44. Marija fit-tieġ ta’ Kana

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  26/02/1997.

1. Fl-episodju tat-tieġ ta’ Kana, San Ġwann jippreżenta l-ewwel intervent ta’ Marija fil-ħajja pubblika ta’ Ġesù u jenfasizza il-koperazzjoni tagħha fil-missjoni tal-Iben.

Sa mill-bidu tar-rakkont l-evanġelista javża li «kien hemm omm Ġesù» (Ġw 2,1) u, kważi ried jissuġgerixxi li tali preżenza kienet fl-oriġni tal-istedina mibgħuta mill-għarajjes lill-istess Ġesù u lid-dixxipli tiegħu,1 iżid: «Kien midstieden għat-tieġ ukoll Ġesù mad-dixxipli tiegħu» (Ġw 2,2). B’tali nota Ġwanni donnu jindika li f’Kana, bħal fil-ġrajja fondamentali tal-Inkarnazzjoni, Marija hija dik li tintroduċi lill-Feddej.

Is-sinifikat u l-irwol li tassumi l-preżenza tal-Verġni juri ruħu meta jiġi biex jonqos l-imbid. Hija ta’ mara tad-dar esperta u prudenti, tintebaħ minnufih u tintervjeni sabiex ma jiġix nieqes il-ferħ ta’ kulħadd u, l-ewwelnett, biex tgħin lill-għarajjes f’diffikultà.

Waqt li ddur lejn Ġesù bil-kliem: «Ma għandhomx iktar imbid» (Ġw 2,3), Marija turih l-inkwiet tagħha għal tali sitwazzjoni, waqt li tistenna l-intervent riżolutorju.  B’mod iktar preċiż, skont diversi esiġeti, l-Omm tistenna sinjal straordinarju, ġaladarba Ġesù ma kellu ebda mbid għad-dispożizzjoni tiegħu.

2. L-għażla ta’ Marija, li jekk setà jkun tiddobba minn x’imkien ieħor l-imbid meħtieġ, turi l-kuraġġ tal-fidi tagħha għaliex, sa dak il-waqt, Ġesù ma kien wettaq ebda miraklu, la f’Nażżaret, linqas fil-ħajja pubblika tiegħu.

F’Kana l-Verġni turi mill-ġdid id-disponibiltà totali tagħha lil Alla. Hija li fl-Annunzjazzjoni, waqt li emmnet f’Ġesù qabel ma ratu, kienet ikkontribwiet għall-għaġeb tal-konċepiment verġinali, hawn, waqt li tafda fil-poter li kien għadu ma ġiex svelat ta’ Ġesù, tipprovoka l- «ewwel sinjal» tiegħu, il-bidla mirakoluża tal-ilma f’imbid.

B’tali mod Hija tiġi qabel fil-fidi mid-dixxipli li, bħal ma jirreferi Ġwanni, jemmnu wara l-miraklu: Ġesù «wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih» (Ġw 2,11). Anzi, waqt li qalgħet is-sinjal tal-għaġeb, Marija toffri sapport għall-fidi tagħhom.

3. It-tweġiba ta’ Ġesù għall-kliem ta’ Marija: «X’għandi x’naqsam jien miegħek, o mara? Għadha ma waslitx is-siegħa tiegħi» (Ġw 2,4), tesprimi rifjut apparenti, kważi jpoġġi għall-prova l-fidi tal-Omm.

Skont interpretazzjoni, Ġesù mill-waqt li fih jibda l-missjoni tiegħu, donnu jiddibatti r-rapport naturali ta’ iben, invokat minn l-omm. Is-sentenza, fl-ilsien mitkellem tal-ambjent, trid, infatti,  tindika distanza bejn il-persuni, bl-esklużjoni tal-għaqda tal-ħajja. Din il-lontananza ma teliminax rispett u stima; it-terminu «mara», li bih Huwa jindirizza lill-omm, huwa wżat f’eċċezzjoni li nerġgħu insibuha fid-djalogi mal-Kananea  (cf. Mt 15,28), mas-Sammaritana (cf. Ġw 4,21), mal-Adultera (cf. Ġw 8,10) u ma Marija Maddalena (cf. Ġw 20,13), f’kuntesti li juru rapport pożittiv ta’ Ġesù mal-interlokuturi femminili tiegħu.

Bl-espressjoni: «X’għandi x’naqsam miegħek jien, o mara?», Ġesù jrid iqiegħed il-koperazzjoni ta’ Marija fuq il-pjan tal-fidwa li, waqt li timpenja l-fidi tagħha u t-tama tagħha, titlob is-superament tar-rwol naturali tagħha ta’ omm.

4. Ta’ importanza maġġura tidher il-motivazzjoni magħmula minn Ġesù: «Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx» (Ġw 2,4).

Xi studjużi tat-test sagru, waqt li jsegwu l-interpretazzjoni ta’ Santu Wistin, jidentifikaw tali «siegħa» mal-ġrajja tal-Passjoni. Għal oħrajn, mill-banda l-oħra, din tirreferi għall-ewwel miraklu li fih kien se jkun irrivelat il-poter messjaniku tal-profeta ta’ Nażżaret. 

Oħrajn ikomplu jsostnu li s-sentenza hija interrogattiv u jtawwal il-mistoqsija preċedenti: «X’għandi x’naqsam miegħek jien, mara? Għadha ma waslitx is-siegħa tiegħi?». Ġesù juri lil Marija li issa hu, mhuwiex iktar dipendenti minnha, imma jrid jieħu l-inizjattiva biex jagħmel l-opra tal-Missier. Marija, allura, tastjeni ruħha bil-ħlewwa milli tinsisti miegħu u ddur fuq il-qaddejja biex tistedinhom ikunu ubbidjenti lejh.

Kien x’kien il-fiduċja fl-Iben tiġi ppremjatha. Ġesù, f’idejn min Hija ħalliet b’mod sħiħ l-inizjattiva, jwettaq il-miraklu, waqt li jagħraf il-kuraġġ u l-ħlewwa tal-Omm: «Ġesù qalilhom: “Imlew il-ġarer bl-ilma”; u huma mlewhom sax-xifer» (Ġwv 2,7). Għalhekk, l-ubbidjenza tagħhom, tikkontribwixxi biex tipprovdi mbid bl-abbundanza. 

It-talba ta’ Marija: «Agħmlu dak li jgħidilkom», tippriserva valur tagħha dejjem attwali għall-insara ta’ kull żmien, u hija ddestinata biex iġġedded l-effett tagħha meraviljużi fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda. Hija  ssejjaħ għal fiduċja bla tlaqliq, speċjalment meta ma jifhmux is-sens u l-bżonn ta’ dak li Kristu jitlob. 

Bħal fir-rakkont tal-Kananea (cf. Mt 15,24-26), ir-rifjut sapparenti ta’ Ġesù jeżalta l-fidi tal-mara, hekk il-kliem tal-Iben: «Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx», flimkien mat-twettiq tal-ewwel miraklu, juru l-kobor tal-fidi tal-Omm u l-qawwa tat-talba tagħha. 

L-episodju tat-tieġ ta’ Kana iħeġġiġna biex inkunu kuraġġużi fil-fidi u biex nisperimentaw fl-eżistenza tagħna l-verità tal-kelma evanġelika:  «Itolbu u taqilgħu» (Mt 7,7; Lq 11,9).

NOTI

1 Cf. Giovanni Paolo II, Lett. enc. Redemptoris Mater, 21.

Insegnamenti di Giovanni Paolo II, XX/1 (1997) p. 336-338

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading