Aqdi lil dan il-poplu għażiż u jkun hu stess il-faraġ u l-ferħ ta’ qalbek

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 12 ta’ Jannar 2020: Quddiesa tal-Pussess ta’ Patri Andrew Galea, il-kappillan il-ġdid tal-parroċċa tal-Qawra fil-Knisja Parrokkjali San Franġisk t’Assissi, il-Qawra.

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

Qabel isellmu din il-Knisja parrokkjali llum, ħudu ħsieb li tieqfu ftit fuq wara tal-Knisja fejn hemm il-battisteru u li għandu xbieha sabiħa ta’ din il-festa li qegħdin niċċelebraw illum: il-Magħmudija tal-Mulej.

Għażiż Fr Andrew, nixieq nislet ftit riflessjonijiet li tissuġġerili propju din il-festa biex ikunu għalik gwida f’dan il-ministeru pastorali ġdid li l-Knisja qiegħda tafdalek permezz tas-superjur tiegħek, il-Provinċjal u tal-Isqof.

Mhuwiex f’kull pussess ta’ kappillan ġdid li jkolli l-grazzja u li aħna wkoll ikollna għaliex nifirħu, għaliex is-saċerdot magħżul bħala kappillan, bħala xhud tal-bidu tal-ministeru tiegħu, ikollu miegħu s-saċerdot li għammdu. Illum għandna lil Mons. Dun Viċenz li għammdek fl-1983. Ma jiġrix f’kull pussess u propju fil-Magħmudija tal-Mulej! L-ewwel awgurju tiegħi lilek, għażiż Fr Andrew, li inti jkollok il-grazzja tkun preżenti meta l-ġenerazzjonijiet futuri li se tgħammed, jilħqu patrijiet u saċerdoti u tkun preżenti tifraħ bil-grazzja li l-Mulej ikun tahom.

Jekk m’iniex sejjer żball ukoll Mons. Dun Viċenz żewweġ lil ommok u misierek, hux veru? Il-mamà qiegħda l-ġenna u l-papà qiegħed hawn. Kemm hi ħaġa sabiħa meta aħna l-Mulej jagħtina l-grazzja naraw il-frott spiritwali minn ġenerazzjoni għal oħra. Huwa l-ewwel awgurju li nagħtik għax il-Mulej meta jbierek lill-ġnus, iberikhom minn ġenerazzjoni għal oħra. U dak li għandu jmexxik huwa propju dan l-ispirtu ta’ paternità spiritwali.

Inti ma ċħadtx l-imħabba ta’ mara għaliex ma tħobbx, imma għaliex Alla poġġa fik xrara mill-imħabba tiegħu għal kull wieħed u waħda minna. Inti msejjaħ għall-imħabba tar-ragħaj li jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. Inti allura se titgħallem, kif diġà naf li tgħallimt, turi magħna – anke mal-isqof, ta – il-paċenzja ta’ Alla. Dak Alla li meta jibgħat lill-qaddej tiegħu jgħid li ma jgħejjiex u ma jitfarrakx imma li l-qawwa tiegħu ġejja mill-fatt li fejn hemm id-dgħajjef ma jkissrux. “Ma jgħajjatx, ma jgħollix leħnu, ma jsemmax leħnu fil-pjazez, qasba mġelġla ma jiksirhiex, musbieħ inemnem ma jitfihx” (Is 42: 2-3).

Aħna għatxana, Fr Andrew, għal din ix-xhieda tal-paċenzja li Alla jieħu bina. Kun af li jieħu anke paċenzja bik. U li inti fil-komunità, bħalma huwa l-isqof fil-komunità, l-ewwel xhud ta’ kemm Alla huwa paċenzjuż. San Pawl Missierna jgħid li hu l-ewwel wieħed, il-protos tal-midinbin u Alla għażel lilu u jagħżel lilna biex fina, qabel juri l-ħniena, juri l-paċenzja kbira ta’ ibnu. U jieħu paċenzja kbira mhux ħażin il-Mulej. U San Pawl jgħid hu u jkellem lil Timotju biex min jara din il-paċenzja t’Alla fina, jagħmel il-qalb, ma jaqta’ qalbu qatt la mill-ħajja u wisq inqas mill-ħniena ta’ Alla.

Aqdi lil dan il-poplu għażiż, agħti ħajtek għalih u l-Mulej jagħtik il-grazzja li l-poplu tiegħek afdat f’idejk, ikun hu stess il-faraġ u l-ferħ ta’ qalbek.

Wara kollox illum qed niċċelebraw dan il-misteru kbir tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem li għamel 30 sena moħbi, f’ħajja moħbija. Hu jiddeċiedi li jilqa’ l-istedina ta’ Ġwanni l-għammied, il-Battista, għall-Magħmudija ta’ penitenza, ta’ ndiema. Hu jissieħeb magħna li għandna bżonn l-indiema u l-penitenza. Hu l-ħaruf bla tebgħa li jneħħi d-dnubiet tad-dinja, jissieħeb magħna. Jidħol fil-kju ta’ min għandu bżonn il-konverżjoni. U meta Ġwanni l-Battista jagħrfu u jgħidlu le, jinsisti għax hu ġie mibgħut bħala Alla magħna, Għemmanu-El, Alla li ma jistmerrx jinżel fil-ġuf ta’ verġni kif inkantaw fuq talba qadima u antika tad-Te Deum u wisq inqas ma jistmerrx jissieħeb magħna, jitħallat magħna, hu li hu bħalna f’kollox minbarra d-dnub. U jinżel fl-ilma tal-Ġordan, fl-abbiss tal-kaos, tat-taħwid, tat-tgerfix, tal-miżerja u jerġa’ jitla’. U miegħu jġorr magħna lilna lil kull wieħed u waħda minna.

“Dan hu Ibni l-għażiż li fih sibt il-għaxqa tiegħi” (Mt 3:17). Illum ukoll niċċelebraw lil Alla mħabba: il-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, li juri lilu nnifsu lilna fil-misteru tal-Magħmudija tal-Iben. L-Ispirtu jidher f’forma ta’ ħamiema, il-Missier isemma’ leħnu: “Dan hu Ibni l-għażiż”. Ġesu jissejjaħ iben għax għandu missier u l-Missier huwa missier għax għandu iben. Dawn it-titli jindikaw relazzjoni għax m’hawnx missier mingħajr iben, daqskemm ma tistax tissejjaħ iben jekk m’għandekx missier. U l-Ispirtu qaddis, li sa mill-bidu kien jittajjar fuq l-ilmijiet biex jindika l-ħolqien ġdid, illum jerġa’ jittajjar fuq l-ilmijiet tal-Ġordan biex jgħidilna tassew jien se nagħmel kollox ġdid. Jiena se nġedded kollox.

Għażiż Fr Andrew, it-tiġdid li l-Mulej jinqeda bik biex iseħħ fil-komunità permezz tiegħek, irid ikun fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. M’hemmx isem ieħor għall-qadi tagħna u għall-imħabba tagħna. Fuq kull persuna li tiltaqa’ magħha ftakar fil-kliem tal-Missier: ‘Dan hu ibni l-għażiż, din binti l-għażiża’. U b’dik il-ħarsa li hija l-ħarsa tal-Mulej, aqdi lil dan il-poplu għażiż, agħti ħajtek għalih u l-Mulej jagħtik il-grazzja li l-poplu tiegħek afdat f’idejk, ikun hu stess il-faraġ u l-ferħ ta’ qalbek.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 42, 1-4.6-7
Salm: 28 (29), 1a-2.3ac-4.3b u 9b-10
Qari II: Atti 10, 34-38
Evanġelju: Mt 3, 13-17

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading