Aspetti dwar l-Enċiklika Għani fil-Ħniena tal-Papa San Ġwanni Pawlu II. It-Tieni Parti. Dun Hector Scerri

Print Friendly, PDF & Email

FORMAZZJONI U INFORMAZZJONI

MILL-KUMMISSJONI TEOLOĠIKA (36)

14 ta’ Marzu 2016

Aspetti dwar l-Ittra Enċiklika

Għani fil-Ħniena tal-Papa San Ġwann Pawlu II – It-Tieni Parti

(Ikompli minn numru 35 tas-serje formattiva u informattiva tal-Kummissjoni Teoloġika: preżentazzjoni dwar l-Ittra Enċiklika ‘Dives in Misericordia’ tat-30 ta’ Novembru 1980)

 

Il-Messaġġ Messjaniku

Il-Papa Ġwann Pawlu II jagħmel espożizzjoni konċiża u sabiħa dwar il-missjoni pubblika ta’ Ġesù, meta huwa kien jgħaddi mill-mogħdijiet, l-irħula u l-ibliet ta’ żmienu, jagħmel il-ġid u jfarraġ lil kulħadd.  Jirreferi għad-diskors ta’ Ġesù fis-Sinagoga ta’ Nazaret (Lq 4), meta huwa jaqra s-silta ġubilari ta’ Isaija 61: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani biex inwassal il-Bxara t-Tajba lill-fqajrin …”. Il-Papa jurina kemm Ġesù kien qrib tal-foqra u tal-imwarrbin tas-soċjetà ta’ żmienu. Huwa għandu messaġġ għalihom ilkoll, messaġġ li jgħodd għall-bniedem ta’ kull żmien. Jikteb hekk:

“Jiswa ħafna ninnotaw li n-nies li jissemmew huma qabel xejn il-fqar, dawk neqsin mill-meħtieġ għall-ħajja, dawk imċaħħdin mil-libertà tagħhom, dawk li għax għomja ma jistgħux jaraw il-ġmiel tal-ħolqien, dawk ta’ qalbhom maqsuma, dawk li qegħdin iġarrbu xi inġustizzja soċjali, u fl-aħħarnett il-midinbin. Huwa għal dawn in-nies l-aktar li l-Messija huwa sinjal, li malajr intebħu bih, ta’ Alla, li hu mħabba, sinjal tal-Missier Alla. In-nies ta’ żmienna – bħan-nies ta’ dari – jistgħu jaraw il-Missier f’sinjal bħal dan li jidher” (par.3).

F’din is-sezzjoni tal-enċiklika tiegħu, il-Papa jfakkarna li permezz ta’ Ġesù l-Messija, “il-Missier deher fost il-bnedmin bħala Mħabba u ħniena”. Il-predikazzjoni ta’ Ġesù għandha l-ħniena fiċ-ċentru tagħha. Dan jidher ċar, jgħidilna l-Papa Ġwann Pawlu II, fil-parabboli tal-Iben il-ħali, tan-nagħġa l-mitlufa u dik tas-Samaritan it-tajjeb. Huwa jagħmel aċċenn sabiħ għall-Evanġelju ta’ San Luqa bħala l-Evanġelju tal-ħniena. Fl-aħħarnett, il-Papa jgħallimna wkoll li aħna mhux biss dawk li jirċievu l-ħniena ta’ Alla, imma wkoll dawk li għandhom is-sejħa li jwassluha lill-oħrajn: “Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu l-ħniena” (Mt 5:7).

Il-Patt il-Qadim

Il-Papa Ġwann Pawlu II jiddedika t-tielet taqsima tal-Enċiklika għall-mod kif Alla irrivela l-ħniena lill-Poplu l-Magħżul tiegħu fit-Testment il-Qadim. Huwa jisħaq li “il-fehma tal-‘ħniena’ għandha ġrajja twila u għanja tul iż-żmien tal-Patt il-Qadim. Jeħtieġ inqisuha sewwa, biex tiddi aktar il-ħniena li biha għarrafna Kristu” (par.4). Huwa importanti li napprezzaw mhux biss il-messaġġ kollu ħniena li Ġesù wassal lin-nies ta’ żmienu permezz tal-predikazzjoni u t-tagħlim tiegħu, imma wkoll l-esperjenza tal-ħniena li l-Poplu ta’ Israel ġarrab tul l-istorja twila u mserrpa tiegħu, bit-tlugħ u l-inżul kollu tagħha.[1]

Kemm-il darba, il-Poplu ta’ Israel kiser il-Patt ta’ Alla. Dan in-nuqqas ta’ fedeltà lejn Alla ġiegħel lill-Profeti biex, imnebbħin minn Alla, isejħu l-Poplu biex jindem min-nuqqasijiet tiegħu u jduq il-ħlewwa tal-ħniena ta’ Alla għalih. Fl-Enċiklika Għani fil-Ħniena, il-Papa jsemmi bosta eżempji meta l-Poplu kien msejjaħ jiskopri mill-ġdid il-ħniena ta’ Alla għalih, bħal per eżempju, it-talba ta’ Salamun fid-dedikazzjoni tat-Tempju (1 Slat 8:22-53), siltiet mit-tħabbir tal-profeta Mikea (7:18ss), il-faraġ u l-wegħdiet ta’ Alla permezz ta’ Isaija (1:18; 51:4-6), il-karba tal-Lhud eżiljati f’Babilonja (Bar 2:11 – 3:8), u t-tiġdid tal-Patt wara r-ritorn mill-Eżilju (Neħ 9). Hemm għalhekk riferenza għall-aspett “soċjali” tal-ħniena, meta l-Poplu sħiħ jindem mill-infedeltà tiegħu. Hemm ukoll aċċenn għal xi esperjenzi personali tal-ħniena ta’ Alla, bħal fil-każ tad-dnub tas-sultan David u l-indiema tiegħu, kif ukoll il-każ tas-sultana Ester li, f’isem ġensha, titlob il-ħniena ta’ Alla.

Il-Papa Ġwann Pawlu II jiddedika parti sew minn din it-taqsima għal approfondiment dwar it-terminoloġija sabiħa użata fit-Testment il-Qadim biex tiddeskrivi l-ħniena ta’ Alla. Jirreferi għall-kittieba ispirati differenti u l-manjiera li biha huma jfissru l-ħniena ta’ Alla, u l-għana bla qjies tagħha. F’nota twila ħafna, il-Papa jidħol fil-fond fit-tifsira tal-kelma Lhudija hesed li tfisser tjieba mill-qalb, kif ukoll grazzja u mħabba. Jirreferi wkoll għall-kelma rahamim li fl-istess għerq tagħha tfisser l-imħabba tal-omm (għax rehem huwa ġuf l-omm), u tindika wkoll sentimenti ta’ tjieba, ħlewwa, sabar u mogħdrija.[2] Il-kelma hanan tintuża biex tiddeskrivi atteġġjament ta’ ġenerożità, qalb tajba u ħanina.

Il-Parabbola tal-Iben il-ħali

Il-Papa jiddedika r-raba’ taqsima tal-enċiklika tiegħu biex jiffoka fuq xi aspetti ta’ din il-parabbola li titwassal lilna mill-Evanġelista San Luqa. Il-Papa jistqarr li t-tema tal-ħniena tinsab sa mill-bidunett ta’ dan l-Evanġelju. Fil-Kantiku ta’ Marija, meta hi żżur lil Eliżabetta, diġà niltaqgħu mal-kliem “il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu”. Meta jasal biex jikkummenta dwar il-Parabbola, Ġwann Pawlu II jistqarr hekk:

“F’din il-parabbola ma niltaqgħux mal-kelma ‘ħniena’, iżda l-parabbola turi l-qofol tal-ħniena ta’ Alla b’mod tassew ċar. Dan iseħħ l-aktar mhux bil-kliem li jingħad, kif kien jiġri fil-Patt il-Qadim, imma mill-istorja nnifisha, li tgħinna nifhmu aktar fil-fond il-misteru tal-ħniena bħala ġrajja tal-biki li fiha jiltaqgħu flimkien l-imħabba ta’ missier u l-ħala u d-dnub ta’ iben” (par.5).

Ir-rakkont ta’ din il-parabbola nafuh sew, għax din hija waħda mill-aktar parabboli popolari kemm fil-katekeżi tat-tfal, kif ukoll fil-katekeżi ġenerali għal żmien ir-Randan. Il-Papa jikkummenta dwar il-mument kruċjali meta l-iben jiddeċiedi li jirritorna f’dar missieru. Fl-istess ħin, il-Papa jirrifletti dwar l-obbligu li l-iben iż-żgħir, b’ġustizzja, kellu lejn missieru wara li kien berbaqlu ġidu, għalkemm “il-kelma ġustizzja ma niltaqgħux magħha darba waħda biss” fil-parabbola. Fil-fatt, b’manjiera li kważi tissorprendik, il-Papa Ġwann Pawlu jgħid hekk:

“Wara li kien berbaq il-ġid li tah missieru, l-iben il-ħali, meta reġa’ lura, kien jistħoqqlu jaqla’ ħobżu jaħdem bħala lavrant f’dar missieru, u mbagħad, bil-mod il-mod, iġemma’ ftit ta’ ġid, għalkemm forsi qatt daqskemm kien berbaq. Dan titlob il-ġustizzja, aktar u aktar għaliex dan l-iben mhux biss tilef is-sehem li kien imissu mill-ġid, imma wkoll weġġa’ u nikket lil missieru bl-imġieba kollha tiegħu” (par.5).

Huwa propju hawn li l-Papa Pollakk jgħaddi biex jisħaq fuq id-dinjità tal-bniedem fid-dawl tal-ħniena ta’ Alla. L-imġieba tal-Missier tgħinna biex nifhmu kemm hija kbira l-ħniena ta’ Alla. Kien x’kien id-dnub kbir tal-iben iż-żgħir, il-missier jerġa’ jagħnih bid-dinjità li kien tilef meta sab il-qiegħ fl-esperjenza eżistenzjali tiegħu. Barra minn dan, il-Papa jgħidilna wkoll li l-Parabbola turi l-verità u l-urġenza tal-konverżjoni. Jgħallimna wkoll li l-qawwa tal-ħniena mhijiex biss “ħarsa qawwija kollha mogħdrija lejn kull xorta ta’ deni morali, fiżiku u materjali”, imma din tidher meta tassew tgħin il-bniedem joħroġ mill-qagħda kerha li jinsab fiha (par.6). Hu għalhekk li Ġwann Pawlu II jisħaq fuq kemm hija meħtieġa l-ħniena għaż-żminijiet li ngħixu fihom illum.

Jissokta f’numru ieħor tas-sensiela                                                                    Dun Hector Scerri

hector.scerri@um.edu.mt

[1] Ara Marcello Bordoni, “Annunciare Cristo, incarnazione della misericordia divina. L’enciclica Dives in Misericordia”, in Giovanni Paolo II Teologo. Nel segno delle encicliche, a cura di Graziano Borgonovo e Arturo Cattaneo, Milano 2003, p.91.

[2] Ara ibid.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading