Quddiesa mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Kurja tal-Arċisqof – 23 ta’ Marzu 2020


It-Tnejn, 23 ta’ Marzu 2020: Quddiesa mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Kurja tal-Arċisqof – fid-9:30am.

FIDI LI ĠĠIB BIDLA

Hemm sentenza f’dan ir-rakkont li toħroġ b’mod tajjeb ħafna messaġġ importanti għal ħajjitna: is-sentenza li tgħid “ir-raġel emmen il-kelma li qallu Ġesù”. Dan l-uffiċċjal tas-sultan ma kienx wieħed daqshekk qrib ta’ Ġesù, ma kienx wieħed mid-dixxipli tiegħu. Kien uffiċċjal li ġie mill-bogħod, li għamel vjaġġ biex lil Ġesù jitolbu xi ħaġa daqshekk importanti: biex ifejjaqlu lil ibnu li kien ħażin ħafna.

Ġesù ma marx lura d-dar miegħu biex ifejjaqlu lil ibnu. Dan għamel talba għal darba darbtejn: Inżel Mulej u fejjaqli lil ibni. Ejja d-dar ħalli tfejqu. Ġesù ma għamilx hekk, imma qallu: Mur, ibnek jgħix. U dan ir-raġel emmen dak li qal Ġesù u telaq. Tolqotni ħafna kif dan il-bniedem li ma kienx daqshekk midħla ta’ Ġesù, avolja xtaqu jiġi d-dar u jfejjaqlu lil ibnu, qagħad fuq il-kelma li qallu: Ibnek jgħix. Meta telaq, fit-triq sab lill-qaddejja li qalulu li ibnu kien fieq proprju f’dak il-mument li Ġesù qallu: Ibnek jgħix.

Din kienet it-tieni darba li f’Kana tal-Galilija Ġesù għamel miraklu b’kelma. Mhux għax għamel xi azzjoni jew mar xi mkien, imma b’kelma. Fil-miraklu tat-tieġ ta’ Kana, Ġesù qalilhom biss: Imlew il-ġarar bl-ilma, u ħuduhom għand dak li qed jieħu ħsieb il-mejda. Għall-kelma tiegħu l-ilma sar inbid. Għall-kelma tiegħu, is-sitwazzjoni nbidlet minn sitwazzjoni diffiċli għal dawk l-għarajjes għal sitwazzjoni fejn spiċċaw bl-aħjar inbid.

Hawn ukoll il-bidla sseħħ bil-kelma tiegħu. Dan hu messaġġ li jolqot ħafna lil ħajjitna: il-fidi li kellu dan l-ufficcjal tas-sultan tgħinna fil-fidi tagħna. Li aħna nemmnu l-kelma ta’ Ġesù, li jkollna fiduċja sħiħa fil-kelma tiegħu, li hi kelma qawwija, li tista’ ġġib il-bidla, u kelma li tgħinna fil-bżonnijiet proprji tagħna. Mhux għax bilfors jagħmel dak li naħsbu aħna. Dan l-uffiċċjal kellu fil-pjan tiegħu li Ġesù jmur id-dar u hemmhekk ifejjaqlu lil ibnu. Ġesù fejjaqlu lil ibnu b’mod differenti. Ħafna drabi f’ħajjitna Ġesù jgħinna u jagħtina dak li għandna bżonn b’mod differenti, mhux bilfors kif naħsbu aħna.

Din hi l-fidi li jitlob minna Ġesù. Din hi l-fidi li nitolbuh f’din il-quddiesa: li aħna jkollna dejjem fiduċja fil-kelma tiegħu, li nqiegħdu x-xewqat tagħna quddiemu, konvinti li jagħtina dak li hu ta’ ġid għalina. Innutaw: il-fidi ma tfissirx li ma tagħmilx dak li għandek tagħmel. Dan ir-raġel għamel vjaġġ twil, talab u reġa’ talab, mar lura wkoll, għamel dak li kellu jagħmel – imma kellu, fl-istess waqt, il-fidi f’Ġesù. Aħna wkoll il-fidi ma tfissirx li aħna noqogħdu indifferenti u ma nagħmlu xejn, imma nagħmlu dak li għandna nagħmlu, nieħdu azzjoni, u dejjem inqiegħdu dan quddiem Il-Mulej. Hu kapaċi jiftaħ toroq ġodda u jagħtina dak li hu ta’ ġid għalina, anke meta jkollna ħsibijiet jew pjanijiet oħra.

Nitolbuh lill-Mulej biex isaħħaħ fina l-fidi u jagħtina l-fidi li kellu dan l-uffiċċjal tas-sultan fit-talba li għamel lil Ġesù biex hu fejjaqlu lil ibnu.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.