Il-politika u l-ġid komuni

Biex fejn jidħol il-ġid komuni l-politika tkun effettiva, irid ikun hemm governanza tajba u ħadd ma jkun eskluż

Michael Caruana

Ġiet ippubblikata l-ħarġa 148 tar-rivista Knisja Elfejn li hi ddedikata lill-politika u l-ġid komuni. Jikkontribwixxu dwar dan s-suġġett Fr Raymond Gatt OP, Dr Clive Zammit, Professur Mario Thomas Vassallo, Dr Louise Chircop, Dr Michael Grech, Fr Ivan Attard OP, Francesco Frendo, Dr Kurt Xerri u Andrè P. DeBattista.

L-editorjal isemmi li l-iskop tal-politika hu li jmexxi ’l quddiem ideali ta’ grupp ta’ nies biex dawn jaslu li jħarsu l-ġid komuni, jiġifieri t-tajjeb li hu adattat u milħuq mill-komunità u li hu maqsum bejn il-membri tagħha. Permezz t’hekk il-ħajja tingħex u tiġi rispettata b’dinjità kemm fuq livell kollettiv u anki individwali. Dan juri, isostni l-editorjal, li l-oġġettiv primarju tal-politika jekk imħaddma tajjeb hu li jintlaħaq il-ġid komuni li kull soċjetà timmira għalih, jiġifieri l-iżvilupp sħiħ tal-komunità u tal-individwu.

Dan jitlob impenn minn kull membru li jifforma l-komunità, iżda dan l-iskop mhux dejjem kien faċli li jintlaħaq u għalhekk il-ħassieba politiċi u soċjali għal mijiet ta’ snin ma waqfux jiżvlipppaw il-ħsibijiet tagħhom biex isibu tweġiba ta’ x’inhu eżatt il-ġid komuni u kif dan jista’ jintlaħaq fis-soċjetà f’qafas ta’ sistema politika.

L-editorjal jikkwota diversi dokummenti tal-Knisja u jsemmi li hemm rabta kbira bejn il-ġid komuni u l-politika li trid tidher fuq bażi globali u f’diversi setturi tal-ħajja soċjali. U, biex il-politika f’demokrazija tkun effettiva fejn jidħol il-ġid komuni għas-soċjetà, irid ikun hemm governanza tajba u li ħadd ma jkun eskluż minkejja l-għajta tal-inklużjoni. “Min ġie fdat it-tmexxija tal-pajjiż irid irid imexxi skont il-prinċipji tas-sewwa u dejjem b’sens ta’ servizz għall-poplu kollu biex b’hekk jintlaħaq il-ġid komuni”, isostni l-editorjal.

Il-ġid komuni jintlaħaq, ikompli l-editorjal, billi jkun hemm il-ħasien tal-liġi u tas-saltna tad-dritt; jiġu mħarsa d-drittijiet taċ-ċittadini; tiġi mħaddma ekonomija li tirrispetta u tħares il-ħajja ta’ kull persuna; li jkun hemm regoli fil-postijiet tax-xogħol biex ma jiġux impoġġija fil-periklu l-ħajjiet tan-nies b’mod speċjali fejn tidħol l-industrja tal-bini; u li jiġi mħares l-ambjent fejn iċ-ċittadini jgħixu, jaħdmu u jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom.

Ir-rivista Knisja Elfejn tiġi ppubblikata kull tliet xhur mid-Dumnikani u tittratta temi ta’ duttrina biblika, dommatika, morali u xjenzi umani.         

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading