51. Marija u l-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  21/05/1997.

1. Wara d-dfna ta’ Ġesù fil-qabar, Marija «tibqà weħedha żżomm ħajja l-fjamma tal-fidi, waqt li tħejji ruħha biex tilqà l-aħbar ferrieħa u sorprendenti tal-qawmien mill-imwiet».1 L-istennija migħuxa s-Sibt Qaddis tikkostitwixxi wieħed mill-waqtiet l-iktar għolja tal-fidi ta’ Omm il-Feddej: fid-dalma li tiksi l-univers, Hija tafda ruħha kompletament fl-Alla tal-ħajja u, waqt li terġà tmur għall-kliem tal-Iben, tittama fit-twettiq sħiħ tal-wegħda divina.

Il-Vanġeli  jirraportaw diversi dehriet tal-Irxoxt, imma mhux il-laqgħa ma’ Ommu. Dan is-skiet m’għandux iwassalna biex nikkonkludu li wara l-Qawmien mill-Imwiet Kristu ma deherx lil Marija; iżda jistedinna biex nerġgħu infittxu l-mottiv ta’ tali għażla minn naħa tal-evanġelisti. 

Waqt li nipotizzaw «ommissjoni», din tistà tkun attribwita għall-fatt li dak li hu meħtieġ għall-għarfien tagħna feddej huwa afdat għall-kelma ta’ «xhieda magħżula minn Alla» (At 10,41), jiġifieri għall-Appostli, li «b’qawwa kbira» taw xhieda tal-qawmien mill-imwiet tas-Sinjur tagħna Ġesù (cf. At 4,33). Qabilhom, l-Irxoxt deher lil diversi nisa fidili minħabba l-mottiv tal-funzjoni ekkleżjali tagħhom: «Morru ħabbru lil ħuti biex imorru fil-Galilea u hemm huma jarawni» (Mt 28,10).

Jekk l-awturi tat-Testment il-Ġdid ma jitkellmu xejn dwar il-laqgħa tal-Omm mal-Iben irxuxtat, dan hu, aktarx, attribwit għall-fatt li xhieda [1224] simili setgħet tkun meqjusa minn naħa ta’ dawk li kienu jinnegaw il-qawmien mill-imwiet tal-Mulej, interessata żżejjed, u allura mhix denja ta’ fidi.

2. Il-Vanġeli, barra minn dan, jirreferu għal numru żgħir ta’ dehriet ta’ Ġesù rxoxt, u bla ebda dubju ta’ xejn sikur li mhux ir-rapport sħiħ ta’ dak li seħħ f’dawk l-erbgħin jum ta’ wara l-Għid. San Pawl ifakkar dehra «lil iktar minn ħames mitt aħwa f’darba waħda»(1Kor 15,6). Kif tiġgustifika li fatt magħruf minn ħafna ma jkunx riferut mill-Evanġelisti, minkejja l-eċċezzjonalità tiegħu? Dan huwa sinjal evidenti li dehriet oħra tal-Irxoxt, minkejja li kienu fiċ-ċirku tal-fatti li seħħu u magħrufin, ma ġewx irrapurtati.

Il-Verġni, preżenti fl-ewwel komunità tad-dixxipli (cf. At 1,14), kif setgħet titħalla barra min-numru ta’ dawk li ltaqgħu ma’ Binha divin imqajjem mill-imwiet?

3. Huwa anzi leġittimu li naħsbu li iktar iva milli le l-Omm kienet l-ewwel waħda li deher il-Kristu Rxoxt. In-nuqqas ta’ Marija mill-grupp tan-nisa li mas-sebħ imorru ħdejn il-qabar (cf. Mk 16,1; Mt 28,1), forsi m’għandux iforni ndikazzjoni tal-fatt li Hija kienet diġa ltaqgħet ma’ Ġesù? Din  l-inferenza ssib il-konferma tagħha wkoll  fil-partikular li l-ewwel xhieda tal-qawmien mill-imwiet bir-rieda ta’ Ġesù, kienu n-nisa, li kienu baqgħu fidili f’riġlejn is-Salib, u allura sodi fil-fidi.

Lil waħda minnhom, Marija Maddalena, infatti l-Irxoxt jafdalha l-messaġġ biex tittrażmettih lill-Appostli (cf. Ġw20,17-18). Ukoll dan l-element forsi jippermetti li naħsbu li Ġesù l-ewwel juri ruħu lil Ommu, Dik li baqgħet l-iktar fidila u fil-prova ikkonservat intatta l-fidi. 

Fl-aħħarnett il-karattru uniku u speċjali tal-preżenza tal-Verġni fuq il-Kalvarju u l-għaqda tagħha perfetta ma’ Binha fit-tbatija tas-Salib, donnhom  jassumu sehem partikolarissmu tagħha fil-misteru tal-qawmien mill-imwiet.

Awtur tal-ħames seklu, Sedulju, isostni li Kristu wera lilu nnifsu fl-isplendur tal-ħajja rxuxtatha qabel kollox lil Ommu. Infatti, Dik li fl-Annunzjazzjoni kienet it-triq tad-dħul tiegħu fid-dinja kienet imsejħa biex tferrex l-aħbar tal-għaġeb tal-qawmien mill-imwiet, sabiex tagħmel lilha nfisha l-annunzjatriċi tal- miġja glorjuża tiegħu.

Imfawra hekk bil-glorja tal-irxuxtat, Hija tantiċipa d-«dawl ileħħ» tal-Knisja.2

4. Billi hi xbiha u mudell tal-Knisja, li tistenna l-Irxuxtat u fil-grupp tad-dixxipli tiltaqà miegħu waqt id-dehriet paskwali, donnu raġonevoli li wieħed jaħseb li Marija kien kellha kuntatt personali ma’ Binha rxuxtat, biex tgawdi wkoll hi mill-milja tal-ferħ paskwali.

Preżenti fuq il-Kalvarju waqt il-Ġimgħa l-Kbira  (cf. Ġw 19,25) u fiċ-Ċenaklu nhar Għid il-Ħamsin (cf. At 1,14), il-Verġni Santissima kienet wisq probabbli xhud ipprivileġġjat ukoll tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, waqt li b’tali mod tkompli s-sehem tagħha fil-waqtiet essenzjali tal-Misteru paskwali. Waqt li tilqà lil Ġesù rxuxtat, Marija hija barra minn dan sinjal u antiċipazzjoni tal-umanità, li tittama fl-akkwist tat-twettiq sħiħ tagħha permezz tal-qawmien mill-imwiet.

Fiż-żmien paskwali l-komunità nisranija, waqt li ddur lejn Omm il-Mulej, tistedinha biex tifraħ: «Regina Caeli, laetare. Alleluia!», «Sultana tas-sema, ifraħ. Alleluia!».

Hekk tiftakar il-ferħ ta’ Marija għall-qwmien mill-imwiet ta’ Ġesù, waqt li ttawwal fiż-żmien l- «ifraħ» indirizzatha lilha mill-anġlu fl-Annunzjazzjoni, sabiex issir «kawża ta’ ferħ» għall-umanità kollha kemm hi.

NOTI

1 Giovanni Paolo II, Discorso all’Udienza Generale: L’Osservatore Romano, 4 aprile 1996, p. 4.
2 Cf. Sedulio, Carmen Paschale, 5,357-364: CSEL 10, 140s.

 Insegnamenti di Giovanni Paolo II, XX/1 (1997) p. 1223-1225.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.