L-Evanġelju tat-Tnejn, 23 ta’ Ottubru 2017

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Lq 12, 13-21

Xi tilwima kien hemm żgur. Xi ħadd mill-folla għolla leħnu u talab lil Ġesù biex jagħmilha ta’ mħallef jew avukat. Jista’ jkun li l-ispejjeż tal-avukati u l-rati kienu jixbħu lil tallum u dan dehrlu li seta’ jieħu raġun bla spejjeż.

X’kienet it-tilwima ma nafux. Aħna nistgħu nissoponu mill-inqas tnejn.

Jista’ jkun li ħu dan ir-raġel ried kollox għalih. Ma kellux sens ta’ ekwità jew ġustizzja. Dehrlu li l-wirt, probabli tal-ġenituri kellu jieħdu kollu hu jew ikun privileġġjat fil-qsim. Min iġib ruħu hekk hemm fih aggressività u vjolenza mnissla fl-egoiżmu tiegħu. Hawn min jaħseb hekk illum ukoll. Barra mill-fatt li l-wirt mhux dritt imma għotja, għax dak li tiret ma tkunx ħdimt għalih int imma ħaddieħor, jekk jixraqlek tieħdu b’ġustizzja, m’għandekx għalfejn tiġġieled għalih, imma jekk tippretendih għax taħseb li int aqwa minn ħaddieħor qed tabbuża u tkun inġust.

Jista’ jkun ukoll li ħu dan ir-raġel kien dixxiplu ta’ Ġesù li jippriedka l-faqar u d-distakk. Dan ir-raġel ippretenda li Ġesù jordna lil ħuh biex ma jkollux x’jaqsam mal-wirt. Anke dan jiġri fi żmienna. Ħafna jsitħajlu li jistgħu jippretendu li għax tkun nisrani m’għandekx drittijiet ċivili, għandek iċċedi kollux u ma tieħux dak li hu tiegħek bi dritt. Basta nisrani! Ġesù qatt ma qal li d-dixxipli tiegħu għandhom ikunu boloh u jħallu lil ħaddieħor jagħmel li jrid bihom. Jekk iċċedi, iċċedi għax trid b’għażla, mhux għax xi ħadd jippretendi hekk mingħandek, biex jieħu vantaġġ mit-twemmin tiegħek għall-qliegħ personali tiegħu. Min jagħmel hekk, jista’ jkun kompliċi ta’ min jipprova jabbuża minnu.

Ġesù ma jidħolx f’dan kollu. Imma juri lil min talbu kemm ir-rabta mall-ġid tal-art ma fiha ebda ħajra li ddum. Iktar ma tikseb minnu iktar tkun trid. Iktar kemm tgħodd u tistiva iktar tibda taħseb li hemm vojt u trid timla dejjem iktar għax taħseb li ħajtek tiddependi minnu. Il-parabbola ta’ Ġesù tħares lejn min jaħdem jiġma kotra ta’ ġid u fl-illużjoni li jsib ruħu fiha li jaħseb li ruħu tista’ tistrieħ bih. Ġesù ma jgħidx ‘hu’ iżda ‘ruħu’ li tibqa’ għal dejjem.

Kemm jista’ jitqarraq il-bniedem, mhux biss għax ifittex biss u jorbot qalbu biss ma’ dak li għandu jew jista’ jkollu, iżda għax biex jikseb dan ikun lest li jinfired minn min hu għażiż għalih. Kemm firdiet f’familji, mibgħeda bejn aħwa, kawzi ma jispiċċaw qatt fil-qrati huma riżultat tar-rebgħa.

Kemm hawn bnedmin jiġu mgħaffġa u ħajjithom imkissra għax hemm min irid jikseb dejjem iżjed. Minn hemm tiġi l-kilba bla rażan għas-setgħa, minn hemm jiġi l-qerq, minn hemm tiġi l-korruzzjoni li jherru lr-ruħ tas-soċjetà. Nistgħu nippuntaw subgħajna lejn l-oħrajn, u forsi jkollna raġun; nistgħu inwaħħlu fuq il-moda tal-ħsieb u nqogħodu nsibu kliem bħal ‘materjaliżmu’, ‘konsumeriżmu’, ‘uża u armi’ u kliem ieħor. Imma dawn ma jeżistux weħidhom u ma jinħolqux mix-xejn. Xi ħadd jibda u ħafna jkomplu. Xi ħadd iżellaq ideja u lil ħafna togħobhom.

X’taħseb? Jekk ma bdejtx qiegħed tkompli? U jekk ma ġietekx f’moħħok, m’għoġbitekx ukoll?

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading