Ngħaddu l-Fidi lill-Oħrajn

Print Friendly, PDF & Email

Ħarsa ħafifa lejn il-‘Catechesi Tradendae’

Mill-Eżortazzjoni dwar il-Kateketika, tal-Papa San Ġwann Pawlu l-Tieni

Ara minn hawn din l-Eżortazzjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu II bil-Malti …

Qegħdin ngħixu f’dinja diffiċli, dinja li fija tħoss qalbek tingħafas, xħin tara l-aqwa ħolmiet tal-bniedem jaħarbulu minn idejh, anzi jduru kontrieh. Dan l-ħsieb joħloq fina klima ta’ qtigħ il-qalb. Katidral imwaqqa’, simbolu tad-dinja li qegħdin ngħixu fiha. Valuri mfarrka, fejn ħafna ma jridux jafu b’Alla. Iż-żgħażagħ, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qegħdin jiġbdu importanza. Min-naħa dan hu fenomenu li jnissel tama. Min-naħa l-oħra jġib tħassib. Xi naħat tad-dinja, l-aktar dawk l-artijiet tat-tielet dinja, għandhom aktar min-nofs il-popolazzjoni li huma taħt il-ħamsa u għoxrin jew tletin sena.

Iż-żogħżija ġġib magħha, minkejja d-dehra ta’ barra u forsi b’mod konfuż, xewqa vera li tkun taf lil dak Ġesù li jgħidulu Kristu. Fil-qalba tal-katekiżmu, aħna nsibu li hemm persuna, Ġesù ta’ Nazaret, li hu l-Iben tal-Missier, imżejjen bil-grazzja u bil-verità, li bata u miet għalina. Issa li qam mill-mewt, għadu ħaj magħna. Il-għan tal-katekeżi mhuwiex biss li ngħinu lil xi ħadd biex jiltaqa’ ma Ġesù Kristu, imma wkoll li jingħaqad miegħu fi ħbiberija intima.

Huwa Kristu li jgħaddina għall-imħabba tal-Missier flimkien mal-Ispirtu s-Santu, huwa Kristu li jagħmilna mseħbin fil-ħajja ta’ Alla. Mhemmx imgħallem ieħor bħal Kristu, Huwa l-Imgħallem li jeħlisna, li jqaddisna u li jmexxina. Huwa ħaj, jitkellem, iċanfar, imiss il-qalb, jiġġudika, jaħfer, jimxi kuljum magħna fit-toroq ta’ ġrajjietna. Hu l-Imgħallem li ġie fostna u li għad jiġi fil-glorja. 

Mela, l-katekeżi għandha żewġ għanijiet. Li tgħin ħalli tikber il-fidi tal-bidu u li teduka l-veru dixxiplu ta’ Kristu, billi dan ikun jaf aktar u b’mod sistemat il-persuna u l-messaġġ ta’ Ġesù Kristu. 

Il-katekeżi mhix ta’ veritajiet astratti, imma hija l-mod ta’ kif twassal il-misteru ħaj ta’ Alla. Il-katekeżi titkellem dwari is-sens tal-ħajja, għalfejn qegħdin ngħixu, u titfa’ dawl fuq dan. Twassal biex wieħed iħoss li għandu jaħseb dwar is-sens ta’ ħajtu u jeżamina dan fid-dawl tal-Vanġelu. 

Huwa d-dmir tal-katekeżi li titħaddet dwar x’inhuma il-ħtiġijiet tal-bniedem u l-ħtiġjijet ta’ madwaru, li turi x’jgħid il-Vanġelu dwar dawn il-ħtiġijiet. B’hekk, min jisma’, jiġi mqanqal biex iħares ta’ Nisrani lejn il-ħajja u lejn id-dinja. Il-ħajja ġdida skont il-Vanġelu titlob ċaħdiet, imma hija wkoll għajn ta’ ferħ. Il-katekeżi trid tiċċara l-ħidma tal-bniedem għall-ħelsien sħiħ tiegħu, għat-tiftix ta’ dinja fejn wieħed ikun qalb waħda mal-oħrajn fil-ġlieda għall-ġustizja u għall-bini tal-paċi. Għaliex meta wieħed hu konvint, ikun imxennaq biex jagħmel dak li hu xieraq u dan jagħmlu bi qlubija.

Il-katekeżi hi marbuta sew ma dak li jiġri fil-liturġija u fis-Sagramenti. Imma l-katekeżi tiftaqar u ssir ritwaliżmu vojt jekk ma tkunx mibnija fuq tagħlim serju ta’ xi jfissru s-Sagramenti. Tmiss il-moħħ biss u xejn aktar jekk ma tiħux il-ħajja mil-prattika tas-Sagramenti. It-tħassib kontinwu ta’ kull katekist irid ikun kif, bil-tagħlim u bil-ħajja tiegħu, se jwassal it-tagħlim u l-ħajja ta’ Ġesù.

Il-katekist m’għandux ifittex li jiġbed l-attenzjoni fuqu nnifsu, fuq kif jaħsibha hu jew fuq l-attitudnijiet tiegħu, bħallikieku dawn jesprimu il-tagħlim u l-ħajja ta’ Ġesù. Lanqas m’għandu jċedi għat-tentazzjoni li mat-tagħlim tal-katekiżmu jħallat ideoloġiji, kemm jekk inhuma ġodda, kif ukoll jekk inhuma ideoloġiji li drajna bihon. Il-fjura tal-katekezi tinxef u tmut meta idejat bħal dawn jirbħu fuq il-Vanġelu.

Min iħoss għall-kateketika jifhem li din tista’ titħallat ma’ kulturi u ambjenti differenti, Imma l-katekezi ma tasalx fil-għan tagħha meta, biex taddatta ruħha mal-kulturi differenti, taħbi l-messaġġ tagħha, jew ma ssemmix dak kollu li tgħallem il-Knisja. Illum hawn min, għalkemm għaref fil-kateketika, jifem li l-mod li bih għandna nħarsu lejn Alla hu bħal min qed ifittex xi ħaġa li tant hi ‘l bogħod minnu u li qatt ma jista’ jasal għaliha. 

Dawn jaħsbuha hekk, għax ma jridux li l-fidi Nisranija tkun xi ħaġa wieqfa, ma tiċċaqlaqx. Iriduha tkun mixja bħal dik ta’ Abram lejn Alla, mixja inċerta. Dan jista’ joħduna n-naħa l-oħra, li npenġu l-fidi liż-żgħażagħ bħala xi ħaġa negattiva, dinja li qiegħda fid-dlam. Hu aħjar li din it-tfittxija tkun bħal tal-Maġi taħt il-kewkba u li ‘l Alla nsibuħ. Min-naħa l-oħra, li kuljum ngħidu l-istess ħaġa jwassal għad-dwejjaq; nibqgħu kif konna, mingħajr ma niċċaqilqu.

Nagħmlu ħilitna, biex nuru lil kulħadd li t-tfittxija qalbiena u umli ta’ min jemmen hi mibnija fuq il-Kelma ta’ Alla li la jqarraq u lanqas jitqarraq. Il-katekist m’għandux iħawwad moħħ it-tfal u ż-zġħażagħ b’teoriji strambi, bi problemi fiergħa u b’diskussjonijiet li ma jħallu l-ebda frott. Sa minn meta Pietru u sħabu bdew ixandru bil-kelma u jgħallmu bil-kitba lill-komunitajiet Insara, il-katekizi ma waqfitx milli tfittex l-aħjar toroq u għajnuniet biex twettaq il-ħidma tagħha, u hekk għandu jibqa’ jsir. 

Fiż-żmienna, il-lingwaġġ qed jingħata importanza kbira. Danu id-dmir ċar tal-katekeżi li ssib lingwaġġ li jinftihem mit-tfalu u ż-żġħażagħ tal-lum. Hemm lingwaġġ differenti  għall-studenti, għall-dawk ta’ kultura sempliċi  u għall-ħandikappati. Inkunu ħatja jekk inwarrbu l-għajnuna li joffrulna il-mezzi ta’ komunikazzjoni, kemm dawk għall-poplu, kif ukoll dawk għall-gruppi. Il-kisbiet tal-lum, television, radio, ġurnali, diski, tape u video recorder, għandhom jitqiegħdu għas-servizz tat-taħbira ta’ Kristu u addattati għall-edukazzjoni tal-fidi. L-esperjenza turina li għandhom efetti kbar. Huma jkunu ta’ valur jekk jaqdu l-fidi fil-katekeżi. Jekk le, ma jkunu ta’ ebda valur. 

Hekk kif is-seklu għoxrin risaq lejn t-tmem tiegħu, il-knisja hi mistiedna minn Alla u mill-ġrajjiet, – kull ġrajja hi sejħa minn Alla, – biex iġġedded il-fidu tagħha fil-ħidma kateketika. Il-katekeżi huwa dmir li jirbaħ fuq l-aspetti l-oħra.

Aktar ma l-Knisja tagħti prijorità lill-kateketika qabel ħidmiet u xogħlijiet oħrajn, aktar issib li l-katekeżi ssaħħah lill-komunità tan-nies li diġà jemmnu u twassal il-fidi lil dawk li għadhom ma jafux bi Kristu. Il-Knisja hi mistiedna biex toffri lill-katekeżi l-aħjar nies u l-aħjar enerġija. 

Fi ħdan il-Knisja twaqqfu għaqdiet ta’ rġiel u nisa  bil-għan li jagħtu edukazzjoni Nisranija lit-tfal u liż-żagħżagħ, l-aktar dawk imwarrbin. Minn qalbi nixtieq li dawn l-għaqdiet jagħtu dak kollu li jifilħu għax-xogħol tal-katekeżi. F’isem il-Knisja kollha rrid nirringrazzja lilkom, lajċi għalliema tal-katekizmu fil-parroċċi tad-dinja, li ħafna drabi x-xogħol tagħkom hu moħbi u umli. Qed tagħmlu l-isbaħ xogħol, l-aktar fejn it-tfal u ż-żagħżagħ mhumiex jirċievu tħejjija tajba mid-dar. Tassew li l-katekizmu jista’ jingħata kullimkien, imma nagħmel enfasi li l-komunità parrokkjali għandha tkun l-ewwel mutur  u l-post ewlieni tal-katekeżi. 

Neħtieġu katekeżi li trawwem liż-żgħar u lill-kbar biex ikunu sħaħ u koerenti fil-fidi tagħhom, li juru l-identità tagħhom ta’ Nsara. Ikunu xhieda ta’ Alla f’dinja li qed tinsieh. Għaliex dan hu l-aqwa rigal li l-Knisja tista’ toffri lid-dinja, mitlufa u bla kwiet ta’ żmienna, li tibni Nsara sodi u ferħanin fil-fidi tagħhom. Il-bniedem tal-lum irid jifhem lilu n-nifsu għalkollox. Il-katekezi twasslu biex jersaq lejn Kristu, bl-inċertezzi, bi dgħufitu, bi dnubietu u b’ħajtu kollha.

B’hekk il-bniedem jerġa’ jsib lilu n-nifsu.

______

(Nota: L-Eżortazzjoni Catechesi Tradendae ġiet pubblikata fis-16 ta’ Ottubru 1979)

Ara minn hawn din l-Eżortazzjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu II bil-Malti …

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading