50. «Hawn hi Ommok!»

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  07/05/1997.

1. Wara li afda lil Ġwanni lil Marija bil-kliem:: «Mara, hawn hu ibnek!», Ġesù, mill-għoli tas-salib, jindirizza lid-dixxiplu maħbub, billi jgħidlu:  «Hawn hi ommok!» (Ġw 19,26-27). B’din l-espressjoni, Huwa jirrivela lil Marija l-quċċata tal-maternità tagħha: inkwantu Omm il-Feddej, hija hi l-omm ukoll tal-mifdijin, tal-membri kollha tal-Ġisem Mistiku tal-Iben.

Il-Verġni tilqà fis-skiet l-elevazzjoni għal dan il-grad l-iktar għoli tal-maternità ta’ grazzja, billi kienet diġa tat tweġiba ta’ fidi bl- «iva» tagħha fl-Annunzjazzjoni.

Ġesù mhux biss jirrakkomanda lil Ġwanni biex jieħu ħsieb Marija b’imħabba partikulari, imma jafdahielu sabiex jagħrafha bħala l-propja ommu.

Matul l-aħħar Ċena, «id-dixxiplu li Ġesù kien iħobb» semà l-kmandament tal-Imgħallem: «Li tħobbu lil xulxin, bħal ma ħabbejtkom jien» (Ġw 15,12) u, waqt li serraħ rasu fuq sider il-Mulej, irċieva mingħandu sinjal singolari ta’ mħabba. Tali esperjenzi ħejjewh biex  jifhem aħjar fil-kliem ta’ Ġesù l-istedina biex jilqà lil Dik li kien irregalalu bħala omm u biex iħobbha bħalU b’entużjażmu filjali. 

Jalla kulħadd jiskopri fil-kliem ta’ Ġesù: «Hawn hi ommok!», l-istedina biex naċċettaw lil Marija bħala omm, waqt li nwieġbu ta’ vera wlied għall-imħabba materna tagħha.

2. Fid-dawl ta’ tali għotja lid-dixxiplu maħbub, wieħed jistà jifhem is-sens awtentiku tal-kult marjan fil-komunità ekkleżjali. Dan, infatti, jpoġġi lill-insara fir-relazzjoni filjali ta’ Ġesù lejn ommu, billi jagħmlilhom il-kondizzjoni biex jikbru fl-intimità mat-tnejn.

Il-kult li l-Knisja tagħti lill- Verġni mhuwiex biss frott ta’ inizjattiva spontanja ta’ dawk li jemmnu quddiem il-valur eċċezzjonali tal-persuna tagħha u l-importanza tar-rwol tagħha fl-opra tal-fidwa, imma jissejjes fuq ir-rieda ta’ Kristu.

Il-kliem «Hawn hi ommok!» jesprimi l-intenzjoni ta’ Ġesù li jqanqal fid-dixxipli atteġġjament ta’ mħabba u fiduċja lejn Marija, waqt li jmexxihom biex jagħrfu fiHa lil ommhom, l-omm ta’ kull wieħed li jemmen.

Fl-iskola tal-Verġni d-dixxipli jitgħallmu, bħal Ġwanni, jagħrfu b’mod profond  lill-Mulej u jibnu rapport ta’ mħabba intimu u perseveranti miegħU.

Jiskopru wkoll, il-ferħ li jafdaw ruħhom fl-imħabba materna tal-Omm, waqt li jgħixu bħala wlied maħbuba u ħelwa.

L-istorja tal-ħniena nisranija tgħallem li Marija hija t-triq li twassal għand Kristu u li d-devozzjoni filjali lejHa ma tneħħi xejn mill-intimità ma’ Ġesù, anzi, tkabbarha u twassalha għal livelli tassew għoljin ta’ perfezzjoni.

Is-santwarji marjani numerużi, mxerrdin mad-dinja, jixhdu l-għeġubijiet mwettqa mill-Grazzja bl-interċessjoni ta’ Marija, omm il-Mulej u ommna. 

Waqt li nirrikorru lejha, miġbudin mill-ħlewwa tagħha, ukoll l-irġiel u n-nisa ta’ żminijietna jiltaqgħu ma’ Ġesù, Feddej u Mulej ta’ ħajjithom.

B’mod speċjali l-foqra, imġarrba fl-intimu, fl-emozzjonijiet u fil-ġid, waqt li jsibu qrib l-Omm ta’ Alla rifuġju u paċi, jiskopru mill-ġdid li l-veru għana tikkonsisti għalihom ilkoll fil-grazzja tal-konverżjoni u tas-segwitu ta’ Kristu.

3. It-test evanġeliku, skont l-oriġinali Grieg, ikompli: «Minn dak il-ħin id-dixxiplu laqagħha fost ġidu» (Ġw 19,27), waqt li, hekk, jenfasizza, l-adeżjoni pronta u ġeneruża ta’ Ġwanni għall-kliem ta’ Kristu  u jinfurmana dwar l-imġieba, minnu miżmuma għal ħajtu kollha, bħala għassies fidil u iben doċli tal-Verġni.

Is-siegħa tal-ilqugħ hija dik tat-twettiq tal-opra tal-fidwa. Propju f’tali kuntest, tibda l-maternità spiritwali ta’ Marija u l-ewwel manifestazzjoni tar-rabta l-ġdida bejnha u d-dixxipli tal-Mulej.

Ġwanni jilqà lill-Omm «fost ġidu». Din l-espressjoni pjuttost ġenerika donnha tixhed l-inizjattiva tiegħu, sħiħa ta’ rispett u ta’ mħabba, mhux biss li jżomm lil Marija, ġewwa daru, imma speċjalment li jgħix il-ħajja spiritwali f’għaqda magħha.

Infatti, l-espressjoni Griega tradotta «fost ġidu» ma tindikax tant il-ġid materjali  ġaladarba Ġwanni – bħal ma josserva Santu Wistin1– «ma tantx kien jippossiedi ħwejjeġ tiegħu», imma aktar il-ġid spiritwali jew doni riċevuti mingħand Kristu: il-grazzja  (Ġw 1,16), il-Kelma (Ġw 12,48; 17,8), l-Ispirtu (Ġw 7,39; 14,17), l-Ewkaristijsa (Ġw 6,32-58)… Fost dawn id-doni, li kienu jirriżultaw mill-fatt li kien maħbub minn Ġesù, id-dixxiplu jilqà lil Marija bħala omm, waqt li jistabilixxi magħha għaqda profonda ta’ ħajja.2

Jalla kull nisrani, fuq l-eżempju tad-dixxiplu maħbub, «jilqà lil Marija f’daru», jagħmlilha spazju fl-eżistenza tiegħu ta’ kuljum, waqt li jagħraf l-irwol providenzjali fil-mixja tal-fidwa

NOTI

1 Sant’Agostino, In Ioan. Evang. tract. 119,3..

2 Cf. Giovanni Paolo II, Lett. enc. Redemptoris Mater, 45, nota 130.

Insegnamenti di Giovanni Paolo II, XX/1 (1997) p. 902-904.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading