Aħna dgħajfin imma jeħtieġ li jkollna l-qawwa li naħfru

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 18 ta’ Ġunju 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

In-Nisrani għandu jagħraf li mingħajr l-għajnuna tal-Mulej ma jistax jimxi fil-ħajja.   Hekk afferma l-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ta’ dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta.  Il-Qdusija Tiegħu żied jgħid li aħna nkunu nistgħu nitolbu tajjeb jekk għandna l-ħila naħfru u meta qalbna tkun fil-paċi.

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=QTNsJOqYX54&w=560&h=315%5D

 

Dgħufija, talb, maħfra.  Dawn kienu t-tliet punti li fuqhom bena l-omelija tiegħu l-Papa filwaqt li fakkar li, fuq kollox, aħna dgħajfin minħabba l-ferita tad-dnub oriġinali.

Aħna naqgħu fid-dnub u ma nistgħux nimxu mingħajr l-għajnuna tal-Mulej.  Min jaħseb li hu b’saħħtu, li għandu ħila jgħaddiha waħdu, hu inġenwu u fl-aħħar jispiċċa biex ikun tellief minħabba d-dgħufijiet li jġorr fih.

Id-dgħufija tagħna ġġegħelna nitolbu l-għajnuna tal-Mulej u ngħidulu li mingħajru ma nistgħux ngħaddu, ma nistgħux nimxu ‘l quddiem fil-ħajja Nisranija tagħna…. U min hu bilwieqfa, jittendi li ma jaqax!

Aħna dgħajfin anke fil-fidi tagħna, kompla jgħid il-Papa.  Ilkoll għandna l-fidi, ilkoll irridu nimxu ‘l quddiem fil-ħajja Nisranija, imma jekk aħna ma nkunux konxji tad-dgħufija tagħna, aħna lkoll tellifin.

Għalhekk, qal Franġisku, hi tant sabiħa t-talba: Mulej naf li jien dgħajjef u ma nista’ nagħmel xejn mingħajr l-għajnuna tiegħek.

Biex nitolbu m’hemmx għalfejn ħafna kliem, żied il-Papa.  Ġesù għallimna nitolbu ‘mhux bħall-pagani’ li jaħsbu li talbhom jinstema’ għax jgħidu ħafna.  Franġisku fakkar li omm Samwel, li kienet titlob lill-Mulej biex ikollha iben, bilkemm kienet tħarrek xufftejha.  Is-saċerdot li kien qed jaraha ħasibha fis-sakra u ċanfarha.

Kienet titlob hekk għax ma kellhiex ħila titkellem.  Kienet titlob li jkollha iben.  Hekk għandna nitolbu għax nafu li Hu tajjeb, jaf kollox dwarna u jaf x’għandna bżonn.

Nibdew ngħidu dik il-kelma ‘Missier’, li hija kelma umana imma fit-talb ngħiduha bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

Nitolbu bil-qawwa tal-Ispirtu, li jitlob fina, ħeġġeġ il-Papa, u nitolbu b’mod sempliċi, b’qalb miftuħa, fil-preżenza ta’ Alla li hu Missier u jaf x’għandna bżonn.

Franġisku żied jgħid li Ġesù jgħallem lid-dixxipli li jekk huma ma jaħfrux il-ħtijiet tal-oħrajn, il-Missier ma jaħfirx lanqas lilhom.  Aħna nistgħu nitolbu sewwa u ngħidu ‘Missier’, jekk qalbna hi fil-paċi mal-oħrajn, ma’ ħutna.

Issib min jgħidlek: ‘Imma dak għamilli dan u dan…’ Aħfer, aħfer, saħaq il-Papa, aħfer biex Hu jaħfer lilek ukoll.  B’hekk id-dgħufija tagħna, bl-għajnuna tal-Mulej, issir forza bis-saħħa tat-talb, għax il-maħfra hi grazzja, tagħti l-qawwa.

Jeħtieġ li nkunu qawwija, temm jgħid il-Papa Franġisku, biex naħfru, imma din il-qawwa hija grazzja li rridu nirċievu mingħand il-Mulej għax aħna dgħajfin.

 Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

 

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading