Bidu tal-ferħ tagħna

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 30 ta’ Lulju 2022: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi lejlet il-Festa tal-Madonna tal-Karmnu, Balluta.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

“Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek” (Lq 1:28). Dawn huma l-ewwel kelmiet tal-anġlu Gabriel meta deher lil Marija u waslilha l-akbar aħbar ta’ ferħ possibbli għall-umanità: it-twelid ta’ Ġesù, Bin Alla, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

Fit-tislima tal-anġlu, hemm stedina lil Marija biex tifraħ. Nafu li l-ewwel reazzjoni ta’ Marija ma kinetx reazzjoni ta’ ferħ. “Hi tħawdet ħafna għal dan il-kliem” (Lq 1:29). Tħawdet ħafna għax ma setgħetx tifhem xi tfisser it-tislima. Innutaw li f’din il-ġrajja San Luqa jgħidilna li Marija tħawdet mhux meta l-anġlu qalilha l-aħbar li se tnissel lil Ġesù – dik ukoll kienet se toħolqilha diversi mistoqsijiet – imma qabel, meta sellmilha u qalilha “mimlija bil-grazzja”.

Fid-djalogu mal-anġlu, Marija għarfet li dak li kien se jseħħ kien ġej minn Alla, kien ħafna akbar  minn dak li qatt tista’ tifhem hi, u għalhekk hi aċċettat bil-qalb: “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1:38) F’din l-aċċettazzjoni tagħha għandna l-bidu tal-ferħ tagħna. Hemm tnissel Ġesù, dak li ġab il-ferħ f’ħajjitha u dak li ġab il-ferħ fil-ħajja tal-umanità.

Aħna nsejħu lil Marija, bir-raġun, il-“bidu tal-ferħ tagħna”. Illum fiċ-ċelebrazzjoni tal-Festa tal-Madonna tal-Karmnu, nixtieq li nagħmlulha b’mod speċjali din it-talba: biex tkun hi l-bidu tal-ferħ tagħna; u biex dawk kollha li għandhom devozzjoni speċjali lejn il-Madonna tal-Karmnu, u dawk kollha li jilbsu l-labtu mqaddes tal-Madonna tal-Karmnu, ikollhom dejjem din l-esperjenza tal-ferħ li ġġib Marija f’ħajjitna.

Il-ferħ li ġġib l-omm

B’liema mod Marija hija l-bidu tal-ferħ tagħna? Ġesù tahielna bħala omm. Għadna kemm smajna l-Evanġelju skont San Ġwann, meta Ġesù minn fuq is-salib jagħtina lil Marija bħala ommna. L-omm li gawda hu f’ħajtu, l-omm li segwietu f’ħajtu sal-aħħar mument taħt is-salib b’ħafna mħabba u għożża, din l-omm tahielna Ġesù biex tkun omm l-umanità, omm il-bnedmin kollha, omm tiegħi u tiegħek.

Hija omm li tagħti każ, hi omm li jimpurtaha, hi omm li l-preżenza tagħna tnissel dejjem ferħ, bħalma għamlet fiż-żjara tagħha lil Eliżabetta, fejn marret tħaffef hekk kif saret omm. Eliżabetta tgħidilha: “Malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija qabżet bil-ferħ fi ħdani” (Lq 1:44). It-tislima tagħha waħedha nisslet ferħ.

Għalhekk aħna nsejħulha “Marija Santissima, urina li inti ommna”. Anke f’ħajjitna, Marija tfisser preżenza ta’ ferħ.

Il-ferħ li nagħmlu r-rieda ta’ Alla

Il-kelma l-aktar importanti f’ħajjitha hija dik l-Iva li qalet għar-rieda ta’ Alla. Hekk qalet lill-anġlu Gabriel, hekk kompliet ħajjitha kollha, ukoll meta ma fehmitx x’qed jiġri. Hekk baqgħet sa taħt is-salib.

Ġesù darba qal: “Ommi u ħuti huma dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jagħmlu li jgħid Hu” (Lq 8:21). Hemm kien qed ifaħħar lil ommu, u hemm jurina li l-ferħ ta’ ħajjitna hija li bħala nagħmlu r-rieda ta’ Alla. L-aħħar kelmiet ta’ Marija li nsibu miktuba fl-Evanġelju hu proprju il-parir f’waqtu li hi tat fit-tieġ ta’ Kana: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Aħna wkoll, hemm nistgħu nsibu tassew il-ferħ, meta nfittxu li nagħmlu dak li Alla jrid u jitlob minna, għax dan inissel fina ħafna ferħ.

Il-ferħ li naħsbu fl-oħrajn

Marija turina wkoll il-ferħ meta naħsbu fl-oħrajn, meta ma ningħalqux fina nfusna. Turina li meta nfittxu li naqsmu mal-oħrajn, il-ferħ jitkattar. Għand Eliżabetta, fejn marret biex tkun magħha u taqsam magħha l-isbaħ aħbar, hi tagħmel dak l-innu sabiħ ta’ ferħ: “Ruħ tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-salvatur tiegħi” (Lq 1:46). Ma’ Eliżabetta hemm din il-festa ta’ ferħ.

Marija turina li nġibu l-ferħ u nkunu ferħana aħna meta naħsbu fil-ħtiġijiet tal-oħrajn. Arawha fit-tieġ ta’ Kana, meta ntebħet li kien hemm xi ħaġa sejra ħażin, għax naqas l-inbid. X’tagħmel? Mingħajr frattarija, mingħajr protagoniżmu, fil-kwiet, fis-skiet, bla ma ħafna ndunaw, hi tippreżenta lil Ġesù l-problema “m’għandhomx inbid” (Ġw 2:3), u tħalli f’idejh. L-intervent tagħha kien kruċjali biex l-għarajjes ikomplu jifirħu. Marija turina li meta naħsbu fl-oħrajn, inkunu tassew ferħana u nġibu l-ferħ lill-oħrajn.

Il-ferħ li nġibu l-għaqda

B’liema mod Marija hija l-bidu tal-ferħ tagħna? Marija turina wkoll il-ferħ li ġġib l-għaqda, u kemm inkunu ferħana aħna u nagħmlu n-nies ferħana meta naħdmu bi spirtu ta’ unjoni. Fil-bidu tal-Knisja, hi kienet hemm, qalb l-appostli, sinjal ta’ għaqda fil-familja ta’ Alla.

Dan hu messaġġ importanti għalina: inkunu tassew ferħana f’qalbna meta naħdmu bi spirtu ta’ għaqda; meta ma nfittxux is-superjorità, id-dominanza fuq l-oħrajn, imma nfittxu li nkunu tassew qalb waħda u ruħ waħda. Marija hija tant eżempju sabiħ ta’ dan, u lilna tħeġġiġna biex inkunu strumenti tal-għaqda.

Il-ferħ li jiġi mit-talb

Hu għalhekk bir-raġun li lil Marija nsejħulha “bidu tal-ferħ tagħna”. Marijahija omm li fit-talb, fid-djalogu ma’ Alla, irċeviet il-ferħ tiegħu, u għalhekk saret omm li tferraħ, eżempju ta’ kif inkunu ferħana u nnisslu l-ferħ. Il-ferħ f’ħajjitna mhuwiex għaliex kollox imur sew, jew għax ma niltaqgħux mal-iebes fil-ħajja, jew għax ma nħabbtux wiċċna ma’ problem fil-ħajja, imma l-ferħ qiegħed għax nagħrfu kif aħna ngħixu bħal Marija, ukoll qalb ħafna affarijiet li ma jmorrux sew.

Il-labtu mqaddes tal-Madonna tal-Karmnu għandu kontinwament ifakkarna f’din l-għaqda ma’ Alla fit-talb, u kif permezz ta’ din l-għaqda, il-Mulej jgħinna ngħixu bil-ferħ tiegħu f’qalbna. Aħna u niċċelebraw din il-festa għażiża, nitolbu lill-Madonna tal-Karmnu: kun dejjem il-bidu tal-ferħ tagħna.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading