Il-Ġimgħa, 19 ta’ Ġunju 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta
Il-ġid u l-għana li jiġġemmgħu għalihom infushom huma l-bidu tal-gwerer, tal-familji mkissrin, tat-telfien tad-dinjità. It-taqbida li għandna kuljum hi li namministraw ir-rikkezzi li jkollna, u dawk tad-dinja, għall-ġid komuni.
[youtube https://www.youtube.com/watch?v=OPpvYGjcmQU&w=560&h=315%5D
Ir-rikkezzi mhumiex ċassi qishom statwa u, f’ċertu sens, mingħajr ebda effett fuq il-ħajja tal-persuna. Ir-rikkezzi, osserva l-Papa Franġisku waqt l-omelija ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta, għandhom it-tendenza li jikbru, li jiċċaqilqu u jieħdu posthom fil-ħajja u fil-qalb tal-bniedem.
U jekk dak il-bniedem ikun moħħu biss biex iġemma’, l-għana jinfidlu qalbu u jispiċċa bniedem korrott. Dak li jsalva l-qalb hu li l-għana jintuża għall-ġid komuni.
Il-Papa kien imnebbaħ mill-Vanġelu tal-lum fejn Ġesù jgħid lid-dixxipli li ‘t-teżor tiegħek jinsab fejn tinsab qalbek’, u wara jwissi biex ma nġemmgħux teżori f’din l-art fejn il-kamla u s-sadid jikkunsmaw kollox u fejn jistgħu jaslu l-ħallelin, imma nġemmgħu għalina teżori fis-sema.
Hu minnu, żied Franġisku, li fl-għeruq ta’ dan hemm ix-xewqa tas-sigurtà. Imma hemm periklu kbir li dan nibdew nagħmluh biss biex naħsbu għal rasna u għalhekk hemm riskju kbir li jagħmilna skjavi.
Fl-aħħar mill-aħħar, dawn ir-rikkezzi ma jagħtux sigurtà għal dejjem. Anzi jnaqqsu d-dinjità. Dan jiġri f’ħafna familji… Kemm familji huma mifrudin minħabba f’hekk!
Imbagħad, fl-għeruq ta’ ħafna gwerer hemm proprju din l-ambizzjoni li tkisser, tikkorrompi. Bħalissa għaddejjin tant gwerer minħabba r-regħba għall-poter, għar-rikkezzi.
Imma nistgħu naħsbu wkoll dwar il-gwerra li għandna f’qalbna. ‘Żommu ruħkom bogħod mir-regħba,’ hekk jgħid il-Mulej. Għax ir-regħba tiddomina u mill-ewwel tarġa jinfetaħ il-bieb, tidħol il-vanità, nibdew naħsbu li aħna importanti, li għandna l-poter, u mbagħad tasal il-kburija, is-suppervja. U minn hemm jinbtu l-vizzjijiet l-oħra kollha. Dawn huma tarġiet li l-ewwel waħda minnhom hi r-regħba, il-kilba għar-rikkezzi.
Franġisku żied li hu minnu li waħda mill-kwalitajiet tal-bniedem hi li jaħżen u jaħseb li, meta jagħmel xi ħaġa biex jiddomina d-dinja, għalih hi xi missjoni. Allura din hi l-ġlieda ta’ kuljum: kif nimmaniġġjaw tajjeb ir-rikkezzi tal-art ħalli dawn ikunu orjentati lejn is-sema u jsiru rikkezzi tas-sema.
Ħaġa hi minna, kompla l-Qdusija Tiegħu. Meta l-Mulej ibierek persuna bil-ġid, jagħmilha amministratur ta’ dak li jkollha biex ikun għall-ġid komuni, għall-ġid ta’ kulħadd, mhux għall-ġid tagħha biss.
Mhux faċli li wieħed isir amministratur onest għax dejjem hemm it-tentazzjoni tar-regħba, li wieħed isir iħossu importanti. Id-dinja hekk tgħallem u f’dit-triq tmexxik. Imma rridu naħsbu fl-oħrajn, nifhmu li dak li għandna qiegħed għas-servizz tal-oħrajn, u li ebda ħaġa li għandi ma jien se neħodha miegħi. Imma jekk dak li jtini l-Mulej nużah għall-ġid komuni, bħala amministratur, iqaddisni, jagħmilni qaddis.
Spiss nisimgħu l-ħafna skużi ta’ dawk li jqattgħu ħajjithom iġemmgħu r-rikkezzi. Imma, min-naħa tagħna rridu kuljum nistaqsu lilna nfusna, kompla l-Papa, ‘Fejn hu t-teżor tiegħi: fir-rikkezzi, jew fl-amministrazzjoni tagħhom għall-ġid komuni?’
Huwa diffiċli, qisek qed tilgħab man-nar! Bosta nies iraqqdu l-kuxjenza billi jagħtu xi karità u jagħtu miż-żejjed tagħhom. Dak mhux amministratur. L-amministratur jieħu għalih dak li jibqa’ wara li jkun ta dak li għandu lill-oħrajn.
L-amministrazzjoni tar-rikkezzi tfisser li aħna ninżgħu l-ħin kollu mill-interessi tagħna u ma naħsbux li dawn se jtuna s-salvazzjoni. Naħżnu, iva, temm il-Papa, naħżnu t-teżori, imma dawk li jtuna prezzhom, biex ngħidu hekk, fis-‘suq finanzjarju’ tas-sema. Hemmhekk għandna naħżnu!
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija