12. Il-Providenza Divina Twettaq Pjan Etern ta’ Għerf u Mħabba


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Ħolqien. Udjenza Ġenerali –  14/05/1986.

1.  Għall-mistoqsija rikorrenti u kultant dubbjuża ta’ kif u x’fatta Alla huwa preżenti fid-dinja, il-fidi nisranija twieġeb b’ċertezza soda u mdawla: “dak kollu li ħalaq, Alla bil-Providenza tiegħu jgħassu  u jmexxih”. B’dan il-kliem qasir il-Konċilju Vatikan I  ifformula d-duttrina rivelata dwar il-Providenza divina. Skont ir-rivelazzjoni, li dwarha nsibu espressjoni għanja fit-Testment il-Qadim u l-Ġdid, fil-kunċett tal-Providenza divina hemm preżenti żewġ elementi: l-element tal-kura (“jgħasses”) u fl-istess ħin dak tal-awtorità (“Imexxi”).

Dawn jinterpenetraw flimkien. Alla bħala Ħallieq għandu fuq il-ħolqien kollu l-awtorità suprema (id- “dominium altum”), kif wieħed jgħid  b’raġunar mal-poter Sovran tal-prinċpijiet terreni. Infatti dak kollu li hu maħluq, minħabba l-istess fatt li ġie maħluq, jappartieni lil Alla Ħallieq  tiegħu, u konsegwentement, jiddependi minnu. F’ċertu sens kull esseri huwa iktar minn “Alla” milli “minnu nnifsu”. Huwa qabel “Alla” u mbagħad “minnu nnifsu”. Huwa hu b’mod radikali u totali li jgħaddi b’mod infinit l-analoġiji kollha tar-rapport bejn awtorità u sudditi fid-dinja.

2. L-awtorità tal-Ħallieq (“imexxi”) tesprimi ruħha bħala prontezza tal-Missier (“jgħasses”). F’din l-analoġija l-oħra huwa nkluż f’ċertu sens l-istess nukleju tal-verità dwar il-Providenza divina. L-Iskrittura Mqaddsa biex tesprimi l-istess verità tinqeda b’paragun: “Il-Mulej – hija tiddikjara – huwa r-ragħaj tiegħi: xejn ma jonqosni” (Sal 22, 1). Xbiha stupenda! Jekk is-simboli qodma tal-fidi u l-edizzjoni nisranija tal-ewwel sekli kienu jesprimu l-verità dwar il-Providenza bit-terminu: “Omni-tenens”, korrispondenti għall-Grieg “Panto-krator”, dan il-kunċett ma jirrendix il-ħxuna u s-sbuħija tal-bibbliku “Ragħaj”, bħal ma tikkomunikahulna f’sens tant ħaj il-verità rivelata. Il-Providenza divina hija infatti “awtorità sħiħa ta’ prontezza” li tesegwixxi pjan etern ta’ għerf u mħabba fit-tmexxija tad-dinja maħluqa u b’mod partikolari “it-toroq tas-soċjetà umana” (Dignitatis Humanae, 3). Hija “awtorità premuruża”,  mimlija qawwa u fl-istess ħin ta’ tjubija. Skont it-test tal-Ktieb tal-Għerf  ottenut mill-Konċilju Vatikan I, din “testendi ruħha minn tarf għall-ieħor b’qawwa (“fortiter”), u tmexxi bi tjubija (“suaviter”) kull ħaġa” (Għerf 8, 1) – jiġifieri tħaddan, issostni, tgħasses u f’ċertu sens titma, skont similitudni oħra bibblika, il-ħolqien kollu.

3. Il-Ktieb ta’ Ġobb jesprimi ruħu b’dan il-mod: “Alla huwa sublimi fil-qawwa tiegħu; / min bħalu huwa tal-biżà . . . / Huwa jattira l-qtar tal-ilma / u jħoll f’xita l-fwar tagħhom, /   li s-sħab jerġà jitfagħhom lura / u jsawbuhom fuq il-bniedem b’qawwa . . . / B’dan il-mod isostni l-popli / u joffri għixien bl-abbundanza”  (Ġb 36, 22. 27-28. 31). “Jgħabbi bl-umdità s-sħab / u s-sħab isawbu  is-sajjetti . . . / sabiex jesegwixxu dak ikkmandat lilhom / fuq id-dinja kollha” (Ġb 37, 11-12).

Similment il-Ktieb ta’ Sirak: “B’amar jibgħat is-silġ, / iġiegħel ifaqqgħu is-sajjetti tal-ħaqq tiegħu” (Sir 43, 13).

Is-salmista, minn naħa tiegħu, jeżalta l-“qawwa splendida”, it-“tjubija mmensa”, il-“brillantezza tal-glorja” ta’ Alla, li “jespandi l-ħniena tiegħu fuq il-krejaturi kollha”, u jipproklama: “Għajnejn kulħadd mixħutin fuqek jistennew, / u int tipprovdilhom l-ikel f’waqtu. / Int tiftaħ idek u taqtà ġuħ ta’ kull ħaj” (Sal 145 (144), 5-7. 15. 16). U iktar: “Tkabbar it-tiben għall-merħliet / u l-ħaxix għas-servizz tal-bniedem: / l-imbid li  jferraħ qalb il-bniedem: / iż-żejt li jdawwallu wiċċu / u l-ħobż li jsostnilu saħħtu” (Sal 103, 14-15).

4. L-Iskrittura Mqaddsa f’bosta siltiet tfaħħar il-Providenza divina bħala awtorità suprema fuq id-dinja, li, mimlija  prontezza għall-krejaturi kollha, u b’mod speċjali għall-bniedem, tinqeda bil-qwwa effiċjenti tal-kawżi maħluqa. Propju f’dan jidher l-għerf ħallieqi li dwaru wieħed jistà jgħid li huwa  prudenti b’mod Sovran, minħabba  analoġija għal  talent essenzjali tal-prudenza umana. Alla, infatti, li b’mod infinit jittraxxendi dak kollu li hu maħluq, fl-istess ħin jagħmel iva li d-dinja tippreżenta dak l-amar meraviljużi, li jistà  josserva kemm fil-makrokożmu kif ukoll fil-mikrokożmu. Hija ropju l-Providenza  ġaladarba tittraxxendi l-Għerf tal-Ħallieq li tagħmel iva li d-dinja mhijiex il-“kaos”, imma l-“kożmu”. “Int kollox  ħejjejt bil-qies, kalkolu u piż” (Għerf 11, 20).

5. Ukoll il-mod ta’ kif tesprimi ruħha l-Bibbja jirreferi b’mod dirett lil Alla t-tmexxija tal-ħwejjeġ, tibqà madankollu ċara biżżejjed id-differenza bejn l-azzjoni ta’ Alla Ħallieq bħala Kawża Ewlenija, u l-attività tal-krejaturi bħala t-tieni kawża. Hawn niltaqgħu ma mistoqsija li hija ferm għall-qalb il-bniedem modern: dik relattiva għall-awtonomija tal-maħluq, u allura għar-rwol ta’ awtur tad-dinja li l-bniedem għandu f’moħħu li  jwettaq. Mela, skont il-fidi kattolika, huwa propju tal-għerf traxxendenti tal-Ħallieq li jagħmel iva, li Alla jkun preżenti fid-dinja bħala Providenza, u fl-istess ħin li d-dinja maħluqa tippossiedi dik l-“awtonomija”, li dwarha jitkellem il-Konċilju Vatikan II. Minn banda, infatti, Alla, waqt li jżomm fl-eżistenza l-ħwejjeġ kollha, jagħmel li jkunu dak li huma: u “ hija mill-istess kondizzjoni tagħhom ta’ krejaturi li l-ħwejjeġ jirċievu il-konsistenza, il-verità, it-tjubija propji tagħhom, il-liġijiet propji u l-ordni tagħhom”. Mill-banda l-oħra, propju minħabba l-mod li fih Alla jrieġi d-dinja, dan jasal biex isib ruħu f’sitwazzjoni ta’ vera awtonomija, li hija “konformi max-xewqa tal-Ħallieq” (Gaudium et Spes, 36).

Il-Providenza divina tesprimi ruħha propju f’tali “awtonomija tal-ħwejjeġ maħluqa”, li fiha timmanifesta ruħha kemm il-qawwa kif ukoll il-“ħlewwa” propji ta’ Alla. Fiha tikkonferma ruħha li l-Providenza tal-Ħallieq, bħala traxxendenti u għalina dejjem għerf misterjuż, tinkludi kollox   (“testendi ruħha minn tarf sa ieħor”), twettaq f’kollox bil-qawwa  ħallieqa tagħha u bil-fermezza ordinatriċi tagħha (“fortiter”), minkejja li tħalli intatt ir-rwol tal-krejaturi bħala t-tieni kawżi,  inerenti, fid-dinamiżmu tal-formazzjoni u tal-iżvilupp tad-dinja, bħal ma jistà jidher indikat f’dak is- “suaviter” tal-Ktieb tal-Għerf.

6. F’dak li jirrigwarda l-formazzjoni inerenti tad-dinja, il-bniedem jippossiedi, mela, sa mill-bidu u b’mod kostitwenti, minħabba li maħluq xbiha u xebħ ta’ Alla, post għal kollox partikolari. Skont il-Ktieb tal-Ġenesi, huwa ġie maħluq biex “jiddomina” (Ġen 1, 28), biex “irażżan l-art”. Waqt li jipparteċipa, bħala suġġett razzjonali u liberu, imma dejjem bħala krejatura, għad-dominju tal-Ħallieq fuq id-dinja, il-bniedem isir f’ċertu sens “providenza” għalih innifsu, skont l-espressjoni sabiħa ta’ San Tumas. Għall-istess raġuni, però, tgħabbi fuqu sa mill-bidu responsabbiltà partikolari kemm quddiem Alla kif ukoll quddiem il-krejaturi, u b’mod partikolari quddiem il-bnedmin l-oħra  .

7. Dawn l-ideat dwar il-Providenza divina li jiġu offruti lilna mit-tradizzjoni bibblika tat-Testment il-Qadim, kienu kkonfermati u mogħnija mill-Ġdid. Fost il-kliem ta’ Ġesù li dan jirreġistra dwar din it-tema, partikolarment tokkanti hemm dawk irrapportati mill-evanġelisti Mattew u Luqa: “La tinkwetawx mela billi tgħidu: X’se nieklu? X’se nixordu? Dwar dawn il-ħwejjeġ kollha jinkwetaw il-pagani; Missierkom ċelesti infatti jaf x’għandkom bżonn; l-ewwel fittxu s-saltna ta’ Alla u l-ġustizzja tiegħu, u dawn il-ħwejjeġ kollha jiġu mogħtija lilkom bi żieda” (Mt 6, 31-33; cf. ukoll Lq 12, 29-31).

“Żewġ għasafar tal-bejt jinbigħu forsi b’sold? Bdanakollu ebda wieħed minnhom ma jaqà fl-art jekk il-Missier ma jkunx irid dan. Fir-rigward tagħkom, saħansitra x-xagħar ta’ raskom huwa kollu magħdud; mela la tibżgħux: intom tiswew ferm iktar minn bosta għasafar tal-bejt!” (Mt 10, 29-31; cf. Lq 21, 18). “Ħarsu lejn l-għasafar tal-ajru: la jiżirgħu, linqas jaħsdu, linqas ma jgeddsu fl-imħażen; bdanakollu Missierkom ċelesti jitmagħhom. Ma tiswewx forsi intom iktar minnhom? . . . U għalfejn tinkwetaw dwar l-ilbies? Osservaw kif jikbru l-ġilji tal-għalqa: la jaħdmu u linqas jinsġu. Madankollu jien ngħidilkom li linqas Salamun, bil-glorja kollha tiegħu, ma kien jilbes bħal wieħed minnhom. Issa jekk Alla jlibbes b’dan il-mod il-ħaxix tal-għelieqi, li illum huwa hemm u għada jinxteħet fil-forn, ma jagħmilx saħansitra iktar għalikom, nies ta’ fidi żgħira?” (Mt 6, 26-30; cf. Lq 12, 24-28).

8. B’tali kliem il-Mulej Ġesù mhux biss iwettaq it-tagħlim dwar il-Providenza divina miġbur fit-Testment il-Qadim, imma jwassal iktar fil-fond id-diskors dwar dak li jirrigwarda l-bniedem, kull bniedem singolu,  ittrattat minn Alla bid-delikatezza skwiżita ta’ missier.

Bla ebda dubju ta’ xejn kienu manifiċi l-istrofi tas-salmi li jeżaltaw l-Iktar Għoli bħala rifuġju, għassa u konfort tal-bniedem: hekk per eżempju, fis-Salm 90: “Int li tgħammar fil-kenn tal-Altissimu u tgħammar fid-dell tal-Omnipotenti, għid lill-Mulej: «Rifuġju tiegħi u fortizza tiegħi, Alla tiegħi, li fih nafda» . . . Ġaladarba rifuġju tiegħek huwa l-Mulej u int għamilt mill-Altissimu l-għamra tiegħek . . .Jien insalvah, għaliex fada lilu nnifsu lili; jien neżaltah, għaliex għaraf ismi. Huwa jsejjaħli u jien intih tweġiba; maġembu nkun fl-iżventura tiegħu” (Sal 90, 1-2. 9. 14-15)

9. Espressjonijiet tassew sbieħ; imma l-kliem ta’ Kristu jilħqu milja ta’ sinifikat ferm ikbar. Infatti jippronunzjahom l-Iben li waqt li “jfittex” dak kollu li ngħad dwar it-tema tal-Providenza, jagħti xhieda perfetta lill-misteru, ta’ Missieru; misteru ta’ Providenza u kura paterna, li tħaddan kull krejaturi, ukoll l-iktar insinifikanti, bħall-ħaxix tal-għalqa jew l-għasafar tal-bejt. Kemm iktar mela, il-bniedem! Huwa dan li Kristu jrid jenfasizza b’mod speċjali. Jekk il-Providenza divina turi ruħha hekk ġeneruża fir-rigward ta’ krejaturi hekk inferjuri għall-bniedem, kemm iktar hija tieħu kura tiegħu! F’din il-paġina evanġelika dwar il-Providenza tinstab mill-ġdid il-verità dwar il-ġerarkija tal-valuri li hija preżenti sa mill-bidu fil-Ktieb tal-Ġenesi, fid-deskrizzjonijiet tal-ħolqien: il-bniedem għandu l-preċedenza fuq il-ħwejjeġ. Għandu dan fin-natura u fl-ispirtu tiegħu, għandu dan fl-attenzjonijiet u t-trattamenti tal-Providenza, għandu dan fil-qalb ta’ Alla!

10. Ġesù jipproklama wkoll b’insistenza li l-bniedem, hekk privileġġjat mill-Ħallieq tiegħu, għandu d-dmir li jikkopera mad-don riċevut mill-Providenza. Huwa mela ma jistax jikkuntenta ruħu mill-valuri tas-sensi biss, mill-materja u mill-utilità. Għandu jfittex b’mod speċjali “s-saltna ta’ Alla u l-ġustizzja tiegħu” sabiex “il-ħwejjeġ kollha (il-ġid tal-art) jingħatawlu  fuq kollox” (cf. Mt 6, 33).

Il-kliem ta’ Kristu  jiġbdu b’mod dirett l-attenzjoni tagħna lejn din id-dimensjoni artikolari tal-Providenza, fiċ-ċentru ta’ liema jinsab il-bniedem. Dwar dan l-argument nerġgħu nirritornaw fir-riflessjonijiet li ġejjin.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb