Il-Papa f’Santa Marta: Il-Papa talab għal kull min jinsab f’diffikultajiet finanzjarji minħabba l-imxija tal-coronavirus, speċjalment il-familji

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 23 ta’ Marzu 2020: Fil-bidu tal-quddiesa tal-lum, il-Papa Franġisku offra t-talb għal kull min qed jibda jħoss il-problemi ekonomiċi minħabba l-pandemija tal-coronavirus.  Għax l-effetti tan-nuqqas ta’ xogħol jiriflettu fuq il-familji.

Fl-omelija l-Papa għamel riflessjoni dwar l-Evanġelju skont San Ġwann li jirrakkonta l-fejqan ta’ iben l-uffiċjal tas-sultan.

Dal-missier, qal Franġisku, jitlob biex ibnu jieħu s-saħħa.  Il-Mulej iċanfar ftit jew wisq lil kulħadd u lill-uffiċjal ukoll: ‘Jekk ma tarawx sinjali u mirakli ma temmnux.’ Minflok siket, l-uffiċjal kompla jgħid: ‘Mulej, inżel qabel ma jmut ibni.’ U Ġesù wieġbu: ‘Mur, ibnek ħaj.’

Hemm bżonn tliet affarijiet biex it-talb ikun veru.  L-ewwel, il-fidi: ‘Jekk m’għandkomx fidi…’  U bosta drabi t-talb ikun biss bil-fomm… ma jiġix mill-fidi li hemm fil-qalb.  Jew ikun ġej minn fidi dgħajfa…

Niftakru f’missier ieħor, dak li kellu ibnu mxajtan, meta Ġesù qallu: ‘Kollox jista’ jsir għal min jemmen,’ u l-missier iwieġeb ċar, ‘Nemmen imma saħħaħ il-fidi fija.’  Il-fidi fit-talb.  Nitolbu bil-fidi kemm  meta nkunu barra u anke meta niġu hawn (fil-kappella) u l-Mulej qiegħed hemm (il-Papa ppunta sebgħu lejn it-tabernaklu).  Imma jien għandi l-fidi jew hi drawwa?  Noqogħdu attenti fit-talb: ma naqgħux fi drawwa bla ma nkunu konxji li l-Mulej qiegħed hemm, li qed nitkellem mal-Mulej u li Hu għandu l-ħila jsolvi l-problema.  L-ewwel kundizzjoni għat-talb veru hija l-fidi.

It-tieni kundizzjoni li jgħallimna Ġesù nnifsu hi l-perseveranza.  Xi wħud jitolbu l-grazzja li ma tasalx: m’għandhomx dik il-perseveranza għax fil-fond ta’ qalbhom aktarx m’għandhomx bżonnha l-grazzja, inkella għax m’għandhomx fidi.  Ġesù stess jgħallimna b’dik il-parabbola ta’ dak li mar għand il-ġar jitolbu l-ħobż f’nofsillejl: il-perseveranza li baqa’ jħabbat il-bieb… Jew l-armla u l-imħallef ħażin: tinsisti, tinsisti u tinsisti.  Hija l-perseveranza.  Il-fidi u l-perseveranza jimxu id f’id għax jekk għandek il-fidi, inti żgur li l-Mulej se jtik dak li qed titolbu.  U jekk il-Mulej iħallik tistenna, ibqa’ ħabbat u ħabbat.  Fl-aħħar il-Mulej itiha l-grazzja.

Imma l-Mulej ma jġibx ruħu hekk biex jidher aktar interessanti jew għax jgħid, ‘Aħjar inħallih jistenna’: le.  Jagħmel hekk għall-ġid tagħna biex aħna nieħdu l-affarijiet bis-serjetà.  It-talb neħduh bis-serjetà mhux nitolbu ‘bħall-pappagalli’, tlablib u xejn aktar.  Ġesù stess iċanfarna: ‘Tkunux bħall-pagani li jemmnu li t-talb jinstema’ għax ilabalbu ħafna.’  Le.  Din hija l-perseveranza.  Hija l-fidi.

U t-tielet ħaġa li Alla jrid mit-talb tagħna huwa l-kuraġġ.  Xi ħadd jista’ jaħseb: hemm bżonn il-kuraġġ biex titlob u toqgħod quddiem il-Mulej?  Iva, meħtieġ il-kuraġġ li toqgħod hemm titlob u tibqa’ tinsisti, anzi, kważi kważi – ma rridx ngħid xi ereżeija – imma kważi qisek qed thedded lill-Mulej.  Bħall-kuraġġ ta’ Mosè quddiem Alla meta dan ried jeqred il-poplu u jagħmlu mexxej ta’ poplu ieħor.  Mosè jgħid: ‘Le, jien mal-poplu.’  Il-kuraġġ.  Il-kuraġġ ta’ Abraham meta jinnegozja s-salvazzjoni ta’ Sodoma: ‘U jekk ikunu tletin, u jekk ikunu ħamsa u għoxrin, u jekk ikunu għoxrin…’ Hemm hu l-kuraġġ.  Dil-virtù tal-kuraġġ hemm bżonnha ħafna:  mhux biss għall-azzjonijiet appostoliċi imma għat-talb ukoll.

Fidi, perseveranza u kuraġġ.  F’dal-jiem li fihom hemm ħtieġa kbira li nitolbu u nitolbu aktar, naħsbu ftit jekk aħna nitolbux b’dal-mod: bil-fidi li l-Mulej jista’ jintervjeni, bil-perseveranza u bil-kuraġġ.  Il-Mulej ma jiddiżappuntax; qatt ma jiddiżappuntana.  Iħallina nistennew, jieħu ż-żmien tiegħu, imma ma jiddiżappuntaniex.  Fidi, perseveranza u kuraġġ.

Wara li tqarben, il-Papa għamel it-Tqarbina tax-Xewqa kif qed jagħmel dan l-aħħar u kien espost is-Sagrament għal waqtiet ta’ adorazzjoni fis-skiet.  Iċ-ċelebrazzjoni ntemmet bil-barka sagramentali.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

Leave a Reply

%d bloggers like this: