10. Il-Fidi fil-Providenza Divina ssaħħaħ ir-Raġunijiet tagħna għat-Tama


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Ħolqien. Udjenza Ġenerali –  30/04/1986.

1. “Nemmen f’Alla wieħed, Missier omnipotenti, ħallieq tas-sema u tal-art”: l-ewwel artikolu tal-Kredu ma temmx jirregalalna r-rikkezzi tiegħu straordinarji, u infatti l-fidi f’Alla bħala ħallieq tad-dinja ( tal-“ħwejjeġ viżibbli u inviżibbli”), hija magħquda b’mod organiku mar-rivelazzjoni tal-Providenza divina.

Nibdew illum, fl-intern tar-riflessjoni dwar il-ħolqien, grupp ta’ katekeżi li s-suġġett tagħhom huwa fl-istess ħin fil-qalb tal-fidi nisranija u fil-qalb tal-bniedem imsejjaħ għall-fidi: it-tema tal-Providenza divina, jew ta’ Alla li, bħala Missier omnipotenti u għaqli, huwa preżenti u jopera fid-dinja, fl-istorja ta’ kull krejatura tiegħu, sabiex kull krejatura, u b’mod speċifiku l-bniedem, xbiha tiegħu, ikun jistà jwettaq ħajtu bħala mixja ggwidata tal-verità u tal-imħabba lejn  l-iskop tal-ħajja eterna fih.

“Għalfejn ħalaqna Alla?”, tistaqsi t-tradizzjoni nisranija tal-katekeżi. U mdawlin mill-fidi kbira tal-Knisja nsibu lilna nfusna ntennu, żgħar u kbar, dan il-kliem, jew ieħor jixbħu: “Alla ħalaqna biex nagħrfuh u nħobbuh f’din il-ħajja u ngawduh għal dejjem fl-oħra”.

Imma propju din il-verità enormi ta’ Alla, li b’wiċċ kalm u id sikura jiggwida l-istorja tagħna, issib b’mod paradossali fil-qalb tal-bniedem sentiment doppju kontrastanti: minn banda hu huwa mwassal biex jilqà u biex jafda lilu nnifsu lil dan l-Alla Providenti, hekk bħalma jsostni s-Salmista: “Jien trankwill u kalm. Bħal tarbija f’dirgħajn ommha hija kwieta qalbi ġewwa fija” (Sal 130, 2). Mill-banda l-oħra, però, il-bniedem jibżà u jiddubita li jabbanduna lilu nnifsu lil Alla, bħala Mulej u Feddej ta’ ħajtu, jew għaliex, oskurat mill-ħwejjeġ, jinsa lill-Ħallieq, jew għaliex, imkidd mit-tbatija, jiddubitah bħala Missier. Fiż-żewġ każi l-Providenza ta’ Alla hija bħal imżeffna fin-nofs mill-bniedem. Hija tali l-kondizzjoni tal-bniedem, li fl-istess Skrittura divina Ġobb ma’  jaħsibhiex li jgerger quddiem Alla b’kunfidenza  sinċiera; o  b’tali mod, il-kelma ta’ Alla tindika li l-Providenza tesprimi ruħha l-istess ġo wliedu. Jgħid Ġobb, ferut fil-ġisem u fil-qalb: “O, li kieku naf fejn insibu, inkun nistà nasal sat-tron tiegħu! Nesponi quddiemu l-kawża tiegħi u jkolli xuftejja mimlijin bir-raġunijiet” (Ġb 23, 3-4).

2. U infatti ma naqsux lill-bniedem, tul l-istorja kollha tiegħu, kemm fil-ħsieb tal-filosfi, kemm fid-duttrini tar-reliġjonijiet il-kbar, kif ukoll fir-riflessjonijiet sempliċi tal-bniedem tat-triq, ir-raġunjiet biex ifittex li jifhem, anzi li jiġġustifika l-aġir ta’ Alla fid-dinja.

Is-soluzzjonijiet huma diversi u b’mod ċar, mhux kollha aċċettabbli, u l-ebda waħda għal kollox  eżawrjenti. għall-fortuna b’għajnejha mgħottija. Hemm min sa minn żminijiet antiki appella għad-destin jew id-destin għama u kapriċċuż, għall-fortuna b’għajnejja mgħottija. Hemm min biex jifhem lil Alla kkomprometta l-arbitriju ħieles tal-bniedem; jew min, speċjalment fl-epoka għalina kontemporanja, biex jifhem il-bniedem u l-libertà tiegħu, jaħseb li jinħtieġlu jiċħad lil Alla. Soluzzjonijiet estremisti u  unilaterali li talinqas iġegħluna nifhmu liema għoqod fondamentali ta’ ħajja jidħlu fin-nofs meta ngħidu “Providenza divina”: kif tikkomponi ruħha l-azzjoni omnipotenti ta’ Alla mal-libertà tagħna u l-libertà tagħna mal-proġetti infallibbli? X’se jkun id-destin futur tagħna? Kif tinterpreta u tagħraf l-għerf u t-tjubija infinita tiegħu quddiem id-deni kollu tad-dinja: mal-ħażin morali tad-dnub u mad-tbatija tal-innoċenti? Din l-istorja tagħna, bit-tifrix matul is-sekli ta’ grajjiet, ta’ katastrofi terribbli u ta’ atti subblimi ta’ kobor u qdusija . . .  x’sens għandha? L-etern, ritorn fatali ta’ kollox għall-punt tat-tluq mingħajr qatt punt tal-wasla, jekk mhux katakliżma finali li tidfen kull ħajja għal dejjem, jew inkella – il-qalb tħoss li għandha xi raġunijiet ikbar minn dawk li l-loġika ċkejkna tagħha jirnexxilha ttiha – hemm Esseri provedenti u pożittiv, li aħna nsejħu Alla, li jdawwarna bl-intelliġenza, bit-tenerezza, bl-għerf, u jiggwida “fortiter ac suaviter” din l-eżistenza tagħna – ir-realtà, id-dinja, l-istorja, l-istess rieda ribelli tagħna, jekk lilu nippermettu – lejn il-mistrieħ tas-“sebà jum”, ta’ ħolqien li finalment wasal fit-twettieq tiegħu? 

3. Hawn, dwar dan ix-xifer dejjaq bejn tama u disperazzjoni tistrieħ, biex issaħħaħ immensament ir-raġunijiet tat-tama, il-kelma ta’ Alla, hekk ġdida, ukoll jekk ikkwotata, b’mod hekk splendidu li tkun umanament kważi nkredibbli. Il-kelma ta’ Alla ma tassumi qatt daqstant kobor u faxxinu bħal meta tikkonfronta ruħha mal-ikbar mistoqsijiet tal-bniedem: Alla huwa hawn, huwa Emmanuel, Alla magħna ( 7, 14), u f’Ġesù ta’ Nażżaret mejjet u rxoxt, Bin Alla u ħuna, Alla juri li “waqqaf it-tinda tiegħu f’nofsna” (Gv 1, 14). Nistgħu mela ngħidu li l-biċċa kollha tal-Knisja fiż-żmien tikkonsisti fir-riċerka kostanti u appassjonata li ssib mill-ġdid, tapprofondixxi, tipproponi, is-sinjali tal-preżenza ta’ Alla, fih iggwidata mill-eżempju ta’ Kristu u mill-qawwa tal-Ispirtu.  Għal-liema il-Knisja tistà, il-Knisja trid, il-Knisja trid tgħid u tirregala lid-dinja l-grazzja u s-sens tal-Providenza ta’ Alla, għall-imħabba tal-bniedem, biex  teħilsu mill-piż  insapportabbli tal-paradoss u tafdah lil Misteru ta’ mħabba kbira, li ma titkejjilx, deċiżiva bħal ma hu Alla. Għalhekk il-vokabularju nisrani jitgħanna b’espressjonijiet sempliċi li illum jikkostitwixxu bħall-bieraħ, il-patrimonju ta’ fidi u ta’ kultura tad-dixxipli ta’ Kristu: Alla jara, Alla jaf, jekk Alla jrid, tgħix fil-preżenza ta’ Alla, tagħmel ir-rieda tiegħu, Alla jikteb dritt ukoll fir-rigi tagħna mgħawġa: il-Providenza divina.

4. Il-Knisja xxandar il-Providenza divina mhux b’invenzjoni tagħha, għalkemm ispirata minn ħsibijiet ta’ umanità, imma għaliex Alla immanifesta ruħu hekk, meta rrivela fl-istorja tal-poplu tiegħu li l-azzjoni krejattiva tiegħu u l-intervent tiegħu ta’ fidwa kienu magħqudin b’mod indissolubli, kienu jagħmlu parti minn pjan uniku pproġettjat fis-sekli eterni.  Għalhekk l-Iskrittura Mqaddsa fil-globalità tagħha, issir id-dokument suprem tal-Providenza  divina , waqt li timmanifesta l-intervent ta’ Alla fuq in-natura bil-ħolqien u bl-intervent ferm iktar tal-għaġeb permezz tal-fidwa, li tagħmilna krejaturi ġodda f’dinja mġedda mill-imħabba ta’ Alla fi Kristu. Il Bibbja, infatti, titkellem dwar il-Providenza divina fl-ewwel kapitli dwar il-ħolqien u f’dawk iktar attenti b’mod speċifiku għall-opra tal fidwa, fil-Ġenesi u fil-profeti, b’mod speċjali f’Iżaija, fis-Salmi hekk imsejħa tal-ħolqien u fil-meditazzjonijiet profondi ta Pawlu dwar il-pjanijiet inskrutabbli ta’ Alla operanti fl-istorja (cf. specjalment, Efesi u Kolossin), fil-Kotba tal-Għerf, hekk attenti biex jiskopru s-sinjal ta’ Alla fid-dinja. Fl-aħħar jidher li l-kunċett nisrani ta’ Providenza mhuwiex sempliċement kapitlu ta’ filosofija reliġjuża, imma li għall-mistoqsijiet kbar ta’ Ġobb u ta’ kull bniedem bħalu l-fidi twieġeb bil-kompletezza ta’ viżjoni li, waqt li tissekonda d-drittijiet tar-raġuni, tagħmel ġustizzja lir-raġuni nfisha billi tankraha fiċ-ċertezzi iktar stabbli tat-tejoloġija. Għal dan il-għan il-mixja tagħna se tlaqqà lilha nfisha mar-riflessjoni nstankabbli ta’ fidi tat-Tradizzjoni li għaliha se nerġgħu nmorru lura b’mod opportun, waqt li nilqgħu fiċ-ċirku tal-verità perenni l-isforz tal-Knisja li tagħmel kumpanija lill-bniedem li dwar il-Providenza dejjem jistaqsi lilu nnifsu mill-ġdid u f’termini ġodda. Il-Konċilju Vatikan I u l-Konċilju Vatikan II, kull wieħed bil-mod tiegħu, huma lħna prezzjużi tal-Ispirtu Santu li m’għandhomx jitwarrbu fil-ġemb, imma li dwarhom wieħed għandu jimmedita, billi ma jħallix lilu nnifsu jiġi mbeżżà mid-densità tal-ħsieb, imma billi jilqà  t-tkabbir vitali tal-verità li ma tmutx.

5. Kull mistoqsija serja għandha tieħu tweġiba serja, profonda, solida. Minħabba dan se nmissu d-diversi aspetti tal-unika tema billi naraw qabel xejn kif il-Providenza divina terġà tidħol fl-opra kbira tal-ħolqien u tkun l-asserzjoni li tesponi l-għana multipla u attwali tal-aġir ta’ Alla. Minn dan jinkiseb li l-Providenza turi ruħha bħala Għerf traxxendenti li jħobb lill-bniedem u jsejjaħlu biex jieħu sehem fil-pjan ta’ Alla, bħala l-ewwel destinatarju tal-kura amorevoli tiegħu, u fl-istess ħin bħala koperatur intelliġenti tiegħu.

Ir-rapport bejn Providenza divina u libertà tal-bniedem mhuwiex antitesi, imma ta’ komunjoni tal-imħabba. Ukoll il-problema profonda tad-destin futur tagħna ssib fir-rivelazzjoni divina, speċifikament fi Kristu, dawl providenzjali li, fil-waqt li żżomm intatt il-misteru, tiggarantilna r-rieda feddejja tal-Missier. F’tali prospettiva, il-Providenza divina  ferm iktar milli tkun miċħuda mill-preżenza tal-ħażin u tat-tbatija, issir il-ħajt tad-difiża tat-tama tagħna, waqt li tħallina nilmħu kif hi taf tislet it-tajjeb ukoll mill-ħażin. Fl-aħħarnett se nfakkru id-dawl kbir li l-Vatikan II xeħet fuq il-Providenza ta’ Alla b’riferenza għall-evoluzzjoni u għall-progress tad-dinja, waqt li fl-aħħar jiġbor fil-viżjoni traxxendenti tas-Saltna li tkabbar il-punt finali tal-aġir inċessanti u għaref fid-dinja ta Alla providenti. “Min hu għaqli jifhem dawn il-ħwejjeġ, min għandu ntelliġenza jifhimhom; minħabba li retti huma t-toroq tal-Mulej, il-ġusti jimxu fihom, waqt li l-ħżiena jitfixklu” (Os 14, 10).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb