Forward

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

Ġieli ftaħtu xi email bħalma ġieli ftaħt jien? Ġieli weġibtu xi waħda minnhom? U x’innutajtu meta weġibtu l-email?

Jien innutajt li fl-aħħar vleġġa tal-email, fuq in-naħa ta’ fuq, fuq in-naħa tal-lemin, x’ħin ikklikjajtha, dehru tliet kelmiet: reply (tweġiba), forward (Għaddi l-email ‘il quddiem) u open chat with (taħdita miftuħa ma’) mal-persuna li tkun bgħattitli l-email.

Minn dawn it-tlett kelmiet illum nixtieq nieqaf fuq it-tieni waħda, il-forward. U aħna l-għaliex nikklikjaw fuq il-funzjoni tal-forward meta nwieġbu email? L-esperjenza tal-ħajja tgħallimni li wieħed jikklikkja forward f’email biex iwassal l-informazzjoni li jkun irċieva hu lill-persuna oħra li jkun ta’ interess għaliha li tkun taf b’dik l-informazzjoni. Il-funzjoni tal-forward għalhekk turi trasparenza u lejaltà kemm tal-persuna li tkun bagħtet il-messaġġ u kif ukoll tal-persuna li tkun qed tirċievi l-messaġġ biex tgħaddih lit-terza persuna li għandha nteress li tkun taf bil-messaġġ li tkun bgħatet l-ewwel persuna. Għalhekk, il-funzjoni tal-forward turi l-messaġġ kif inhu Mingħajr ebda tgħawwiġ jew tiżjin. Hekk, l-informazzjoni tasal għand id-destinatarju bl-aktar mod veritier.

Anki fil-ħajja għandna bżonn li, f’xi waqtiet minnha, nagħmlu użu mill-funzjoni tal-forward. Aktar u aktar meta jsiru xi nuqqasijiet. Inklużi dawk serji. U dan għandu tabilħaqq isir biex il-persuna li tkun qed tagħmilhom tiġi f’tagħha, tindem u tibda’ proċess ta’ bidla sinċiera. Il-vanġeli juruna li Ġesù kien espert ta’ dan it-tip ta’ forward. Kien josserva. U josserva sal-inqas xagħra! U mbagħad kien jikkomunika dak li kien qed josserva b’eżempji biex dak li jkun jieħu l-messaġġ u jbiddel l-attitudni tiegħu. Araw ftit Ġesù x’tagħlima papali ta lil dawk li jħobbu jiżżattu f’kollox. Lil dawk li jaħsbu li d-dinja qed iddur madwarhom. Lil dawk li jħobbu jidhru. Jiġifieri u f’kelma waħda lil dawk li huma morda bil-protagoniżmu! Soċjetà u Knisja, s’intendi.

“Darba, kien is-Sibt, daħal għand wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej biex jiekol għandu, u huma qagħdu għajnejhom fih… Billi ra b’għajnejh kif il-mistednin bdew jagħżlu l-postijiet ta’ quddiem fil-mejda, qalilhom din il-parabbola: ‘Meta wieħed jistiednek għal xi festa ta’ tieġ, tmurx toqgħod fil-post ta’ quddiem, li ma jkunx hemm xi mistieden aqwa minnek, u dak li jkun stieden lilek u lilu jiġi fuqek jgħidlek, ‘Agħti l-post lil dan’, u int imbagħad, b’regħxa ta’ mistħija fuqek, ikollok tieħu l-post ta’ l-aħħar. Għall-kuntrarju, meta tkun mistieden, mur inxteħet fil-post ta’ l-aħħar, biex meta jiġi dak li stiednek jgħidlek, ‘Ħabib, itla’ f’post aktar ‘il fuq.’ U dan ikun ta’ ġieħ għalik quddiem dawk kollha li jkunu fil-mejda miegħek” (Lq 14:1.7-10).

Rajtu lill-Imgħallem? Smajtu? Ra b’għajnejh kif il-mistednin bdew jagħżlu l-postijiet ta’ quddiem fil-mejda. Demmu ma tahx li jibqa’ sieket! Infoska! U, ta’ Alla Qaddis li hu, li hu l-verità fiha innifsha, ikkalma u qalilhom parabbola. Forsi jiġu f’sikkithom! Issa l-parabbola qalha lin-nies tal-iskola, lill-istudjużi tal-liġi. Kif eżatt jgħidilna t-test ta’ San Luqa “lill-għorrief tal-liġi u lill-fariżej” (Lq 14:3).

Imbagħad, mill-parabbola, il-Mulej Ġesù wassalhom għall-prinċipju: “Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar” (Lq 14:11). Wara kollox il-liġi mhux hekk tinħadem? L-ewwel ikollok ir-rejaltà tal-ħajja, li hi magħmula minn ħafna esperjenzi li ngħaddu minnhom, imbagħad titfassal il-liġi? Il-prinċipju?

Issa l-forward ta’ Ġesù jsir straight forward! Għax isir kelma diretta “lil dak li kien stiednu” (Lq 14:12)! Biex jifhem żgur! “Meta tagħti ikla jew pranzu, tistedinx lil ħbiebek jew lil ħutek jew ‘il qrabatek, u anqas ġirien għonja, għax għandhom mnejn imbagħad jistiednu lilek huma, u hekk iroddulek il-pjaċir li tkun għamiltilhom. Għall-kuntrarju, meta tagħmel ikla, stieden il-foqra, il-magħtubin, iz-zopop u l-għomja, u hieni int, għax dawn ma għandhomx minn fejn iroddulek pjaċir bi pjaċir, imma jroddhulek Alla meta l-ġusti jqumu għall-ħajja!” (Lq 14 :12-14).

U hekk il-forward sar reply u open chat mal-fariżew li stieden lil Ġesù! Ħbieb, messaġġ ejjew ngħadduh lil min jiżbalja. Dejjem bil-ħlewwa imma b’verità sħiħa. Ħalli dak li jkun it-tweġiba joħodha u jinfetaħ biex jiddiskuti ma’ min qiegħed jonqos! U hekk jibda’ jinbidel tassew!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading