43. Marija fil-ħajja moħbija ta’ Ġesù


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  29/01/1997.

1. Il-Vanġeli joffru ftit aħbarijiet u skarsi rigward is-snin mgħoddija mill-Familja Mqaddsa ġewwa Nażżaret.

San Mattew jirrakkonta dwar id-deċiżjoni meħudha minn Ġużeppi, wara r-ritorn minn l-Eġittu, li jmur jgħammar flimkien mal-Familja Mqaddsa ġo Nażżaret (cf. Mt 2,22-23), imma mbagħad ma jagħti ebda nformazzjoni, ħlief li Ġużeppi kien mastrudaxxa (cf. Mt 13,55). Minn naħa tiegħu San Luqa jirreferi darbtejn għar-ritorn tal-Familja Mqaddsa ġo Nażżaret (cf. Lq 2,39.51) u jforni żewġ indikazzjonijiet qosra dwar is-snin tat-tfulija ta’ Ġesù, qabel u wara l-pellegrinaġġ lejn Ġerusalem: «It-tfajjel kien jikber u jissaħħaħ, mimli għerf, età u grazzja quddiem Alla u quddiem il-bnedmin» (Lq 2,52).

Fir-rapportaġġ ta’ dawn in-noti qosra dwar il-ħajja ta’ Ġesù, Luqa jirreferi wisq probabbli t-tifkiriet ta’ Marija, marbuta ma’ perijodu ta’ intimità profonda mal-Iben. L-għaqda bejn Ġesù u l- «mimlija bil-grazzja» tissupera bil-kbir dik li soltu teżisti bejn omm u iben, għaliex hija fondata f’kundizzjoni soprannaturali partikolari u hija msaħħa mill-konformità speċjali tat-tnejn mar-rieda divina.

Wieħed jistà jikkonkludi li l-klima ta’ serenità u ta’ paċi, preżenti fid-dar ta’ Nażżaret, u l-orjentament kostanti lejn it-twettiq tal-pjan divin, kienu jagħtu lill-għaqda bejn omm u iben profondità straordinarja u irrepetibbli.

2. F’Marija il-kuxjenza li twettaq dmir afdat lilha minn Alla kienet  tattribwixxi sinifikat iktar għoli mill-ħajja tagħha ta’ kuljum. Ix-xogħlijiet sempliċi u umli ta’ kuljum kienu jassumu f’għajnejha, valur singolari, minħabba li kienu jiġu migħuxa minnha bħala servizz għall-missjoni ta’ Kristu.

L-eżempju ta’ Marija illumina u inkuraġġixxa l-esperjenza ta’ tant nisa li jiżvolġu x-xogħol ta’ kuljum tagħhom b’mod esklussiv bejn il-ħitan domestiċi. Dan huwa mpenn umli, moħbi, ripetittiv u, sikwit, mhux apprezzat kemm imissu. Madankollu s-snin twal, mgħoddija minn Marija fid-dar ta’ Nażżaret, jirrivelawlna il-potenzjalitajiet enormi ta’ mħabba awtentika u allura ta’ fidwa. Infatti s-sempliċità tal-ħajja ta’ tant nisa tad-dar, imħossha bħala missjoni ta’ servizz u ta’ mħabba, tinkludi valur straordinarju f’għajnejn il-Mulej.

U wieħed jistà jgħid b’wiċċu minn quddiem li l-ħajja ta’ Nażżaret għal Marija ma kinitx iddominatha mill-monotonija. F’kuntatt ma’ Ġesù li kien qed jikber, hija kienet tisforza biex tippenetra l-misteru ta’ Binha, waqt li timmedita u tadura.

Jgħid San Luqa: «Marija kienet iżżomm dawn il-ħwejjeġ kollha f’qalbha» (Lq 2,19; cf. 2,51).

«Dawn il-ħwejjeġ kollha»: huma l-ġrajjiet li tagħhom Hija kienet, flimkien, protagonista u spettatriċi, ibda mill-Annunzjazzjoni, imma, b’mod speċjali, hija l-ħajja tat-Tifel.

Kull jum ta’ intimità miegħU jikkostitwixxi stedina biex issir tafu aħjar, biex tiskopri b’mod iktar profond is-sinifikat tal-preżenza u tal-misteru tal-persuna tiegħu..

3. Xi ħadd jistà jasal li jaħseb li għal Marija kien faċli li temmen, waqt li Hi tgħix kuljum f’kuntatt ma’ Ġesù. F’dan ir-rigward, iżda, hemm bżonn li niftakru li l-aspetti singolari tal-personalità tal-Iben kienu baqgħu  abitwalment moħbija; ukoll jekk il-mod tal-aġir tiegħu kien eżemplari, Huwa kien jgħix ħajja simili għal dik ta’ tant nies tal-età tiegħu.

Matul it-tletin sena tar-residenza f’Nażżaret, Ġesù ma jiżvelax il-kwalitajiet tiegħu soprannaturali u ma jwettaq ebda ġesti tal-għaġeb. Fl-ewwel manifestazzjonijiet straordinarji tal-personalità tiegħu, marbuta mal-bidu tal-predikazzjoni, il-familjari tiegħu (imsejħa mill-Vanġelu «aħwa») jassumu[189] – skont interpretazzjoni – ir-responsabiltà li jeħduh lura d-dar, għaliex isostnu li l-imġieba tiegħu mhijiex normali (cf. Mk 3,21).

Fl-atmosfera dinjituża u laborjuża ta’ Nażżaret, Marija kienet tisforza biex tifhem il-pjan providenzjali tal-missjoni tal-Iben.

Oġġett ta’ riflessjoni partikolari, f’dan ir-rigward, kienet bla ebda dubju għall-Omm is-sentenza li Ġesù ippronunzja fit-Tempju ta’ Ġerusalem meta kellu tnax-il sena: «Ma kontux tafu li jien irrid nieħu ħsieb l-affarijiet ta’ Missieri?» (Lq 2,49). Waqt li timmedita dwarha, Marija setgħet tifhem aħjar is-sens tal-filjolanza divina ta’ Ġesù u dak tal-maternità tagħha, waqt li timpenja ruħha biex  tirrejalizza fl-Iben, il-fatturi rivelaturi tax-xebħ tiegħu ma’ Dak li Huwa kien isejjaħ «Missieri».

4. Il-komunjoni ta’ ħajja ma’ Ġesù fid-dar ta’ Nażżaret, wasslet lil Marija mhux biss biex tavanza «fil-pellegrinaġġ tal-fidi»,1 imma wkoll fit-tama. Tali virtù, mitmugħa u sostnuta mit-tifkira tal-Annunzjazzjoni u mill-kliem ta’ Xmun, tħaddan l-ark kollu tal-eżistenza terrena tagħha,  imma teżercita ruħha b’mod partikolari fit-tletin sena ta’ silenzju u ħabi mgħoddija ġo Nażżaret.

Bejn il-ħitan domestiċi l-Verġni tgħix it-tama f’forma  eżaltanti: taf li ma kinitx se tiddiżappunta ruħha, ukoll jekk ma tafx iż-żminijiet u l-modi li bihom Alla se jwettaq il-wegħda tiegħu. Fl-oskurità tal-fidi u fin-nuqqas ta’ sinjali straordinarji, li jħabbru l-bidu tad-dover messjaniku tal-Iben, Hija tittama, ‘il hemm minn kull xhieda, waqt li tistenna mingħand Alla t-twettiq tal-wegħda.

Ambjent ta’ kobor tal-fidi u tat-tama, id-dar ta’ Nażżaret issir post ta’ xhieda għolja tal-karità. L-imħabba li Kristu kien jixtieq ideffes fid-dinja tixgħel u tħeġġeġ qabel xejn fil-qalb tal-Omm: huwa propju fil-fuklar domestiku li titħejja l-aħbar tal-Vanġelu tal-karità divina.

Waqt li nħarsu lejn Nażżaret, waqt li nimmeditaw il-misteru tal-ħajja moħbija ta’ Ġesù u tal-Verġni, aħna mistednin biex nerġgħu naħsbu l-misteru tal-[190]eżistenza stess tagħna li – San Pawl ifakkar – «hija moħbija ma’ Kristu f’Alla» (Kol 3,3).

Din, sikwit, hija eżistenza umli u moħbija għal għajnejn id-dinja: eżistenza iżda li, fl-iskola ta’ Marija, tistà tiżvela potenzjalitajiet mhux mistennija ta’ fidwa waqt li ddawwal l-imħabba u l-paċi ta’ Kristu.

NOTI

1 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 58.

Insegnamenti di Giovanni Paolo II, XX/1 (1997) p. 187-190

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb