Waqt l-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa filgħodu, l-Papa Franġisku dawwar l-attenzjoni tiegħu lejn il-poplu Afgan “li ntlaqtu ħafna mill-għargħar traġiku li ħasad ħafna ħajjiet, inkluż tfal; u qered ħafna djar”, u appella lill-komunità internazzjonali biex tagħti l-għajnuna. Il-Qdusija Tiegħu qal li qed jitlob għall-vittmi, b’mod partikolari għat-tfal u l-familji tagħhom.
Fil-jiem li għaddew, mill-inqas 300 persuna tilfu ħajjithom f’għargħar fi 18-il distrett u fit-3 provinċji fit-Tramunatana tal-Afganistan. Skont il-Programm Dinji tal-Ikel tan-Nazzjonijiet uniti, mijiet oħra ndarbu u huwa maħsub li ħafna nies għadhom midfuna fit-tajn. Il-Papa Franġisku qal:
“Nappella lill-komunità internazzjonali biex minnufih tipprovdi l-għajnuna u l-appoġġ meħtieġ biex tipproteġi lil dawk l-aktar vulnerabbli”.
U kif dejjem jagħmel, il-Papa fakkar lil dawk li jemmnu biex ikomplu jitolbu għall-paċi. “Ejjew ma ninsewx l-Ukrajna itturmentata; ma ninsewx il-Palestina, l-Iżrael, il-Myanmar. Ejjew nitolbu għall-paċi, ejjew nitolbu għall-popli kollha li qegħdin ibatu minħabba l-gwerra. Ilkoll flimkien, b’qalb kbira, ejjew nitolbu għall-paċi definittiva, u mhux aktar għall-gwerra. Għax il-gwerra hija dejjem telfa: dejjem!”
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2024-05/pope-appeal-afghanistan-floods-general-audience-peace.html