar in-nannu u l-bużnannu. Aqta’ kemm kont nidħak! L-aktar meta kont nisimgħu jirrakkonta l-istejjer tal-kaċċa. Tajba din! Meta fl-imgħoddi, f’Ta’ Kappara kienu jaqbdu mat-tmenin, disgħin u mitt gamiema, nannuwi miskin kien forsi jaqbad tmienja u għoxrin. U ma nafx x’ma kienx jivvinta biex jgħid li l-gamiema ma laqathiex għax ġralu hekk u hekk!

Madankollu, meta missieri, Alla jaħfirlu, kien jaqbadha fuq in-nannu, kien iħobb jgħid ħaġa: Kemm kien jifraħ għal kull gamiema li kien jaqbad! X’tagħlima din hux, għalija l-ewwel wieħed, hi din! In-nannu kien jifraħ bin-naqra li kien ikollu! Kien isir tifel bil-ferħ li kien jaqbdu! U, ibqa’ ċert u żgur li sakemm jasal id-dar l-Imsieraħ kollu kien ikun jaf l-istorja ta’ meta kien qabad il-gamiema. L-aktar jekk kienet tkun ħdejn il-kewkba maġġura! kif kien iħobb jgħid! Wiċċu kien jixgħel u l-burdata aqta’ kif kienet tinbidillu. Nannuwi, bħal kull bniedem u bniedma ieħor u oħra, kellu d-difetti u d-dnubiet tiegħu. Imma din il-virtù fih li jifraħ b’dak li ttih, kienet tagħmlu speċjali! Anzi, illum ngħid li, mingħajr ma jaf, in-nannu kien jgħix kliem Ġesù li jgħid: Tassew ngħidilkom, li jekk intom ma terġgħux issiru bħat-tfal iż-żgħar, żgur li ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet (Mt 18:3).

U fejn ħbieb insiru bħat-tfal jekk mhux mal-mejda tal-ikel? Illum nagħti raġun lil ħutna l-ġirien tagħna, it-Taljani, meta jgħidu: A tavola non si invecchia mai. Fuq il-mejda tal-ikel ma tixjieħ qatt! U veru tafux! L-għaliex meta dak li jkun jiekol u jitkellem aqta’ xi grazzja taqa’ fuq il-mejda! Meta dak li jkun, fuq il-mejda tal-ikel, jibda’ jirrakkonta l-esperjenzi sbieħ li jkun għadda minnhom fi tfulitu, aqta’ kemm ikun hemm paċi! Imħabba! U kuraġġ! Għalhekk apprezzajt lil ħuti l-patrijiet fl-ikla ta’ nofsinnhar li kellna l-kunvent nhar il-Ħadd 27 ta’ Ġunju 2021. Din kienet ikla fejn stajna napprezzaw lill-membri tal-familja Kapuċċina tagħna u li illum m’għadhomx aktar magħna.

Imbagħad, waqt li wieħed ikun qed jitħaddet, ġid iġib il-ġid. Bqajt tassew immeraviljat kemm esperjenzi pożittivi u umoristiċi issemmew fuq dawn l-aħwa. Meta tibda’ tisma’ dak il-bukkett sabiħ, imżewwaq u mlewwen ta’ patrijiet li jkunu taw kontribut kbir fil-ħajja ikkonsagrata u anki f’dik tal-Knisja ħaġa waħda toħroġ minn fommi, jien li bħalkom inġarrab: Niżik ħajr Mulej li għażiltni ngħix fil-fraternità.

Ma rridx nagħti l-impressjoni li aħna l-patrijiet, kull meta nieklu flimkien, dejjem jingħadu affarijiet sbieħ u pożittivi. Ġieli jingħadu affarijiet “naqra hekk” l-għaliex aħna, bħalkom, f’dinja qegħdin. U ġieli, bħalma jiġrilkom intom fil-familji, iqum dak l-argument waqt l-ikel ukoll. Madankollu, fid-dawl ta’ din l-esperjenza sabiħa, ejjew ċerti argumenti li nafu li se jkunu jaħarqu, inżommuhom ‘il bogħod minn fuq il-mejda tal-ikel. U dan qed ngħidu b’idi fuq qalbi għal dawk id-drabi fejn ilsieni ġera’ bija wkoll tafux! U ta’ dan nitlob maħfra quddiem kulħadd.

Aħna, fir-refittorju tal-kunvent fejn nieklu, għandna stampa mill-isbaħ tal-aħħar ikla ta’ Ġesù mad-dixxipli tiegħu. F’dik l-ikla Ġesù tħaddet ħafna u ħafna fuq l-għaqda tad-dixxipli miegħu, ma’ Missieru u Missierna u ma’ xulxin. F’dik l-ikla tant kemm riedhom ikunu ħaġa waħda bejniethom fiH li tahom Ġismu u Demmu fix-xbihat tal-ħobż u l-inbid ħalli dejjem ikunu familja. Mela, aħna, li fuq l-imwejjed tagħna, dik il-biċċa ħobż dejjem ħa ssibha u dak il-flixkun tal-inbid dejjem ħa jkun hemm, ħa nfittxu li meta nieklu flimkien ikun mument ta’ għaqda bejnietna.

Ġesù, meta kien mal-appostli, ma qagħadx jara l-ipad jew jgħarrex il-whats app. Le! Ġesù qagħad, bil-ferħ kollu, jitħaddet u jiftaħ qalbu mad-dixxipli tiegħu li tant kien iħobb. U, nhar il-Ħadd 27 ta’ Ġunju 2021, fl-ikla ta’ nofsinnhar fil-kunvent, dak li ġara! Ħadd ma qagħad imkaħħal mal-mobile ħa jara x’bagħtulu! Ħadd ma qagħad jara l-ġurnali online! Għax kulħadd kien interessat f’dak li ħaddieħor kien qed jgħid. Għalina, li kienet importanti kienet l-istorja li konna qed nisimgħu. U, il-like tagħna ma kinitx xi icon ta’ xi gadget imma t-tfaqqiegħ tad-daħk u l-attenzjoni li l-Mulej tana grazzja li nagħtu lil xulxin!

Ejjew insiru akkaniti tal-mejda tal-ikel! Ejjew nieħdu gost noqgħodu għall-mejda ħa nieklu u niddiskutu bil-kalma! Ikla mħejjija u mħawra bl-imħabba tal-kumpanija l-ikel mhux talli ma jinżilx velenu talli jinżel ħelu manna! U, meta l-istonku jkun komdu, mimli kemm għandu jkun u qatt sax-xfar għax inkella immorru dritt għar-raqda, il-mawra tagħna fuq il-mejda tkun esperjenza ta’ paċi, ferħ, kuraġġ u tagħlim. Ikla bħalma kellna nhar is-27 ta’ Ġunju 2021 issir mezz ta’ fejqan, tqarrib, ħbiberija u apprezzament. Ħbieb, huma dawn il-ħwejjeġ li jagħtuna l-kuraġġ biex ninqatgħu mid-disprament li s-sitwazzjoni tal-covid-19 ġabet fuqna bħala familji u komunitajiet u, bil-għajnuna tal-Mulej, inkunu nistgħu mmorru lejn il-wisq mixtieqa normalità!

Xi grazzja hux meta niċċelebraw ħajjitna bħala familja u komunità flimkien! Hemm hu l-fejqan li jseħħ madwar il-mejda tal-ikel!

Patri Mario Attard OFM Cap