Jixħet id-dija ta’ Wiċċu fuqek


L-Erbgħa, 1 ta’ Jannar 2020: Omelija fis-Solennità ta’ Marija Omm Alla fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Balzan.

1458629_260920994055707_282477781_n

JIXĦET ID-DIJA TA’ WIĊĊU FUQEK

F’dan l-ewwel jum tas-sena, nixtieq li aħna naħsbu speċjalment fuq din il-barka li għadna kif smajna fil-Kelma ta’ Alla fil-ktieb tan-Numri li tgħid hekk:

‘Ibierkek il-Mulej u jħarsek,
Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek u jurik il-ħniena,
Iħares lejk il-Mulej b’imħabba u jagħtik is-sliem” (Num 6:24-26).

Jekk aħna nitolbu din il-barka lil Alla għal matul din is-sena l-ġdida, ikollna tassew għajnuna kbira. Fiha hawn miġbur kollox, dak kollu li hu tassew ta’ ġid għalina għal matul din is-sena: li l-Mulej iberikna, iħarisna, jimliena bl-imħabba u bil-ħniena tiegħu, u jagħtina s-sliem.

Nixtieq li naħsbu speċjalment fuq din is-silta li hemm fil-barka, meta jingħad: “Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek.” Naraw ftit xi tfisser u kemm hi ta’ ġid għalina li l-Mulej jixħet id-dija ta’ wiċċu fuqna.

Fil-fatt, fis-salm għedna hekk ukoll: “Idawwar għal fuqna d-dija ta’ wiċċu” (Salm 66:2). Din tfakkarna li hu proprju meta Alla jħares lejna u aħna niftħu qalbna għalih, li jista’ hu jimliena bl-imħabba u l-ħniena tiegħu. Meta Alla ħalaqna, ħalaqna xbieha tiegħu, u ngħixu tassew xbieha tiegħu meta nħarsu lejn id-dija ta’ wiċċu u nħalluha tiddi fuqna.

Ġesù tarbija jixħet id-dija ta’ wiċċu fuq Marija

Jekk hemm eżempju mill-isbaħ ta’ dan, hi Marija fis-solennità li niċċelebraw illum bħala Omm Alla. Meta welldet lil Ġesu u ħarset lejh, setgħet tagħmel l-esperjenza li għandna f’din il-barka: li l-Mulej jixħet id-dija ta’ wiċċu fuqha u juriha l-ħniena u l-imħabba. Setgħet tassew tagħmel esperjenza ta’ din il-barka ta’ Alla. Għalhekk fil-festa tal-maternità ta’ Marija għandna eżempju mill-isbaħ ta’ x’ifisser li l-Mulej jixħet id-dija ta’ wiċċu fuqha; imbagħad tal-hena tul ħajjitha kollha biex tgħix tassew fl-imħabba u l-ħniena ta’ Alla.

Aħna u nħarsu lejn din is-sena l-ġdida, nitolbu lill-Mulej għalina u għall-familji tagħna, u speċjalment biex aħna nagħmlu din l-esperjenza fil-ħajja tagħna: li aħna nħarsu lejh, u hu jixħet id-dija ta’ wiċċu fuqna. Meta ngħixu tassew b’din il-ħarsa tiegħu, meta nħallu lil wiċċu jiddi f’wiċċna, nistgħu nkunu tassew fil-paċi f’qalbna matul din is-sena.

Kif ngħixu b’din id-dija ta’ wiċċu fuqna

Nitolbuh biex aħna ngħixu din l-esperjenza matul din is-sena.

Ngħixu tassew b’din id-dija ta’ wiċċu fuqna meta aħna ngħixu bi gratitudni lejh, dejjem grati għall-ġid li jagħtina. Kull jum tas-sena hu grazzja minn Alla.

Ngħixu tassew b’din id-dija ta’ wiċċu fuqna meta aħna nkunu strumenti tal-imħabba u l-ħniena tiegħu mal-oħrajn.

Ngħixu tassew b’din id-dija ta’ wiċċu fuqna meta lill-Mulej inħalluh inissel f’qalbna l-paċi tiegħu u nkunu strumenti ta’ paċi mal-oħrajn. Nafu li, kif tgħallimna l-Knisja, il-paċi tinbena fuq il-verità u l-ġustizzja. Il-paċi mhijiex maskra li taħbi kollox; inkella, jekk tkun hekk, wara ftit il-maskra tiċċarrat u ma ssib xejn. Għandna nkunu tassew strumenti tal-paċi vera fl-ambjenti fejn ngħixu; li nippruvaw dejjem ngħaqqdu lin-nies, ma nifirduhomx naħa u oħra, imma nkunu strumenti ta’ għaqda.

Ngħixu tassew b’din id-dija ta’ wiċċu fuqna meta aħna jkollna qalb li taħfer lil min jagħmlilna l-ħsara. Il-maħfra ma tfissirx li ma tħossx il-weġgħa ta’ azzjoni ħażina, imma tfisser li bil-grazzja ta’ Alla ma tħallix din tikkundizzjonalek ħajtek.

Ngħixu tassew b’din id-dija ta’ wiċċu fuqna matul din is-sena meta l-valuri li għallimna l-Mulej inqegħduhom fil-prattika: il-valuri tal-onestà, tal-integrità, tal-ħidma għal dak li hu sewwa, tal-għażla bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin. Meta ngħixu b’din id-dija ta’ wiċċu fuqna, aħna nafu li t-tajjeb nagħżluh mhux għax ħaddieħor qed jagħmlu imma għax hekk għandna nagħmlu; u l-ħażin inwarrbuh mhux għax nistgħu ninqabdu li għamilnieh, imma għax hu ħażin quddiemu.

Għalhekk nitolbuh il-grazzja li ngħixu dejjem b’din il-ħarsa tiegħu ta’ mħabba, ta’ ħniena, ta’ sliem. Li naċċettawh fil-ħajja tagħna ħalli jkun hu li jgħinna ngħixu din is-sena ġdida fil-grazzja tiegħu.

Nitolbu din il-grazzja għalina, għall-familji tagħna, għal dawk li għaddejjin minn żmien diffiċli u li għandhom bżonn l-għajnuna tiegħu. Nitolbu li taħt il-ħarsien tiegħu u ta’ ommna Marija nistgħu ngħixu din is-sena tassew fil-grazzja tiegħu bid-dija ta’ wiċċu fuqna.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.