Il-Papa f’Santa Marta: Marija Addolorata, dixxiplu u omm

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 3 ta’ April 2020: Hawn min minn issa qed jaħseb f’dak li għad irid jiġri wara l-pandemija: il-problemi kollha li se jinqalgħu… problemi ta’ faqar, ta’ xogħol, ta’ ġuħ. Nitolbu għan-nies kollha li qed jgħinu llum, imma qed jaħsbu wkoll dwar għada, biex ikunu ta’ għajnuna għalina lkoll.

Omelija

F’dan il-jum tal-Ġimgħa tal-Passjoni, il-Knisja tfakkar lil Marija Addolorata.  Hija devozzjoni tal-poplu t’Alla li ilha sekli sħaħ.  Inkitbu innijiet ad unur tal-Addolorata: kienet f’riġlejn is-salib u jikkuntemplawha hemmhekk, fit-tbatija.  Il-pjetà nisranija ġabret dan in-niket tal-Madonna u titkellem dwar ‘is-seba’ duluri’.  L-ewwel dulur jeħodna 40 jum wara t-twelid ta’ Ġesù, il-profezija ta’ Xmun li jgħidilha li sejf għad jinfdilha qalbha (cf. Luqa 2, 35).  It-tieni dulur ifakkar il-ħarba lejn l-Eġittu biex issalva l-ħajja ta’ Binha (cf. Mt. 2, 13-23). It-tielet dulur huma dawk it-tlett ijiem ta’ qtigħ il-qalb meta t-tifel baqa’ fit-tempju (cf. Lq 2, 41-50).  Ir-raba’ dulur huwa meta l-Madonna tiltaqa’ ma’ Ġesù fit-triq tal-Kalvarju (cf. Ġw. 19, 25).  Il-ħames dulur tal-Madonna huwa l-mewt ta’ Ġesù, hi u tara lil Binha msallab, għeri, qed imut.  Is-sitt dulur huwa l-inżul ta’ Ġesù minn mas-salib, mejjet, u tħaddnu kif kienet refgħetu aktar minn tletin sena qabel f’Betlem.  Is-seba’ dulur huwa d-difna ta’ Ġesù.

Hekk, il-pjetà nisranija timxi dit-triq tal-Madonna hi u takkumpanja lil Ġesù.  Lili jagħmilli tajjeb, filgħaxija tard, meta nkun qed ngħid l-Angelus, li nikkontempla dawn id-duluri bħala memorja ta’ Omm il-Knisja li b’tant tbatija welldet lilna lkoll.

Il-Madonna qatt ma talbet xejn għaliha, qatt.  Għall-oħrajn, iva: niftakru f’Kana. meta marret tkellem lil Ġesù.  Qatt ma qalet: ‘Jiena l-omm, ħarsu lejja: se nkun ir-reġina omm.’  Qatt ma qalet xejn minn dan.  Ma talbet ebda privileġġ għaliha personali fi ħdan il-kulleġġ appostoliku.  Kulma tagħmel hu li taċċetta biss li tkun Omm.  Akkumpanjat lil Ġesù bħala dixxiplu, għax l-Evanġelju jurina li kienet issegwih: kienet issegwi lil Ġesù, tisma’ lil Ġesù, ma’ ħbiebha, nisa twajba.  Darba minnhom xi ħadd għarafha: ‘Hawn hi ommok’, ‘Ommok tinsab hawn’ (cf. Mk. 3, 31).  Tinsab hemm, bilwieqfa… Żgur li n-nies kienu jgħidu: ‘Imsejkna mara, kemm għad issofri.’  U l-ħżiena żgur kienu jgħidu:  ‘Imma hi għandha tort ukoll għax kieku rabbietu kif suppost ma kienx jispiċċa fiex spiċċa.’  Kienet hemm, ma’ Binha, mal-umiljazzjoni ta’ Binha.

Nagħtu ġieħ lill-Madonna u ngħidu: ‘Din hi Ommi,’  għax hija Omm.  Dan hu t-titlu li rċeviet, proprju hemmhekk, fil-ħin tas-Salib (cf. Ġw. 19, 26-27).  ‘Uliedek, inti Omm.’  M’għamilhiex prim ministru jew taha xi titli, xi inkarigi.  ‘Omm’ biss. U mbagħad l-Atti tal-Appostli jippreżentawhielna titlob flimkien mal-Appostli bħala Omm (cf. Atti 1, 14).  Lil Ġesù l-Madonna ma riedet teħodlu ebda titlu; irċeviet id-don li tkun Ommu u d-dmir li takkumpanja lilna bħala Omm, li tkun l-Omm tagħna.  Ma talbitx biex tkun ‘kważi-redentriċi’ jew ‘ko-redentriċi’, le.  Il-Feddej huwa wieħed u dat-titlu ma jirduppjax ruħu.  Dixxiplu u Omm biss.  U hekk għandna niftakru fiha aħna; hekk għandna nfittxuha, nitolbuha.  Hija l-Omm fil-Knisja Omm.  Fil-maternità tal-Madonna naraw il-maternità tal-Knisja li tilqa’ lil kulħadd, tajbin u ħżiena: lil kulħadd.

Illum ikun tajjeb jekk nieqfu ftit naħsbu dwar in-niket u d-duluri tal-Madonna.  Hija Ommna.  U dwar kif kellha ħila tissaportihom, bil-qawwa, bil-biki: ma kienx biki falz, kienet proprju l-qalb mifnija bin-niket.

Jagħmlilna tajjeb nieqfu ftit biex lill-Madonna ngħidulha: ‘Grazzi li aċċettajt tkun Omm meta ħabbarlek l-Anġlu u grazzi talli aċċettajt li tkun Omm wara li ħatrek Ġesù.’

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading