Il-Konċilju Vatikan II fuq il-mużika tal-Knisja

Print Friendly, PDF & Email

ĦSIEB DWAR PARAGRAFU 112 TAL-KOSTITUZZJONI TAL-KONĊILJU VATIKAN II “SACROSANCTUM CONCILIUM

Paragrafu 112: Għalhekk li l-Konċilju jgħid li: “It-tradizzjoni tal-mużika tal-Knisja kollha hija teżor ta’ valur bla qies li jgħaddi kull espressjoni oħra tal-arti l-aktar minħabba li l-kant sagru, magħqud ħaġa waħda mal-kliem, huwa parti neċessarja u integrali tal-liturġija solenni. Tabilħaqq, jgħid il-Konċilju, il-kant sagru hu mfaħħar kemm fil-Kotba Mqaddsa kemm mill-ewwel Padri u mill-Papiet li dan l-aħħar, sa minn San Piju X, urew b’insistenza s-sehem ministerjali tal-mużika sagra fis-servizz divin.

Ġieli smajna din l-espressjoni li: “Min ikanta, ikun jitlob darbtejn”. U hemm paragrafu attribwit lil Santu Wistin li jkompli ma’ dan. Santu Wistin jikteb: “Min ifaħħar lil Alla bil-kant, mhux biss ifaħħar bil-ferħ. Għax min ifaħħar bil-ferħ mhux biss ikanta, imma wkoll iħobb lil dak li qed ikanta għalih. Bil-kliem wieħed iwassal il-kelma; bil-kant wieħed  iwassal l-affezzjoni ta’ min iħobb.”

Dwar il-kant sagru nistgħu mmorru iktar lura minn meta bdiet il-Knisja Nisranija. Għax il-mużika, iż-żfin u l-kant, mill-qedem kienu ċentrali fiċ-ċelebrazzjoni tal-bniedem, ibda mill-bniedem primittiv, qabel ma bdiet l-avventura tal-bniedem ma’ Alla, permezz ta’ Abram.

Il-Bibbja stess hi mimlija b’episodji fejn jissemmew dawn it-tlett elementi ta’ mużika, bil-mod u bil-ħoss tal-istrumenti li bdew jintużaw maż-żmien. Bħal popli oħra tal-epoka, il-poplu Lhudi wera l-qima tiegħu lejn Alla, bil-mużika, biż-żfin u bil-kant.

Kemm-il darba fil-Bibbja jissemmew l-istrumenti tal-mużika, bħal f’salm 98, fejn naqraw: “Għannu lill-Mulej għanja ġdida, għax għamel ħwejjeġ kbar. Għajtu lill-Mulej fl-art kollha; ifirħu, għajtu u għannu. Għannu lill-Mulej fuq l-arpa, fuq l-arpa b’daqq ta’ ferħ. Bit-trombi u bis-sfafar, għajtu quddiem is-Sultan, il-Mulej.”

Fid-dedikazzjoni tat-tempju ta’ Salamun, “is-saċerdoti stennew fil-kmamar tagħhom, flimkien mal-Leviti, bl-istrumenti tal-mużika, biex ifaħħru lill-Mulej, b’għanjiet li David kien għamel biex ifaħħar lill-Mulej, u s-saċerdoti daqqew it-trombi quddiemhom; u Israel, jiġifieri l-poplu Lhudi, kollu sema’.

Band’oħra fil-Bibbja naraw li kellhom ċimbli u arpi għas-servizz tad-dar t’Alla, għall-innijiet lill-Mulej. Spiss insibu stedin lill-poplu, bħal: “Kantaw lill-Mulej, kantaw salmi lilu”. Is-salmi nkitbu biex ikunu kantati.

Niltaqgħu ukoll mas-sultan Eżekija li qal lill-prinċpijiet u l-leviti biex ikantaw tifħir lill-Mulej, l-istess, bil-kliem ta’ David. Il-Bibbja tgħid li kantaw bil-ferħ, u baxxew rashom u taw iqima.

Fit-Testment il-Ġdid, fl-Apokalissi, hemm miktub: “U jien ħarist; kien hemm il-Ħaruf fuq il-muntanja Sijon, u miegħu kien hemm mija u erbgħin elf oħra, … u kantaw għanja ġdida quddiem it-tron.

Il-mużika tista’ terfa’ l-qalb ‘il fuq u tagħti l-kuraġġ. Meta r-re Sawl kien imdejjaq, “David qabad l-arpa u daqq biha…, sakemm Sawl ħa r-ruħ.” Pawlu u Silas, fil-ħabs ġo Filippi, “talbu, u kantaw għanjiet ta’ ferħ lil Alla f’nofsilllejl.”

U San Pawl iħeġġeġ lill-Kolossin: “Għannu lil Alla minn qalbkom b’radd il-ħajr salmi, innijiet u għanjiet spiritwali”; u l-istess lill-Efesin: “kantaw bejnietkom salmi, innijiet u għanjiet spiritwali, tgħannu u tfaħħru ‘l Mulej b’qalbkom kollha.”

Niftakru wkoll x’jikteb San Mark, wara li ħadu sehem fl-aħħar ċena, it-tnax kantaw innu. “Imbagħad wara l-kant tas-salmi ħarġu lejn l-Għolja taż-Żebbuġ.”

Minn Joe Galea

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading