Quddiesa u Rużarju mill-Kurja tal-Arċisqof – 6 ta’ Lulju


It-Tnejn, 6 ta’ Lulju 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Kurja tal-Arċisqof …

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Fidi u determinazzjoni

F’din is-silta qasira għandna miraklu ġo miraklu. Nixtieq li naraw din il-ġrajja x’tgħidilna għal ħajjitna llum.

Jekk inħarsu lejn din il-mara li kienet ilha tnax-il sena sħaħ tbati b’din il-kundizzjoni, naraw fiha l-fidi – il-fidi li Ġesù jista’ jfejjaqha. Mhux bilfors kienet taf ħafna fuqu, jew taf ħafna x’għallem, imma kellha din il-fidi li mqar tmiss it-tarf tal-libsa tiegħu. Ma ridetx lanqas li tagħmel xi xena, jew ħasset il-bżonn li tieqaf tkellmu, imma mqar tmiss it-tarf tal-libsa.

Għalhekk naraw il-fidi tagħha u d-determinazzjoni. Dawn imorru flimkien, m’humiex kontra xulxin. Kienet mara determinata; hi li s-soċjetà kienet temarġinaha, twarrabha, tagħmel minn kollox biex tasal sa fejn Ġesù. Ma qalitx: “Xortija ħażina, x’tista’ tagħmel?”, jew irrassenjat ruħha li ma tista’ tagħmel xejn. Kienet determinata, u d-determinazzjoni flimkien mal-fidi tagħha wassluha sa fejn Ġesù.

Jekk naraw imbagħad lil Ġesù, bħal dejjem tolqotna l-qalb kbira tiegħu mimlija mħabba u kompassjoni. Kien imdawwar b’ħafna nies, imma tefa’ ħarstu fuq din il-mara li lilha għenha għax għamlilha kuraġġ, u għax għenha biex tissaħħaħ fil-fidi tagħha; biex ma tiqafx biss b’tarf il-libsa li misset, imma ssir taf lilu, tiltaqa’ miegħu; biex il-fidi tagħha ma tkunx marbuta ma’ xi ħaġa maġika – li tmiss libsa – imma li tiltaqa’ miegħu personalment. Hemm dik is-sentenza sabiħa meta Ġesu jgħidilha: “Agħmel il-qalb, binti. Il-fidi tiegħek fejqitek”. “Binti” hi l-kelma li fl-Evanġelju kollu Ġesu jużaha hawn biss meta jindirizza lil din il-persuna: “Agħmel il-qalb, binti”.

Imbagħad jekk naraw il-miraklu l-ieħor, meta Ġesù kellu fejnu wieħed mill-kapijiet li mar ifittxu u qallu biex iqajjem mill-mewt lil bintu li kienet għadha kif mietet, naraw l-imħabba kbira tal-missier lejn bintu, imma wkoll il-fidi u d-determinazzjoni ta’ dan il-kap. Hemmhekk ukoll naraw l-imħabba kbira ta’ Ġesù lejn din it-tifla. Hu jneħħi lil dawk in-nies li ġew biex jagħmlu storbju – għax Ġesù ma ġiex biex jagħmel xena – u lil din it-tifla jqajjimha u jagħtiha ħajja ġdida.

Kemm hi sabiħa din is-silta li qrajna li lilna tagħmilna ħafna kuraġġ għax tfakkarna l-ewwel nett li Ġesu hekk hu magħna: kollu mħabba, kompassjoni, jimpurtah minna. Lilna jagħtina l-fejqan u l-ħajja. Ukoll, aħna nitgħallmu minn dawn in-nies, u nitolbu lill-Mulej biex ikollna dik il-fidi fih u dik id-determinazzjoni. Kultant aħna l-fidi nuruha anke b’ħaġa żgħira – b’talba qisna nkunu qegħdin immissu t-tarf tal-libsa ta’ Ġesù. U Ġesù jieħu din it-talba, u jgħinna biex aħna niltaqgħu miegħu, għax huwa hu li jista’ jagħtina tassew il-fejqan u l-ħajja.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju