Komunitajiet Żgħar fil-Parroċċa.

Print Friendly, PDF & Email

Komunitajiet żgħar mill-bażi tal-parroċċa.

Joe Farrugia

Niftakarni preżenti għall-Assemblea Parrokkjali li fiha Monsinjur Arċisqof Pawlu Cremona temm l-ewwel Viżta Pastorali tiegħu fil-parroċċa ta’ H’Attard.

Dakinhar laqgħatni suġġeriment li kien għamel lill-dawk preżenti sabiex fil-ħidma pastorali tagħha, il-parroċċa ssib insara li lesti jidħlu għall-missjoni ta’ evanġelizzazzjoni. Qalilhom li dan setgħu jagħmluh billi jinqasmu fi gruppi żgħar skont territorji stabiliti.  Imbagħad il-membri ta’ kull grupp għandhom jinbnew bejniethom fuq il-Kelma ta’ Alla u jmorru jistiednu lil persuni oħra mill-istess teritorju biex jissieħbu magħhom f’ din l-esperjenza nisranija.

Għalkemm wara dakinhar, l-Arċisqof tenna din l-istedina f’diversi okkażżjonijiet u f’diversi parroċċi oħra, madankollu għandi dubju serju dwar kemm parroċċi bdew jaħdmu bis-serjetà fuq dan il-proġett ambizjuż. Naf li uħud minn dawk li semgħu din il-proposta ma fehmuhiex. Kien hemm min ħaseb li dawn se jkunu xi għaqdiet reliġjużi ġodda, l-istess bħal dawk li diġà għandna. Oħrajn, fehmu sewwa dak li qal l-Arċisqof, imma fehmu wkoll li proġett bħal dan jitlob impenn serju u ħafna sagrifiċċju.  Forsi kien għalhekk li uħud qatgħu qalbhom u pposponew id-deċiżjoni tagħhom sine die.

Dan l-aħħar jiem erġajt kont qed naqra l-enċiklika tal-Papa Ġwanni Pawlu II, Redemptoris Missio.  Kienet publikata 21 sena ilu, imma minħabba li tidħol sewwa fil-fond dwar l-evanġelizzazzjoni ġdida, ħassejt li hija tassew attwali fiż-żmienna u għalhekk sibt ħin biex nerġa naqrha.  Fiha il-Papa kien tkellem propju dwar dak li Monsinjur Arċisqof insista dwaru għal dawn l-aħħar snin. Il-Papa kien sejħilhom, “komunitajiet ekkleżjali di base”, imma dawn huma spiss magħrufin ukoll b’ismijiet oħra.

Ġwanni Pawlu II kiteb li f’bosta Knejjes kienu qed jinbtu b’ħeffa kbira komunitajiet ekkleżjali di base, u li huma meqjus bħala impenn ewlieni tal-ħidma pastorali. Qal li dawn huma gruppi żgħar ta’ nsara f’livell ta’ familja jew ta’ ambjent ċkejken, li jiltaqgħu flimkien għat-talb u l-qari tal-Kotba Mqaddsa, għall-katekeżi, għall-istudju flimkien ta’ problemi li jolqtu kemm il-bniedem u kemm il-Knisja.

Il-Papa kompla li dawn il-komunitajiet qegħdin juru ruħhom bħala ċentri mill-aqwa ta’ formazzjoni nisranija u għalhekk jkunu jistgħu jimpenjaw ruħhom għall-ġid ta’ kulħadd. Huma tassew sinjal tal-qawwa tal-Knisja u strument ta’ formazzjoni u evanġelizzazzjoni.  Huma bidu tajjeb għal soċjetà mibnija fuq iċ-ċiviltà tal-imħabba.

Fl-enċiklika tiegħu, Ġwanni Pawlu II jgħid li dawn il-gruppi jridu jkunu parti mill-parroċċa u b’hekk jgħinuha ma tibqgħax ċentralizzata, imma jorganizzawha. Huma jridu jxettli għeruqhom f’ambjenti emarġinati u rurali, u b’hekk isiru l-ħmira ta’ ħajja nisranija, ta’ kura għall-foqra u l-imwarrbin, u ta’ mpenn għall-bidla fis-soċjetà.

F’dawn il-komunitajiet kull nisrani jġarrab esperjenza komunitarja, u hekk iħossu li hu membru attiv tal-Knisja u li huwa lest biex jagħti sehmu fl-impenn ta’ kulħadd. B’dan il-mod, dawn il- komunitajiet ikunu strumenti ta’ evanġelizzazzjoni. (Redemptoris Missio 51)

Is-soċjetà li qed ngħixu fiha u li aħna parti minnha għaddejja minn tibdil kbir u mgħaġġel u għalhekk il-parroċċi tagħna jridu jaffrontaw l-isfidi ta’ żmienna bi strutturi u għodod mġedda wkoll.  Il-Knisja trid tagħraf is-sinjali ta’ żminijietna u tfittex tifhem il-messaġġ li Alla jrid iwasslilha permezz tagħhom.

L-evanġelizzazzjoni tallum trid titlaq qabel xejn minn ħeġġa ġdida f’qalb dawk kollha li jqisu lilhom infushom parti minn din il-Knisja.  Spiċċa ż-żmien ta’ nsara passivi li posthom fil-Knisja huwa biss li fi tmiem il-ġimgħa “jisemgħu” il-quddies u xħin tasal il-qoffina maġenbhom idaħħlu idejhom fil-but biex jitfgħu xi ħaġa. Il-lajċi nsara jista’ jkollhom ħafna aktar x’joffru fil-komunità.

Jeħtieġ li l-parroċċa tfittex metodi u espressjonijiet ġodda kif twassal lil Kristu f’kull triq u f’kull dar.  Li f’din il-missjoni hija timpenja ħafna aktar minn uliedha u li lil dawn tagħtihom l-aħjar  formazzjoni possibbli. Mhix sfida faċli u ħafna għadhom qed jagħmlu d-domanda, “Imma kif?”

Nemmen li jekk nagħrblu sewwa l-proposta tal-Arċisqof tagħna u niflu dak li kiteb il-Papa Ġwanni Pawlu II fir-Redemptoris Missio, aktarx niskopru li dawn l-komunitajiet żgħar ta’ nsara fil-bażi ta’ kull parroċca jistgħu jkunu t-tweġiba għad-domanda tagħna.

13 thoughts on “Komunitajiet Żgħar fil-Parroċċa.”

  1. Kemm hu sew li morru lura bhal fi zmien l- appostli ! .Irridu nitolbu l-ispirtu s-santu biex il- poplu jaccetta dawn il- gruppi , peress li hafna nies draw mghod iehor . J’ Alla ma jkunux diversi persuni mill- knisja stess li jfixxklu dan il- pjan . Jekk nimxu fuq l-Atti ta l- Appostli u mal- Kelma t’Alla li tinsab miktuba fil- Bibbja , zgur li ma nizbaljawx . Proset Lill- Arcisqof Cremona . Il- paci mghakom Huti fi Kristu .

  2. Qrajt b’interess kbir l-artiklu li ktibt. Prosit. Mill-bidu tal-knisja dejjem kienu jeżistu dawn il-komunitjiet u permezz tagħhom xterdet il-fidi ma’ l-imperu kollu. L-ordnijiet monastiċi, il-fundaturi ta’ l-ordnijiet reliġjużi, irġiel u nisa, kienu fjamma li l-Ispirtu s-Santu qajjem fil-knisja biex Ġesu’ jibqa jurina li għadu magħna. Matul is-seklu li għadda twieldu għaqdiet li kienu qishom demm ġdid fil-Knisja . Wara l-konċilju Vatikan II, twieldu movimenti u għaqdiet li mhux biss ġabuna konxi tal-fidi tagħna, izda ukoll għenu ħafna movimenti reliġjużi biex jerġgħu jiskopru l-karisma tal-fundatur tagħhom. Ċertament il-moviment karismatiku, l-fokolarini, n-neo-katekumenali, l-komunita’ di base, ċelloli u tant gruppi oħra, ordnijiet reliġjużi u lajċi (D.Ġ Preca), huma mod ġdid kif l-Ispirtu s-Santu qed iġedded il-Knisja tiegħu.

    Naħseb li jien inkun qed neqred l-Ispirtu t’Alla fil-Knisja, jekk inkun jien li niddeċiedi, wara li tkelmet il-Knisja, liema għadhom ikunu l-komunitajiet żgħar li fuqhom għandhom jinbnew il-knejjes lokali.
    Waqt li nifirħu b’komunitajiet żgħar u ġodda li qed jitwieldu f’ħafna parroċċi, ngħamel l-appell tiegħi lil kull minn jemmen fit-tiġdid tal-Knisja biex iħalli l-karismi kollha, anke dawk li ma jaqbilx magħhom, jikbru u jgħati kull għajnuna biex f’kull paroċċa nifmu aħjar, kull karisma li ġej mill-Ispirtu t’Alla.

  3. Fil-parrocca tieghi hemm diskussjoni ghaddejja dwar dawn. hemm xi programm stabilit fuq x’hiex jistghu jimxu kull darba li jitwaqqaf grupp gdid?

  4. Il-progett tal-komunitajiet iz-zghar f’H’Attard ghadu ghaddej. Is-sena l-ohra l-parrocca tqassmet fi tlettax-il zona u saret laqgha ghal numru ta’ nies minn kull zona. Pero l-evangelizzazzjoni f’H’Attard bdiet ghoxrin sena ilu bit-twaqqif tal-komunita’ celloli parrokkjali.
    Il-komunitajiet iz-zghar inqisuhom zvilupp iehor l-iktar fejn tidhol djakonija li hi l-bazi tal-evangelizzazzjoni. Ghaliex il-bniedem tal-lum ghandu bzonn is-sapport tal-komunita’ qabel ma jaccetta ‘l Gesu f’hajtu.

  5. Rajt dawn il-kummenti u nixtieq ninforma li H’Attard dawn bdew u qed jahdmu naturalment bil-mod ghax xi haga gdidha imma jidher li hemm konkorrenza min nies li ma humiex fi gruppi ohra.

  6. Jiena ma nahsibx li l-iskop ta’ dawn il-gruppi huwa li jiehdu post l-ghaqdiet li diga hemm. Jekk fhimt sewwa l-proposta tal-arcisqof, allura nahseb li mhux talli l-membri tal-ghaqdiet ma jtellfux, anzi dawk li diga hadu u ghadhom qed jiehdu l-formazzjoni taghhom f’xi ghaqda, allura huma jistghu jghinu fit-twaqqif u t-tmexxija ta’ gruppi bhal dawn fl-area fejn jghixu. B’hekk dak li huma qed jiehdu fl-ghaqda ma jzommuhx ghalihom biss imma jghadduh lil ohrajn.

  7. Idea tajba li tibda gruppi zgħar fil-paroċċa u dawn jgħaddu l-messaġġ lill-oħrajn. Attenzjoni importanti li dawn ma jkunux diġa membrui fi gruppi oħra. Inkella tibni knisja billi zarmajt oħra.

  8. Fl-ewwel snin tagħha, kien propju permezz ta’ gruppi żgħar bħal dawk proposti mill-Arċisqof u mill-Papa Ġwanni Pawlu II, li l-Knisja bdiet tinbena. Illum ukoll, meta ċ-ċirkustanzi li qed ngħixu fihom jixbħu tant lil dawk ta’ l-ewwel żminijiet insara, ninutaw li f’numru kbir ta’ parroċċi, qed jinbtu gruppi żgħar, li jiltaqgħu fi djar u garaxxijiet biex jitolbu u jaqraw il-Bibbja. Forsi mhuwiex sinjal ċar dan, li l-Ispirtu s-Santu qed jagħmel minn isfel dak li aħna mhux qed nagħmlu minn fuq?

    Minkejja kollox għad hawn diversi persuni fil-Knisja li għadhom qed jirreżistu t-twaqqif u t-tixrid ta’ dawn il-gruppi. Forsi għax għadhom mhux persważi mill-fejda tagħhom. Ħasra!

    Lil dawn ngħidilhom l-istess kliem li Gamaljel kien qal lil sħabu fis-Sinedriju. “Iftħu għajnejkom. Għax jekk il-ħidma tagħhom gejja mill-bniedem għad tisfa fix-xejn. Imma jekk hi ġejja minn Alla… ara li ma ssibux ruħkom qegħdin toħduha kontra Alla.” (Att 5:35-39)

  9. Dak li kitbu Fr Gauci u Sr Sant kitbuh mill-esperjenza taghhom. Meta se nibdew nippruvaw nitghallmu xi haga minn dak li jistghu jaghtuna il-missjunarji Maltin? Illum drajna wisq nahsbu li fir-relazzjoni tal-Knisja f’Malta mal-Knejjes fil-missjoni, ahna naghtu u huma jircievu. Meta se nibdew inkunu ftit umli u nifhmu li ahna, minn ghand dawn l-insara hutna, ghadna hafna x’nighallmu wkoll?

  10. Nahseb li dan huwa l-uniku mod kif aktar insara jistghu jibdew iqiesu lilhom infushom ukoll bhala Knisja. Hija hasra li llum, minkejja li ghadda nofs seklu mill-Koncilju Vatikan II, hafna minna ghadna nitkellmu dwar il-Knisja daqs li kieku din kienet biss il-papa, l-isqfijiet u l-qassis. Jekk il-parrocci taghna jinbnew fuq dawn il-gruppi zghar, allura dawk imsiehba fihom, jhossuhom aktar parti integrali mill-Knisja.

  11. Jien ghandi esperjenza pozittiva hafna ta dawn il-komunitajiet insara. Meta kont fl-Afrika l-parocca kienet ibbazata fuq dawn il-komunitajiet fejn flimkien kienu jitolbu, u jaqsmu l-kelma ta’ Alla flimkien. Huma kienu ukoll jaghmlu xoghol ta’ djakonija fl-istess komunita taghhom. Nawgura lil parrocci taghna hawn Malta biex jidhlu ghal dan l-impenn b’kuragg u tama ghax zgur li jhalli hafna frott.

  12. Jien ma ghandix dubbju illi dawn il-komunitajiet zghar mil-bazi tal-parrocca (Church Base Communities) mibnijin skond l-ispirtu tal-Atti tal-Appostli, 2, 42-47, sa jtejbu hafna s-sitwazzjoni tal-Knisja Maltija.

Leave a Reply to Lino PsailaCancel reply

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading