Biex ma nitħawdux

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 26 ta’ April 2024: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tal-Ġimgħa tar-raba’ ġimgħa tal-Għid. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

“Tħallux qalbkom titħawwad” (Ġw 14:1). Dan hu l-kliem li Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu fl-Aħħar Ċena, u nafu li d-dixxipli kienu diġà mħawdin u kienu se jitħawdu aktar. Kellhom bżonn jisimgħu dan il-kliem ta’ Ġesù! Nafu li Ġesù nnifsu, iktar qabel fl-Evanġelju skont San Ġwann stess, f’mument minnhom kien qal: “Issa qed inħossni mħawwad. U x’naqbad ngħid? Missier, salvani minn din is-siegħa? Imma jien għalhekk ġejt, għal din is-siegħa” (Ġw 12:27). Hawnhekk Ġesù, li kien qed jara dak li se jgħaddi minnu, jagħmel il-qalb lid-dixxipli, jagħmlilhom il-kuraġġ b’dan il-kliem: “Tħallux qalbhom titħawwad”.

Aħna nafu kemm hu importanti dan il-kliem għalina llum, bħalma kien għad-dixxipli dak iż-żmien, għaliex fil-ħajja tagħna hemm ħafna affarijiet li kultant iħawduna. Ġieli minn dak li ngħaddu minnu, mill-esperjenzi tagħna stess. Ġieli nitħawdu għaliex naraw il-ħażin jittrijonfa. Ħu, per eżempju, il-gwerer, il-konflitti. Tibda tgħid: il-bniedem x’jieħu b’dawn kollha? Iħawduk li llum għad hawn min jirraġuna b’dal-mod. Ġieli jista’ jkun għaliex aħna stess nippruvaw nagħżlu t-tajjeb u nsibu ħafna ostakli. Hemm diversi affarijiet li fil-ħajja jħawduna, u għalhekk hu importanti dal-kliem ta’ Ġesù li jgħid lilna wkoll: “Tħallux qalbkom titħawwad”.

Imma Ġesù jagħtina l-għajnuna biex qalbna ma titħawwadx. Jgħidilna biex inħarsu lejh u niftakru li hu “t-Triq, il-Verità u l-Ħajja” (Ġw 14:6). Hawn għandna l-akbar għajnuna biex ma nħallux it-taħwid jegħlibna. Jien nixtieq inħarsu lejn dawn it-tlieta u narawhom anke f’kuntrast ma’ dak li fil-ħajja kultant niltaqgħu miegħu.

Ġesù jgħid “Jien it-Triq” – it-triq li twassal f’destinazzjoni. Ġesù mhux biss jurina fejn irridu naslu fit-tmiem ta’ ħajjitna, imma anke minn fejn irridu ngħaddu. Nafu li t-triq hi f’kuntrast ma’ sqaq, għaliex meta tidħol fi sqaq, ma tasal imkien – tibqa’ ddur ġo sqaq. Fil-ħajja tagħna, nafu li jekk aħna nimxu ma’ dak li jurina Ġesù, għandna t-triq li twassalna fid-destinazzjoni tagħna.  Jekk aħna ninjuraw lil Ġesù jew inwarrbuh, faċli nidħlu fi sqaq u nibqgħu nagħqdu, u hemmhekk verament nitħawdu.

Ġesù jgħid “Jien il-Verità”. Nafu kemm hi importanti fil-ħajja tagħna l-verità. L-ewwel nett li dak li hu veru jkun dak li jmexxina fil-ħajja – dak li hu iva ngħidulu iva, u dak li hu le, le. Imma nafu wkoll kemm fil-ħajja tagħna nsibu kuntrast mal-verità – il-gidba. Hawn min jigdeb qisu xejn, qisu qed jiekol, jigdeb waħda wara l-oħra. Imma anke l-gidba dwar dak li hu importanti fil-ħajja tagħna, dak li verament jagħtina l-paċi u l-ferħ. Il-kelma ta’ Ġesù hi l-verità. Kif qalilna hu: “Jekk iżżommu fil-kelma tiegħi, tagħrfu l-verità, u l-verità teħliskom” (Ġw 8:31).

U Ġesù jgħid: “Jien il-Ħajja”. Nafu kemm din jinsisti fuqha Ġesù. Kultant jistaqsuni, jgħiduli: kemm titkellem fuq il-ħajja u l-għożża tal-ħajja? U jien ngħid: qed nirrepeti dak li għamel Ġesù. Għaliex Ġesù dejjem hekk insista, bħalma kien qal lid-dixxipli tiegħu: “Jien ġejt biex ikollkom il-ħajja, u l-ħajja bil-kotra” (Ġw 10:10). Nafu li l-kuntrast mal-ħajja hi l-kultura tal-mewt. Kemm affarijiet fil-ħajja tagħna, jekk ma noqogħdux attenti, flok jgħinuna biex ngħixu l-ħajja u ngħixuha sew b’dinjità, iwasslu għall-mewt. Ħu, per eżempju, id-droga, li hawn min illum tip ta’ droga jpinġiha bħala rikreazzjoni. Nafu l-effetti x’inhuma: hija l-kultura tal-mewt. Ħu, per eżempju, dak li qed naraw madwarna fil-ġlied u l-gwerer. Anke, kultant, in-nuqqas ta’ rispett lejn il-ħajja f’mumenti differenti tagħha, per eżempju fil-bidu tagħha, meta diġà hemm ħajja li għadha ma twelditx imma tnisslet; hawn min, mhux f’Malta biss imma f’diversi postijiet, imexxi ’l quddiem din il-kultura tal-mewt: li int tista’ ħajja li tnisslet twarrabha, tarmiha. Għalhekk hu importanti li aħna nagħrfu f’Ġesù dak li jagħtina l-ħajja li ngħixuha b’mod sħiħ hawn, u li twassal għall-ħajja ta’ dejjem.

Nitolbu lil Ġesù: għinna biex aħna nagħrfuk bħala t-Triq, il-Verità u l-Ħajja, u fil-mumenti ta’ taħwid fil-ħajja tagħna, f’dak li ngħaddu minnu, fl-esperjenzi tagħna, dejjem inħarsu lejk ħalli inti tmexxina, int li int it-Triq, il-Verità, il-Ħajja.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading