11. Il-Providenza Divina Tkompli Tieħu Ħsieb il-Ħolqien

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Ħolqien. Udjenza Ġenerali –  07/05/1986.

1. Illum inkomplu l-kateeżi dwar il-Providenza divina.

Alla, waqt li ħalaq, sejjaħ mix-xejn għall-eżistenza dak kollu li beda jkun ‘il barra minnu. Imma l-att ħallieqi ta’ Alla ma jintemmx hawn. Dak li qam mix-xejn kien jerġà lura għax-xejn, li kieku tħalla jfendi għal rasu waħdu u ma kienx għal kuntrarju konservat fl-eżistenza mill-Ħallieq. Fir-realtà Alla, waqt li ħalaq il-kożmu darba, ikompli jaħalqu, billi jżommu fl-eżistenza. Il-konservazzjoni hija ħolqien kontinwu. (Conservatio est continua creatio).

2. Nistgħu qabel xejn ngħidu li l-Providenza divina, mifhumha fis-sens l-iktar ġeneriku, tesprimi lilha nfisha f’din il-“konservazzjoni”: billi żżomm jiġifieri fl-eżistenza dak kollu li rċieva l-eżistenza mix-xejn. F’dan is-sens, il-Providenza hija kważi konferma kostanti u inċessanti tal-opra tal-ħolqien fil-għana u l-varjetà kollha tagħha. Hija tfisser il-preżenza kostanti u interrotta ta’ Alla bħala ħallieq, fil-ħolqien kollu: preżenza li kontinwament toħloq u kontinwament tilħaq l-għeruq l-iktar profondi ta’ dak kollu li jeżisti, biex jopera bħala l-ewwel kawża tal-eżistenza u tal-aġir.

F’fdin il-preżenza ta’ Alla tesprimi ruħha kontinwament l-istess rieda eterna ta’ ħolqien u ta’ konservazzjoni ta’ dak li hu maħluq: rieda sommament u pjenament sovrana, permezz ta’ liema Alla, skont in-natura nfisha tat-tajjeb li hija propja tiegħu b’mod assolut (bonum diffusivum sui), tkompli tippronunzja ruħha, hekk bħal fl-ewwel att tal-ħolqien, favur l-esseri kontra x-xejn, favur il-ħajja kontra l-mewt, favur id-“dawl” kontra d-“dlam” (cf. Ġw 1, 4-5), f’kelma waħda: favur il-verità, tat-tajjeb u tas-sbuħija ta’ dak kollu li jeżisti. Fil-misteru tal-Providenza jittawwal b’mod interrott u irriversibbli l-ħaqq kontenut fil-Ktieb tal-Ġenesi: “Alla ra li kienet ħaġa tajba” (Ġen 1, 24. .31): din tikkostitwixxi jiġifieri l-affermazzjoni fundamentali u inkrollabli tal-opra tal-ħolqien.

3.Din l.-affermazzjoni essenzjali mhi ntakkata minn ebda ħażen li jiġi mil-limiti inerenti ta’ kull ħaġa tal-kożmu, jew li tipproduċi lilha nfisha, bħal ma seħħ, fl-istorja tal-bniedem, f’kuntrast doloruż ma’ dik oriġinali “Alla ra li kienet ħaġa tajba .  .  .  li kienet ħaġa ferm tajba”. Li tgħid Providenza divina tfisser tagħraf mill-ġdid li fil-pjan etern ta’ Alla, fid-disinn krejattiv tiegħu, dak il-ħażn li oriġinarjament m’għandux post, ġaladarba mwettaq mill-bniedem u permess minn Alla, fl-aħħar minn l-aħħar jiġi sottomess għat-tajjeb: “kollox  jikkontribwixxi għat-tajjeb”, bħal ma jesprimi l-Appostlu  (cf. Rm 8, 28). Imma din hija problema li fuqha hemm bżonn li nerġgħu lura mill-ġdid.

4. Il-verità tal-Providenza divina hija preżenti fir-rivelazzjoni kollha kemm hi. Wieħed anzi jistà jgħid li din tixtered mar-rivelaz.zjoni kollha, hekk bħall-verità tal-ħolqien. Ma’ din tikkostitwixxi l-punt ewlieni u fundamentali ta’ riferenza f’dak kollu li Alla “bosta drabi u b’diversi modi” irid jgħid lill-bnedmin “permezz tal-profeti, u dan l-aħħar . . .permezz tal-Iben” (Lh 1, 1). Jeħtieġ mela li nerġgħu naqraw din il-verità kemm fit-testi tar-rivelazzjoni fejn nitkellmu b’mod dirett, kif ukoll hemm fejn l-Iskrittura Mqaddsa tagħti xħieda b’mod indirett.

5. Hi tinsab sa mill-bidu, bħala verità fondamentali ta’ fidi, fil-maġisteru ordinarju tal-Knisja, ukoll jekk l-Konċilju Vatikan I biss ippronunzja ruħu dwarha fl-ambitu tal-kostituzzjoni dommatika sollenni “De fide catholica”, fir-rigward tal-verità dwar il-ħolqien. Hawn hu l-kliem tal-Vatikan I: “Dak kollu li ħalaq, Alla jieħu ħsiebu u jmexxih bil-providenza tiegħu «billi jestendi minn fruntiera sa fruntiera bil-qawwa u billi jiggverna bi tjubija kull ħaġa» (cf. Għerf 8, 1). «Kollox huwa għeri u mikxuf għal għajnejh» (cf. Lh 4, 13), ukoll dak li se jseħħ b’inizjattiva ħielsa tal-krejaturi” (DS 3003).

6. It-test Konċiljari, pjuttost qasir, bħal ma wieħed jistà jara, kien iddettat mill-bżonn partikolari taż-żminijiet (seklu XIX). Il-Konċilju ried qabel xejn jikkonferma t-tagħlim kostanti tal-Knisja dwar il-Providenza, u allura t-Tradizzjoni dottrinali immutabbli marbuta mal-messaġġ bibbliku kollu, kif jippruvaw il-passi tat-Testment il-Qadim u l-Ġdid inklużi fit-test. Waqt li kkonferma din id-duttrina kostanti, il-Konċilju  ried    jikkonfronta l-iżbalji tal-materjaliżmu tad-dejiżmu ta’ dak iż-żmien. Il-materjaliżmu, bħal ma wieħed jaf, jinnega  l-eżistenza ta’ Alla waqt li d-dejiżmu, minkejja li jammetti l-eżistenza ta’ Alla u l-ħolqien tad-dinja, isostni li Alla ma jħabbel rasu xejn affattu mid-dinja li ħalaq.  Wieħed mela jistà jgħid li huwa propju d-dejiżmu li bid-duttrina tiegħu jattakka b’mod dirett il-verità dwar il-Providenza divina  .

7. Is-separazzjoni tal-opra tal-ħolqien mill-Providenza divina, tipika tad-dejiżmu, u ferm iktar  iktar in-negazzjoni totali ta’ Alla propja tal-materjaliżmu, jiftħu t-triq għal determiniżmu materjalista, li għalih il-bniedem u l-istorja tiegħu jiġu għal kollox subordinati. Il-materjaliżmu tejoriku jinbidel f’materjaliżmu storiku. F’dan il-kuntest, il-verità tal-eżistenza ta’ Alla, u b’mod partikolari dwar il-Providenza divina, tikkostitwixxi l-garanzija fundamentali u definittiva tal-bniedem u tal-libertà tiegħu fil-kożmu.  Dan tħallih jinftiehem l-Iskrittura Mqaddsa diġa fit-Testment il-Qadim, meta tara lil Alla bħala sosten qawwi u ndistruttibbli: “Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi, Mulej, blata tiegħ, fortizza tiegħi, ħellies tiegħi: Alla tiegħi,  sur tiegħi li fih insib il-kenn tiegħi, tarka u bastjun tiegħi, fidwa qawwija tiegħi” (Sal 17, 3). Alla huwa s-sies inkrollabbli li fuqu l-bniedem jistrieħ bl-esseri kollu tiegħu; “f’idejk hija ħajti” (Sal 15, 5).

Wieħed jistà jgħid li l-Providenza divina bħala dikjarazzjoni sovrana, minn naħa ta’ Alla, tal-ħolqien kollu u, b’mod partikolari, tas-superjorità tal-bniedem fost il-ħlejjaq, tikkostitwixxi l-garanzija fondamentali tas-sovranità tal-bniedem innifsu fir-rigward tad-dinja. Dan ma jfissirx l-annullament tad-determinazzjoni inerenti għal-liġijiet tan-natura, imma l-esklużjoni ta’ dak id-determiniżmu materjalista li jirriduċi l-eżistenza umana kollha għas-“saltna tal-bżonn”, waqt li prattikament jeqred is-“saltna tal-libertà”, li l-Ħallieq minflok iddestina għall-bniedem. Alla bil-Providenza tiegħu ma jaqtax li jkun is-sosten aħħari tas-“saltna tal-libertà”.

8. Il-fidi fil-Providenza divina tibqà, kif wieħed jistà jara, marbuta b’mod strett mal-idea bażilari tal-eżistenza umana, bis-sens jiġifieri tal-ħajja tal-bniedem. Il-bniedem jistà jiffaċċja l-eżistenza propja b’mod essenzjalment differenti, meta għandu ċ-ċertezza li ma jaqax f’idejn destin għama (“fatum”), imma li jiddependi minn Xiħadd li huwa l-Ħallieq tiegħu u Missieru. Għalhekk il-fidi fil-Providenza divina miktuba fl-ewwel kliem tas-Simbolu apostoliku: “Nemmen f’Alla Missier omnipotenti”, jillibera l-eżistenza umana mid-diversi forom tal-ħsieb fatalista.

9. Fil-linja tat-tradizzjoni kostanti tat-tagħlim tal-Knisja u b’mod partikolari tad-duttrina tal-Konċilju Vatikan I, ukoll il-Konċilju Vatikan II jitkellem bosta drabi dwar il-Providenza divina. Mit-testi tal-Kostituzzjonijiet tiegħu jirriżulta li Alla huwa dak li “jieħu ħsieb patern ta’ kulħadd”, u b’mod partikolari “tal-ġeneru uman”. Espressjoni ta’ din l-attenzjoni hija wkoll il-“liġi divina, eterna, oġġettiva u universali, li permezz tagħha Alla, fil-pjan ta’ għerf u mħabba tiegħu, jamar, imexxi u jiggverna d-dinja kollha u t-toroq tas-soċjetà umana” (Dignitatis Humanae, 3). “Il-bniedem . . . ma jeżistix, infatti, jekk mhux maħluq b’imħabba ta’ Alla, minnu dejjem b’imħabba huwa kkonservat, jgħix totalment skont verità jekk ma jagħrafx b’mod liberu dik l-imħabba u jekk ma jafdax lilu nnifsu lill-Ħallieq tiegħu” (Gaudium et Spes, 19).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading