Aspetti dwar l-Enċiklika Għani fil-Ħniena tal-Papa San Ġwanni Pawlu II. L-Ewwel Parti. Dun Hector Scerri

Print Friendly, PDF & Email

FORMAZZJONI U INFORMAZZJONI

MILL-KUMMISSJONI TEOLOĠIKA (35)

4 ta’ Marzu 2016

Aspetti dwar l-Ittra Enċiklika

Għani fil-Ħniena tal-Papa San Ġwann Pawlu II – L-ewwel Parti

Daħla

Huwa ferm aktar milli xieraq li waqt li qegħdin niċċelebraw il-Ġublew tal-Ħniena (8 ta’ Diċembru 2015 – 20 ta’ Novembru 2016), imniedi mill-Papa Franġisku, niskopru mill-ġdid waħda mill-ittri enċiklika tal-Papa San Ġwann Pawlu II, Għani fil-Ħniena (Dives in Misericordia). Il-Papa Franġisku nnifsu, fil-Bolla tal-Indizzjoni tal-Ġublew, Misericordiae Vultus (11 ta’ April 2015) jagħmel referenza importanti għall-enċiklika tal-Papa Pollakk. Il-Papa preżenti jistqarr:

“Ma nistgħux ninsew it-tagħlim kbir li San Ġwann Pawlu II offrielna bit-tieni enċiklika tiegħu Dives in Misericordia, li fi żmienu waslet bla mistennija u ssorprendiet lil ħafna minħabba fit-tema li affrontat. Nixtieq infakkar b’mod partikulari f’żewġ espressjonijiet. Qabelxejn, il-Papa qaddis osserva kif it-tema tal-ħniena qed titwarrab u tintesa fil-kultura ta’ żminijietna … Iżjed minn hekk, San Ġwann Pawlu II ta din ir-raġuni għall-urġenza li jxandar u jagħti xhieda tal-ħniena fid-dinja tal-lum: ‘Dan ġej mill-imħabba tiegħi għall-bniedem, għal kulma hu tal-bniedem, li, kif jaħsbu ħafna nies ta’ żmienna, hu mhedded minn periklu tassew kbir. Il-misteru ta’ Kristu … iġegħelni wkoll inxandar li l-ħniena hi l-imħabba kollha ħniena ta’ Alla, irrivelata lilna f’dan l-istess misteru ta’ Kristu …’ Dan it-tagħlim tiegħu hu attwali iżjed minn qabel u jixraq li nerġgħu naqbduh f’idejna matul din is-Sena Mqaddsa”.[1]

Permezz ta’ dan il-materjal se nkunu qegħdin nagħmlu propju dak li qed iħeġġiġna nagħmlu l-Papa Franġisku: jiġifieri li mmorru lura għall-enċiklika Għani fil-Ħniena, sabiex nistudjaw flimkien il-qafas ġenerali tagħha u napprezzaw mill-ġdid – wara qabża ta’ aktar minn 35 sena – l-aspetti prinċipali tagħha. B’dan il-mod, inkunu qegħdin mhux biss nivvalorizzaw mill-ġdid wieħed mid-dokumenti importanti tal-Maġisteru Pontifiċju riċenti, imma nkunu wkoll qegħdin nidħlu aktar fil-fond fl-għarfien tagħna dwar il-misteru tal-ħniena infinita ta’ Alla.

Tagħrif ġenerali dwar l-Ittra Enċiklika Għani fil-Ħniena

Tajjeb li napprezzaw li l-Enċiklika Għani fil-Ħniena, ippubblikata fit-30 ta’ Novembru 1980, hija t-tieni enċiklika tal-Papa Ġwann Pawlu II. Tajjeb ukoll li nifhmu li fost l-erbatax-il enċiklika ta’ dan il-Papa kbir, hemm triloġija ta’ enċikliċi li t-tema tagħhom hija t-Trinità Qaddisa. Dawn huma tlieta mill-ewwel ħames enċikliċi tal-Papa Ġwann Pawlu II:

            Il-Feddej tal-Bniedem (Redemptor Hominis) dwar l-Iben t’Alla (4.3.1979)

            Għani fil-Ħniena (Dives in Misericordia) dwar Alla l-Missier (30.11.1980)

     Il-Mulej li jagħti l-ħajja (Dominum et Vivificantem) dwar l-Ispirtu s-Santu (18.5.1986)

Bejn l-aħħar tnejn minn dawn, il-Papa kien ħareġ żewġ enċikliki oħra: waħda dwar ix-xogħol tal-bniedem (Laborem Exercens, 14.9.1981), u oħra dwar San Ċirillu u San Metodju, l-appostli tal-ġnus Slavi u kompatruni tal-Ewropa (Slavorum Apostoli, 2.6.1985). Jidher ċar li l-Papa Ġwann Pawlu II ried jiddedika parti kbira mill-Maġisteru Petrin tiegħu fl-ewwel snin tal-pontifikat tiegħu għal approfondiment sod dwar il-misteru tat-Trinità Qaddisa. L-enċiklika Għani fil-Ħniena tidħol bħala parti minn dan il-pedament Trinitarju għat-tagħlim ta’ portata enormi li waslilna dan il-Papa matul pontifikat ta’ kważi 27 sena.

L-enċiklika Għani fil-Ħniena fiha tmien taqsimiet prinċipali li huma dawn:

  1. Min jara lili jara lill-Missier (ara Ġw 14:9): paragrafi 1 u 2.
  2. Il-Messaġġ Messjaniku: paragrafu 3.
  • Il-Patt il-Qadim: paragrafu 4.
  1. Il-Parabbola tal-Iben il-ħali: paragrafi 5 u 6.
  2. Il-Misteru tal-Għid: paragrafi 7 sa 9.
  3. “Ħniena f’kull żmien”: paragrafi 10 sa 12.
  • Il-Ħniena ta’ Alla fil-Missjoni tal-Knisja: paragrafi 13 u 14.
  • It-Talba tal-Knisja fi żminijietna: paragrafu 15.

Il-biċċa l-kbira tal-ħafna riferenzi li fiha l-enċiklika hi għall-kotba tal-Iskrittura Mqaddsa. Hemm, imbagħad, xi ftit riferenzi għal tnejn mid-dokumenti tal-Konċilju Vatikan II (Lumen Gentium u Gaudium et Spes) u għal żewġ dokumenti tal-Papa Pawlu VI, u riferenza twila ħafna (nota nru 52) li tfisser f’dettall straordinarju l-kliem sabiħ u profond tat-Testment il-Qadim li jirreferi għall-ħniena ta’ Alla – hesed, rahamim u hanan. L-Enċiklika Għani fil-Ħniena ma damitx ma ġiet tradotta għall-ilsien Malti minn Monsinjur Ġużeppi Lupi, tant hu hekk li ġiet stampata f’Jannar 1981, b’ristampa f’Mejju 1981 (Arċidjoċesi ta’ Malta, Edizzjoni Kummissjoni Komunikazzjoni Soċjali, 1981, pp.55).

Il-bijografu magħruf tal-Papa Ġwanni Pawlu II, George Weigel, jiddeskrivi l-Enċiklika Għani fil-Ħniena bħala “l-aktar espressjoni ċara tar-ruħ pastorali ta’ Ġwanni Pawlu II, u l-aktar indikazzjoni ċara kif din ir-ruħ kienet iffurmata mill-esperjenza u l-għarfien li Karol Wojtyla kellu tal-paternità”.[2] L-istess Weigel jistarr li Għani fil-Ħniena hija l-aktar enċiklika intensament teoloġika tal-Papa Ġwann Pawlu II għax tirrifletti żewġ aspetti tal-ħajja tiegħu: (i) ir-rabta spiritwali tiegħu mar-reliġjuża u mistika Pollakka Swor Faustina Kowalska (1905-1933) li aktar tard huwa bbeatifika u kkanonizza, u li xerrdet id-devozzjoni lejn il-Ħniena Divina fis-snin 30 tas-seklu li għadda; u (ii) l-esperjenza tiegħu ta’ paternità familjari u spiritwali kif raha, rispettivament, f’missieru u fil-Kardinal Sapieha ta’ Krakovja.[3]

Min jara lil jara lill-Missier (ara Ġw 14:9)

L-isem tal-enċiklika huwa meħud direttament mill-kliem tal-Ittra tal-Appostlu Missierna San Pawl lill-Efesin (2:4) – “Alla, għani fil-ħniena”. Il-Papa Ġwann Pawlu II jibda l-enċiklika billi jgħidilna: “‘Alla, għani fil-ħniena’ hu dak li Ġesù Kristu wriena bħala l-Missier: hu Ibnu stess li, fih innifsu, urihulna u għarrafulna. Dwar dan ta’ min ifakkar il-waqt li fih Filippu, wieħed mit-tnax-il Appostlu, dar lejn Ġesù u qal: ‘Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina’, u Ġesù wieġeb: ‘Ili daqshekk magħkom u għadek ma għaraftnix…? Min ra lili, ra lill-Missier” (Għani fil-Ħniena, par. 1). Il-Papa jibda billi jfisser kif il-ħniena ġiet irrivelata lilna l-bnedmin. Jurina wkoll kif il-punt tat-tluq tal-Maġisteru tiegħu huwa t-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II dwar l-Iben ta’ Alla, il-Feddej tal-bniedem (Redemptor Hominis). Ifakkarna f’dik il-frażi profonda tal-Kostituzzjoni Pastorali dwar il-Knisja fiż-żminijiet tal-lum, Gaudium et Spes (par.22), frażi li l-eku tagħha jibqa’ jidwi anke llum: “Kristu, Adam il-ġdid, meta juri l-misteru tal-Missier u tal-imħabba tiegħu, juri wkoll għal kollox il-bniedem lill-bniedem stess u jurih is-sejħa l-aktar għolja tiegħu”. Ġwann Pawlu II ifakkarna li waqt li Kristu jagħmel dan, huwa jurina l-misteru ta’ Alla l-Missier u l-imħabba tiegħu għal kull bniedem. Id-dinjità kollha kemm hi tal-bniedem tinftiehem biss b’riferenza għal Alla. Permezz tal-Iben li huwa l-quċċata tar-Rivelazzjoni, aħna l-bnedmin nistgħu niskopru l-misteru tal-Missier u tal-imħabba kollha ħniena li hu għandu għalina. Fi kliem ieħor, fl-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, aħna rajna l-wiċċ uman tal-Missier.

Il-Papa Ġwanni Pawlu II juża terminoloġija sabiħa meta jitkellem dwar l-inkarnazzjoni tal-ħniena. Alla li huwa etern, u li – kif jgħid San Ġwann l-Evanġelista (Ġw 1:18) – “għadu ħadd ma rah, għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla li hu fi ħdan il-Missier”. Il-ħniena infinita ta’ Alla lejn il-bniedem, kif narawha rivelata lilna għal sekli twal fil-ġrajjiet u l-kliem tat-Testment il-Qadim, tieħu svolta ġdida permezz tal-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla. Dan huwa mfisser mill-Papa Ġwann Pawlu II b’dan il-kliem:

“Fi Kristu u bi Kristu, Alla jidher b’mod speċjali fil-ħniena tiegħu, jiġifieri f’dak l-attribut ta’ Alla li fil-kotba tal-Patt il-Qadim, permezz ta’ għadd ta’ kliem u ħsibijiet hu mfisser bħala ‘ħniena’. Kristu jagħti tifsir sħiħ għal dejjem fit-tradizzjoni tal-Patt il-Qadim dwar il-ħniena. Mhux biss jitkellem fuqha u jfissirha permezz ta’ paraguni u parabboli, iżda fuq kollox jinkarnaha fih innifsu u b’xi mod ilibbisha f’persuntu, għax hu, b’xi mod, hu l-ħniena fiha nfisha. Għal min jaraha fih u jsibha fih, Alla ‘jidher’ b’mod speċjali bħala l-Missier ‘għani fil-ħniena’” (par.2).

Permezz ta’ Ġesù Kristu, il-bniedem għamel esperjenza ta’ Alla-qrib-tiegħu, Alla li ġie jiltaqa’ magħna l-bnedmin, għax Alla tagħna huwa l-Għimmanu-el, Alla-magħna u Alla-għalina l-bnedmin. Il-Missier kollu ħniena resaq lejna l-bnedmin permezz ta’ Ibnu, speċjalment kull meta huwa kien qrib tal-foqra, il-morda, il-midinbin u l-imwarrbin, dawk li l-Papa Franġisku jsejħilhom “il-periferiji eżistenzjali” tas-soċjetà.

Fil-bidu tal-enċiklika Għani fil-Ħniena, il-Papa Ġwann Pawlu II jaqsam mal-qarrejja l-iskop il-għala huwa kien qed jikteb dan id-dokument Maġisterjali. Huwa jgħid li quddiem l-esperjenza kerha tat-“tħassib u l-qtigħ il-qalb ta’ żminjietna” (par.2), huwa jrid iwassal messaġġ li jqawwi qalb il-bniedem. Quddiem ħafna preokkupazzjonijiet – wieħed biżżejjed jiftakar (għalkemm il-Papa ma jsemmihomx b’isimhom) fis-sitwazzjoni tad-dinja fi żmien il-Gwerra Bierda u l-konfront bejn iż-żewġ superpotenzi ta’ dak iż-żmien, l-okkupazzjoni tal-Afganistan mill-Unjoni Sovjetika, il-vjolenza mwettqa minn gruppi terroristiċi bħall-Brigate Rosse fl-Italja, il-Baader Meinhof fil-Ġermanja u l-IRA fl-Irlanda, il-qagħda mwegħra ta’ faqar f’ħafna pajjiżi tat-Tielet Dinja – il-Papa ħass ir-responsabiltà li jwassal messaġġ pożittiv u ta’ kuraġġ: li “mhux biss nimmeditaw il-misteru ta’ Alla bħala ‘l-Missier ta’ kull ħniena’, … imma wkoll, f’isem Kristu u flimkien ma’ Kristu, infittxu din il-ħniena ta’ Alla” (par.2). Il-Papa qed ifakkar, permezz tal-Enċiklika tiegħu Għani fil-Ħniena li Alla qiegħed dejjem jistenna lill-bniedem biex imur għandu bil-ħtiġijiet tiegħu, u biex jifhem aħjar il-misteru tal-imħabba li Alla għandu għalih. Huwa jistqarr li l-bniedem jeħtieġlu jagħmel esperjenza tal-ħniena ta’ Alla. Dak li Ġwann Pawlu II kiteb 35 sena ilu, jgħodd illum ukoll.

Jissokta f’numru ieħor tas-sensiela                                                         Dun Hector Scerri

hector.scerri@um.edu.mt

[1] Papa Franġisku, Bolla tal-Indizzjoni Misericordiae Vultus (11 ta’ April 2015), par.11.

[2] Traduzzjoni tiegħi tat-test ta’ George Weigel, Witness to Hope. The Biography of Pope John Paul II, New York 1999, p.388.

[3] Ara ibid., pp.386-387. Ara wkoll Zygmunt J. Mazanowski, Mercy and Forgiveness in Classical Moral Theology and Contemporary Psychology in the light of ‘Dives in Misericordia’ 14, Diss. Pontificia Università della Santa Croce, Roma, 2014, p.2 (aċċessata 3.2.2016).

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading